Archive for July, 2014

Iċċelebrata l-Festa tal-Madonna tal-Karmnu

Omelija fil-Quddiesa tal-Festa tal-Madonna tal-Karmnu
Knisja Madonna tal-Karmnu (Ta’ Ħamet), Għawdex
L-Erbgħa 16 ta’ Lulju 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-PURGATORJU F’DIN ID-DINJA

our-lady-of-mount-carmel.jpg

Tradizzjonalment l-arti tippreżenta l-Madonna tal-Karmnu bħala dik li teħles lill-erwieħ mill-Purgatorju.  Hija ħaġa xierqa li aħna niftakru fl-għeżież mejtin tagħna u nissufrugawhom bit-talb u l-karità biex jitħaffef il-proċess tat-tisfija, biex jgħaġġlu jiksbu l-qdusija meħtieġa ħalli jidħlu fil-hena tas-Sema u jaraw lil Alla wiċċ imb’wiċċ.

Imma mbagħad hemm esperjenzi ta’ purgatorji oħra li l-bniedem jgħaddi minnhom matul ħajtu – uħud minn dawn l-esperjenzi tqal huma parti mill-ħajja, imma hemm oħrajn li mhux biss huma maħluqin mill-bnedmin, imma l-istess bnedmin jedhew jitfgħu l-ħatab biex ikebbsu n-“nar” ħalli jaraw il-bniedem ibati.  Nagħti ftit eżempji. Continue reading >>

Bullettin tal-Ħadd - 13 ta’ Lulju 2014

Niżżel kopja tal-Bullettin minn hawn:

bullettin-2014-lulju-13.jpg

Mons. Isqof Mario Grech jitkellem dwar l-Edukazzjoni għas-Sesswalità

L-Edukazzjoni għas-Sesswalità

himher.gif

Jekk fl-imgħoddi kellna kultura li kienet tiddisprezza l-ġisem daqslikieku dan kien xi theddida għad-dimensjoni spiritwali tal-bniedem, illum morna fl-estremità l-oħra fejn il-kult tal-ġisem sar tant eċċessiv li f’ħafna każi l-ġisem (u s-sesswalità) saru oġġett ta’ konsum u ta’ qligħ, tant li għandna min bla ebda skruplu jiskapriċċa aspett daqshekk “sagru” tal-bniedem biex jagħmel negozju.

Fil-viżjoni Nisranija tal-bniedem, il-ġisem mhux għajn ta’ ħażen, imma għandu funzjoni partikulari biex jgħin lill-persuna tgħix ħajjitha b’mod sħiħ.  Il-ġisem mhux xi piż jew kundanna li rridu nerfgħu, imma huwa meħtieġ biex il-bniedem ikun jista’ jgħix is-sejħa tiegħu jew tagħha biex jidħol f’relazzjoni mal-oħrajn.  Fi kliem ieħor, il-ġisem bis-sesswalità propja tiegħu huwa essenzjali biex persuna tkun tista’ tesprimi mħabbitha, u frott ta’ din l-imħabba, tasal biex tingħata.  Fil-fatt, il-ġisem hu meħtieġ biex jikxef il-bniedem u għalhekk ma nistgħu nippermettu ebda sfruttament jew użu ħażin tal-ġisem, għax jekk jiġri hekk, flok ma jagħni l-ġisem tal-bniedem, ifaqqru. Continue reading >>

Omelija tal-Isqof Grech fil-Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr tal-Venerabbli Qaddejja ta’ Alla Madre Margerita De Brincat

Omelija fil-Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr għad-Dikjarazzjoni
ta’ Madre Margerita De Brincat bħala Venerabbli
Pjazza tal-Knisja Parrokkjali ta’ San Girgor, Ta’ Kerċem, Għawdex
Il-Ġimgħa 4 ta’ Lulju 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

14j_2501-1.jpg

MARGERITA, MARA HIENJA

 

Min minna ma jixtieqx ikun hieni?  Jien l-ewwel wieħed li nagħmel ħilti biex nipprova nkun kuntent.  Il-bniedem ikun għadu lanqas ħareġ minn ħdan ommu li ma jibdiex ifittex kif jista’ jiżgura ruħu li jkun kuntent.  Ħajjitna hija sforz kontinwu biex nippruvaw inkunu kemm jista’ jkun henjin.

