Il-pjazza ta’ quddiem il-knisja parrokkjali Ta’ Kerċem, ir-raħal li fih twieldet Virġinja De Brincat fit-28 ta’ Novembru 1862, assistiet għal ġrajja storika nhar il-Ġimgħa, 4 ta’ Lulju 2014, filgħaxija, hekk kif l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech mexxa Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr u ħabbar uffiċjalment id-Digriet tal-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin, iffirmat mill-Papa Franġisku fis-27 ta’ Jannar 2014, li bih Madre Margerita De Brincat ġiet iddikjarata Venerabbli.
Għall-Quddiesa, li fiha kkonċelebraw in-Nunzju Appostoliku Aldo Cavalli, l-Isqof Awżiljarju ta’ Malta Charles J. Scicluna u bosta saċerdoti, attendiet ukoll il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca. Fil-kongregazzjoni kien hemm għadd sabiħ ta’ Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, imwaqqfa mill-Venerabbli De Brincat, flimkien mal-Madre Ġenerali Sr Vitaliana Zammit u l-Madre Provinċjali Sr Josephine Xuereb.
Id-Digriet dwar il-Venerabbiltà ta’ Madre Margerita nqara bil-Malti fil-bidu tal-Quddiesa mill-Kanċillier tal-Kurja Mons. Salv Debrincat qara l-verżjoni bil-Malti, wara li l-Postulatur tal-Kawża tagħha Patri Giovann Giuseppe Calafano OFM ippreżenta l-mixja li wasslet għal din il-ġrajja. Fl-omelija tiegħu, Mons. Grech qal li “fil-persuna tal-Venerabbli Madre Margerita tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Poplu ta’ Alla għandu eżempju ta’ mara hienja”.
Il-Quddiesa kienet imxandra dirett fuq l-istazzjon televiżiv nazzjonali TVM2, li xandar ukoll serje ta’ drama bijografika fuq il-Venerabbli De Brincat, l-ewwel wild ta’ Għawdex li waslet tant qrib tal-Beatifikazzjoni.
L-inkjesta djoċesana dwar il-virtujiet erjoċi tal-Venerabbli Margerita De Brincat kienet infetħet fl-4 ta’ Lulju 1987, u l-validità tagħha ġiet magħrufa mill-Kongregazzjoni għall-Kawżi tal-Qaddisin fl-1 ta’ Diċembru 2000. Fost dawk li kienu ħadmu ħafna f’dan il-proċess kien hemm Dun Mario Grech, minn Ta’ Kerċem, raħal twelid il-Qaddejja ta’ Alla, u l-lum Isqof ta’ Għawdex.
Il-Positio f’Ruma tlestiet fit-12 ta’ April 2013, u fil-Kungress Pekuljari tat-Teologi Konsulturi saret diskussjoni b’riżultat pożittiv, hekk li f’Sessjoni Ordinarja tal-kardinali u l-isqfijiet fil-21 ta’ Jannar 2014, il-Kardinal Prefett Angelo Amato ddikjara li l-Qaddejja ta’ Alla għexet b’mod erojku l-virtujiet teologali, kardinali u oħrajn. Dan wassal għall-pubblikazzjoni ta-digriet ta’ Jannar li għadda, li xxandar uffiċjalment fid-Djoċesi Għawdxija l-bieraħ fil-għaxija.
Ritratt: John Cordina