gruppmissjunarju.jpg

“Ħobb lil Ġesù u għin lill-oħrajn iħobbuħ ukoll”

Storja
Il-Grupp Missjunarju Għawdxi ltaqa’għall-ewwel darba fit-2 ta’ Ottubru 1982 bl-inizjattiva ta’ Mons. Isqof Nikol Cauchi u Dun Mikiel Attard.

Dun Mikiel Attard kien fundatur u l-ewwel Direttur Spiritwali tal-grupp. Dam f’din il-kariga sakemm ma kienx għadu jiflaħ sewwa. Wara, bħala direttur spiritwali l-grupp kellu lil Dun Salv Grima, li wkoll kien jattendi meta kien għadu jmexxi Dun Mikiel Attard.

Illum il-Grupp Missjunarju Għawdxi għandu lil Fr. Manwel Spiteri bħala direttur spiritwali, u jiltaqa’ fis-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù fir-Rabat , Għawdex kull l-Ewwel Sibt tax-xahar fil-5.00pm. Kulħadd hu mistieden.

Għanijiet

  • inissel interess u joffri tagħrif ieħor missjunarju, l-iktar fost il-lajċi, ħalli jikbru fl-imħabba tagħhom lejn ħuthom fil-missjoni;
  • joffri esperjenzi missjunarji għal żmien qasir f’pajjiżi missjunarji billi jimmotiva mħabba akbar lejn Ġesù f’dawk li jitħeġġu għall-missjoni;
  • janima u jitlob għal vokazzjonijiet missjunarji.

Animazzjoni missjunarja f’Għawdex
L-animazzjoni missjunarja f’Għawdex hi marbuta ma’ programm li jinkludi: żjajjar lil ċentri taż-żgħażagħ, adorazzonijiet f’diversi paroċċi ta’ Għawdex, organizzazzjoni ta’ Ġimgħa Missjunarja.

Talba tal-Grupp
O Ġesù, Feddej tal-Bnedmin, li għażilt għalik it-triq tat-tbatija u l-mewt tas-salib biex issalva l-erwieħ; agħtina li nifhmu sewwa kemm hi prezzjuża r-ruħ tal-bniedem, għamel li aħna jkollna l-istess xewqa tiegħek li l-bnedmin kollha jagħrfu s-sewwa u jimxu fid-dawl tal-Vanġelu Mqaddes. Inti stess widdibtna sabiex nitolbu lil Sid il-ħsad ħalli jibgħat il-ħaddiema fl-għalqa tal-ħsad tiegħu: aħna nitolbuk tqanqal fina u fiż-żgħażagħ insara l-ispirtu missjunarju u l-ħeġġa sabiex nagħtu s-sehem tagħna fil-ħidma għat-tixrid ta’ saltnatek imwettqa mill-Knisja tiegħek. Amen.

Esperjenzi Missjunarji
Fil-Kenja: darba mas-sorijiet missjunarji tal-Karità, 9 darbiet mal-Kappuċċini fid-djoċesi ta’ Garissa, u mas- sorijiet ta’ Ulied tal-Qalb ta’ Ġesù, u darba oħra mal-White Fathers, Nairobi. Fis-Sudan : fid-djoċesi ta’ Ola e bid. F’Tunis : 5 darbiet mas-Salesjani, darbtejn mas-Sorijiet Missjunarji tal-Karità, u darba oħra irtir fid-deżert ma’ Dun Nazju Borg għal koppji għarajjes. Fl-Indja : darba mas-Sorijiet Missjunarji tal-Karità, mal-Ġiżwiti u mas- Salesjani. Fil-Pakistan : darbtejn mas-Sorijiet Dumnikani u mas-Sorijiet Frangiskani, darb’oħra mal-patrijiet tal-M.S.S.P. Fil-Brażil : ma’ Dun Ġorġ Grima, ma’ Dun John Mary Cauchi. Fil-Perù : darba ma’ Dun Raymond Portelli, darb’oħra mal-patrijiet tal-M.S.S.P. Fl-Etjopja : mas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, mas-Sorijiet Missjunarji tal-Karità.

Ipparteċipaw f’dawn l-esperjenzi missjunarji mhux inqas minn 320 persuna kemm minn Għawdex u kif ukoll minn Malta, fosthom kien hemm saċerdoti, lajċi, adulti , żgħażagħ u seminaristi. Diversi membri marru għal esperjenza missjunarja wara ma’ xi grupp ieħor ukoll.

Kienu bosta l-vokazzjonijiet reliġjuzi u missjunarji li ħarġu minn dan il-grupp. Kien hemm diversi lajċi li marru kemm-il darba għal esperjenza missjunarja, u kien hemm anke min mar għal sena sħiħa .

Il-proposta missjunarja f’dawn l-esperjenzi kienet varja: ħidma ma’ trabi, tqassim ta’ ikel, xogħol ta’ manutensjoni fi djar u knejjes, bini ta’ għerejjex, animazzjoni mat-tfal u tagħlim tal-katekeżi, għajnuna lill-missjunarji, tagħlim tal-bizzilla, ħjata, eċċ lil żgħażagħ, żjajjar lil familji, tqassim ta’ mediċini, ħidma fi kliniċi.