Hena falz?
Imma huwa fatt li ta’ bnedmin li aħna spiss jiġrilna li mingħalina nkunu sibna l-hena, imbagħad jirriżultalna li dak il-hena jkun bużżieqa tas-sapun li f’ħakka t’għajn tinfaqa’ f’idejna.  Meta nara l-hena jgħib daqshekk malajr, jiġini li nistaqsi jekk kienx jiswa li nkunu ħallasna dak il-prezz biex inkunu henjin!  Nafu wkoll b’nies li l-hena mhux wara l-bieb tad-dar tagħhom u forsi ilhom imċaħħdin minnu ġimgħat, xhur, jekk mhux ukoll snin.  Dan jista’ jiġri kemm għaliex il-bniedem innifsu jkun ġera wara r-riħ u l-baħħ, u kemm għaliex jista’ jsib ruħu f’xi diżgrazzja.  Imbagħad hemm każi fejn ħaddieħor jisirqilna l-paċi, it-trankwillità u l-ferħ.  Fid-Diskors tal-Muntanja, Ġesù jiffoka fuq ċerti sitwazzjonijiet li ma tantx jawguraw l-hena lill-bniedem – il-faqar, il-biki, l-inġustizzji, il-persekuzzjoni, u l-bqija.  Din hija d-drama umana.  Ma għandniex għax narawha bi kbira li ħafna drabi, f’qagħdiet bħal dawn, il-bniedem iħossu ffrustrat u mdejjaq.  Hawn min tant ikun imnikket, li jara l-lejl twil qatigħ u jkun fuq ix-xwiek jistenna t-tbexbix ta’ jum ġdid biex forsi jara r-raġġi tax-xemx ikeċċu d-dlam minn fuqu.  Bir-raġun, xi wħud ma għadhomx jafu jitbissmu. Continue reading >>

Imxandar id-Digriet dwar il-Venerabbli ġdida Madre Margerita De Brincat

jixxandar-id-digriet-tal-venerabbli-madre-margerita.jpg

Il-pjazza ta’ quddiem il-knisja parrokkjali Ta’ Kerċem, ir-raħal li fih twieldet Virġinja De Brincat fit-28 ta’ Novembru 1862, assistiet għal ġrajja storika nhar il-Ġimgħa, 4 ta’ Lulju 2014, filgħaxija, hekk kif l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech mexxa Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr u ħabbar uffiċjalment id-Digriet tal-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin, iffirmat mill-Papa Franġisku fis-27 ta’ Jannar 2014, li bih Madre Margerita De Brincat ġiet iddikjarata Venerabbli.

Għall-Quddiesa, li fiha kkonċelebraw in-Nunzju Appostoliku Aldo Cavalli, l-Isqof Awżiljarju ta’ Malta Charles J. Scicluna u bosta saċerdoti, attendiet ukoll il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca. Fil-kongregazzjoni kien hemm għadd sabiħ ta’ Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, imwaqqfa mill-Venerabbli De Brincat, flimkien mal-Madre Ġenerali Sr Vitaliana Zammit u l-Madre Provinċjali Sr Josephine Xuereb. Continue reading >>

Ittra Ċirkulari tal-Isqof Grech

F’Ittra Ċirkulari li se tinqara fil-quddies ta’ dan il-Ħadd, Mons. Isqof Mario Grech jistieden lill-Insara jitolbu lill-Madonna bi tħejjija għas-Sinodu tal-Isqfijiet li se jsir f’Ottubru li ġej.

Niżżel kopja tal-Ittra Ċirkulari bil-Malti: 37-2014-madonna-loreto-sinodu-isqfijiet-familja.pdf

Download English version of Bishop’s Circular Letter: 37-2014-our-lady-of-loreto-bishops-synod-on-the-family.pdf

Bullettin tal-Ħadd - 6 ta’ Lulju 2014

Niżżel kopja tal-Bullettin minn hawn:

bullettin-2014-lulju-06.jpg

Iċċelebrata l-festa tal-Battista fix-Xewkija

Omelija fil-Festa ta’ San Ġwann Battista
Rotunda ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija, Għawdex
Il-Ħadd 22 ta’ Ġunju 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

bishop-grech-at-xewkija-feast-2014.jpg

MUSBIEĦ JIXGĦEL FID-DLAM

Kemm huwa ikrah meta taqa’ dalma fuqna.  Dan ġieli jiġri lili.  Ifisser li jkun hemm mumenti fejn ma tarax ħlief ċappa dlam.  F’waqtiet bħal dawn tħossok mitluf u jkollok sensazzjoni li ma tkunx taf f’min ser tafda, fejn sejjer u jekk hemmx possibbiltà li toħroġ minn dik is-sitwazzjoni.  F’ċirkustanzi bħal dawn, ma tibqax tara u anqas tibqa’ tagħraf l-uċuħ – minħabba f’hekk jiġrilna li naħbtu ma’ xulxin mingħajr ma nintebħu ma’ min inkunu qegħdin naħbtu u hekk id-dlam jikber.  Din it-tbatija tkun aktar wiegħra meta jkun ħaddieħor li jdaħħalna f’din il-qagħda.

Din id-dalma tista’ tkun kundizzjoni li tgħaddi malajr; imma daqshekk ieħor nistgħu nieħdu żmien twil biex negħlbuha.  Naf persuni li ilhom xhur u snin jgħixu fid-dlam.  Il-festi tagħna huma taħlita ħelwa ta’ daqq, briju u sparar.  Dawn iridu jkunu, imma hemm ir-riskju li jnessuna li madwarna hawn persuni u familji li qed jgħammru fid-dlam.  Għal dawn ukoll issir il-festa, partikularment il-festa tal-lum f’ġieħ San Ġwann Battista.  Jalla din il-festa tkun għalihom xrara ta’ dawl li jgħinhom joħorġu minn dan l-abbiss tad-dlam. Continue reading >>