L-Edukazzjoni għas-Sesswalità
Jekk fl-imgħoddi kellna kultura li kienet tiddisprezza l-ġisem daqslikieku dan kien xi theddida għad-dimensjoni spiritwali tal-bniedem, illum morna fl-estremità l-oħra fejn il-kult tal-ġisem sar tant eċċessiv li f’ħafna każi l-ġisem (u s-sesswalità) saru oġġett ta’ konsum u ta’ qligħ, tant li għandna min bla ebda skruplu jiskapriċċa aspett daqshekk “sagru” tal-bniedem biex jagħmel negozju.
Fil-viżjoni Nisranija tal-bniedem, il-ġisem mhux għajn ta’ ħażen, imma għandu funzjoni partikulari biex jgħin lill-persuna tgħix ħajjitha b’mod sħiħ. Il-ġisem mhux xi piż jew kundanna li rridu nerfgħu, imma huwa meħtieġ biex il-bniedem ikun jista’ jgħix is-sejħa tiegħu jew tagħha biex jidħol f’relazzjoni mal-oħrajn. Fi kliem ieħor, il-ġisem bis-sesswalità propja tiegħu huwa essenzjali biex persuna tkun tista’ tesprimi mħabbitha, u frott ta’ din l-imħabba, tasal biex tingħata. Fil-fatt, il-ġisem hu meħtieġ biex jikxef il-bniedem u għalhekk ma nistgħu nippermettu ebda sfruttament jew użu ħażin tal-ġisem, għax jekk jiġri hekk, flok ma jagħni l-ġisem tal-bniedem, ifaqqru.
Is-sesswalità hija dimensjoni nobbli u sabiħa tal-bniedem, għaliex hija l-espressjoni ta’ aħna min aħna. Eżerċizzju mħarbat jew imgerfex tas-sesswalità jirrifletti persuni mħarbta u mgerfxa. Il-parti ġenitali u dik affettiva huma inxindibbli, għaliex is-sesswalità mhix inċiża biss fil-ġisem, imma tikkwalifika wkoll il-ħajja psikika u spiritwali tal-bniedem. Għaldaqstant, tkun viżjoni ridotta ħafna jekk wieħed japprezza s-sesswalità mil-lenti bijoloġika biss. Huwa l-iżvilupp bijoloġiku u psikiku tal-persuna li għandu jwassal biex ikun hemm l-integrazzjoni tal-ġenitalità u tal-affettività.
Dan l-aħħar Dar Ġużeppa Debono tatna A national research study to enable policy makers to develop a preventve policy for teenage pregancy in Malta and Gozo. Dan l-istudju jibgħatilna sinjal qawwi dwar l-urġenza li tingħata edukazzjoni għas-sesswalità lill-adolexxenti tagħna li jinsabu f’dilemma dwar suġġett daqshekk delikat. Il-pern ewlieni li fuqu għandha sserraħ din il-proposta edukattiva huwa x’antropoloġija sejrin inħaddmu, fi kliem ieħor x’viżjoni għandna dwar min hu l-bniedem. Għaliex jekk niżvijaw f’tema daqshekk fundamentali ta’ antropoloġija filosofika, niżvijaw ukoll fid-diskors tagħna dwar is-sesswalità. Għaliex l-edukazzjoni, li hija attività finalistika, tippresupponi x’kunċett għandna tal-bniedem. Fl-għażliet li jsiru f’dan il-kamp daqshekk importanti bħalma hija l-edukazzjoni għas-sesswalità, tajjeb nippruvaw nevitaw kunċett riduttiv tal-persuna.
Fil-fatt, il-profil iġeniku-sanitarju, fejn l-edukazzjoni sesswali toffri biss tagħrif xjentifiku u newtrali dwar is-sess u l-mekkaniżmi ġenitali u fiżjoloġiċi, jittraskura l-aspetti psikoloġiċi, affettivi, soċjali u spiritwali tal-persuna. It-tagħrif xjentifiku serju huwa meħtieġ, imma nifhem li jrid ikun integrat ma’ aspetti oħra importanti biex kull informazzjoni tinkwadra fid-dinamika komplessiva tas-sesswalità.
Jekk il-proċess edukattiv jimmira biex jgħin lill-persuna tuża s-sesswalità tagħha biex tissodisfa l-egoiżmu tagħha, allura f’dan il-każ mhux is-sess huwa għall-persuna biex tilħaq l-għanijiet nobbli tagħha, imma pjuttost il-persuna tiġi ssagrifikata biex ikun hemm gratifikazzjoni tal-ġibdiet fiżjoloġiċi u istintwali tas-sess.
Kif għidt aktar ’il fuq, nemmen li ma nistgħux nifirdu d-diskors dwar il-ġenitalità minn dak dwar l-affettività. Is-sesswalità hija lingwaġġ biex il-bniedem jesprimi l-imħabba tiegħu. Id-dinamiżmu tas-sesswalità – fuq il-livell fiżjologiku, affettiv u spiritwali – huwa orjentat biex ikun hemm id-djalogu tal-imħabba li jwassal għall-għotja. L-att konjugali huwa l-ogħla espressjoni tal-ogħla għotja li l-bniedem jista’ jagħmel lill-persuna li jħobb. Naturalment, barra dawn ir-relazzjonijiet sesswali-ġenitali, hemm ukoll dawk li jissejħu relazzjonijiet sesswati. Għalkemm ma jinkludux l-aspett ġenitali, ir-raġel u l-mara jgħixu din ir-relazzjoni fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum b’atteġġjamenti ta’ rispett, stima u mħabba reċiproka. L-edukazzjoni għas-sesswalità tgħin biex filwaqt li l-persuna tgħożż ir-relazzjoni sesswali-ġenitali, hija tħejji ruħha biex tkun taf tħobb, anki jekk din ix-xorta ta’ espressjoni tal-imħabba ma tkunx aktar possibbli.
Jekk is-sesswalità hija l-lingwaġġ tal-imħabba, bħal kull lingwa oħra din għandha l-grammatika tagħha. Mhumiex regoli grammatikali imposti minn fuq jew minn barrra, imma huma ddettati mill-istess natura tas-sesswalità. Fil-fatt, imġiba sesswali tkun tajba jew ħażina skont kemm tkun imġiba li tgħin biex il-persuna tħossha aktar realizzata, fis-sens li tkun attività li permezz tagħha l-persuna tkun tirrispondi għall-vokazzjoni umana tagħha. Huwa fatt li kull persuna hija sistema unika u rrepetibbli, fis-sens li ma nistgħu nqiegħdu ebda persuna fi skema tagħna. Għalhekk, filwaqt li r-regoli grammatikali tas-sesswalità huwa hemm (prinċipji morali tas-sesswalità), irridu nkunu ħafna prudenti u kawti meta nitkellmu dwar ir-responsabbiltà morali tal-persuna, għaliex għalkemm ħadd ma jista’ ma jagħtix kas tal-prinċipji morali li jgħinuna biex ngħixu din id-dimensjoni tas-sesswalità b’mod awtentiku, kull persuna twieġeb moralment skont kemm tkun irnexxielha tagħmel tagħha (tinterjorizza) il-grammatika msemmija. Għalhekk, għal dawk li għal xi raġuni jew oħra jkunu għadhom ma ħaddnux din il-grammatika, filwaqt li wieħed jibqa’ jittama li xi darba jikkonvinċu ruħhom u japplikaw dawn ir-regoli, jixraq li fil-frattemp ikun hemm akkumpanjament personalizzat biex kemm jista’ jkun tonqos il-gravità tal-iżbalji li jistgħu jagħmlu.