Omelija fil-Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr għad-Dikjarazzjoni
ta’ Madre Margerita De Brincat bħala Venerabbli
Pjazza tal-Knisja Parrokkjali ta’ San Girgor, Ta’ Kerċem, Għawdex
Il-Ġimgħa 4 ta’ Lulju 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
MARGERITA, MARA HIENJA
Min minna ma jixtieqx ikun hieni? Jien l-ewwel wieħed li nagħmel ħilti biex nipprova nkun kuntent. Il-bniedem ikun għadu lanqas ħareġ minn ħdan ommu li ma jibdiex ifittex kif jista’ jiżgura ruħu li jkun kuntent. Ħajjitna hija sforz kontinwu biex nippruvaw inkunu kemm jista’ jkun henjin.
Hena falz?
Imma huwa fatt li ta’ bnedmin li aħna spiss jiġrilna li mingħalina nkunu sibna l-hena, imbagħad jirriżultalna li dak il-hena jkun bużżieqa tas-sapun li f’ħakka t’għajn tinfaqa’ f’idejna. Meta nara l-hena jgħib daqshekk malajr, jiġini li nistaqsi jekk kienx jiswa li nkunu ħallasna dak il-prezz biex inkunu henjin! Nafu wkoll b’nies li l-hena mhux wara l-bieb tad-dar tagħhom u forsi ilhom imċaħħdin minnu ġimgħat, xhur, jekk mhux ukoll snin. Dan jista’ jiġri kemm għaliex il-bniedem innifsu jkun ġera wara r-riħ u l-baħħ, u kemm għaliex jista’ jsib ruħu f’xi diżgrazzja. Imbagħad hemm każi fejn ħaddieħor jisirqilna l-paċi, it-trankwillità u l-ferħ. Fid-Diskors tal-Muntanja, Ġesù jiffoka fuq ċerti sitwazzjonijiet li ma tantx jawguraw l-hena lill-bniedem – il-faqar, il-biki, l-inġustizzji, il-persekuzzjoni, u l-bqija. Din hija d-drama umana. Ma għandniex għax narawha bi kbira li ħafna drabi, f’qagħdiet bħal dawn, il-bniedem iħossu ffrustrat u mdejjaq. Hawn min tant ikun imnikket, li jara l-lejl twil qatigħ u jkun fuq ix-xwiek jistenna t-tbexbix ta’ jum ġdid biex forsi jara r-raġġi tax-xemx ikeċċu d-dlam minn fuqu. Bir-raġun, xi wħud ma għadhomx jafu jitbissmu.
Ġesù jagħtina l-hena veru
Quddiem din ix-xewqa universali għall-hena, fid-Diskors tal-Muntanja, Ġesù jagħmel proposta lill-umanità: jixteqilna l-hena! Inħoss li l-ewwel beatitudni li jsemmi Ġesù hija l-muftieħ biex aħna niftħu l-bieb tal-hena. Ġesù jgħid li huma henjin dawk li huma foqra fl-ispirtu għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet. Bl-ebda mod ma nistgħu ngħidu li hawnhekk Ġesù qiegħed japprova l-faqar; Ġesù qed jgħidilna li henjin aħna jekk nintebħu li l-qalb tagħna ma tistrieħx jekk mhux f’Alla. Fil-fatt, Santu Wistin jitkellem dwar il-qalb li ma tistax issib mistrieħ għax qed tfittex l-hena – cor inquietum. Din hija l-qalb ta’ kull wieħed minna. Hija l-qalb tal-familji tagħna. Fuq kollox, hija l-qalb tas-soċjetà tagħna li minkejja li rnexxielha tkattar il-ġid, għad ma għandhiex serħan. Dan is-serħan niksbuh biss meta nindunaw li xejn ma jimla l-qalb u xejn ma jagħtina l-hena jekk mhux Alla nnifsu. Dan ifisser li aħna rridu nbattlu qalbna minn ħafna imbarazz li jinġabar fiha u noħolqu spazju għal Alla. Alla huwa mħabba u hija din l-imħabba li tagħmilna henjin. “Inħobbu l-imħabba” u din l-imħabba tagħmilna henjin.
Alla jibki magħna
Ġesù jiżgura dan l-hena anki lil dawk li qegħdin jibku għax huma għad ikunu mfarrġa. Hawn Ġesù, aktar milli qed jirreferi għal dawk li jġarrbu mumenti iebsin li jgħaddu malajr, qed jirreferi għal dawk li jinsabu f’kundizzjoni tant tqila u prolungata li jaħbtu jaqtgħu n-nifs. Mhix il-kundizzjoni mwiegħra tal-ħajja li tagħmilna henjin, imma l-fatt li nafu li fl-abbiss tat-tbatija ma aħniex waħidna, imma hemm jakkumpanjana Alla li jbati magħna. Meta aħna qed nibku, hemm Alla jibki magħna.
Mara li kienet hienja
Illum qegħdin nagħmlu din l-Ewkaristija biex nirringrazzjaw lil Alla li permezz tal-Knisja għarrafna li Madre Margerita tal-Qalb ta’ Ġesù hija Venerabbli. Lil hinn minn ħafna kliem tekniku li nirriskjaw bil-kbir li ma nifhmuhx, dan ifisser li l-Knisja qed tipproponilna mara li kienet hienja. Is-sigriet tal-hena tagħha kien wieħed: għarfet tagħmel il-wisa’ f’qalbha għal Kristu. Fil-fatt hija ssejjaħ lil Ġesù “l-għarus Kurċifiss” u tant kienet tħobbu li kellha xewqa tkun imsallba miegħu. Darba kitbet li “jekk tħares lejn l-Imħabba, kollox isir ħelu u faċli”. Madre Margerita għaddiet minn mumenti twal ta’ biki; kellha sfidi tqal x’taffronta; messet b’idejha l-pjagi tas-soċjetà ta’ żmienha. Fi kliem ieħor, Madre Margerita kienet taf xi tfisser l-esperjenza tal-bniedem iffrustrat għax mhux hieni; imma ta’ mara mistika li kienet, qalbha kienet tfawwar bl-imħabba divina. Mhux biss kienet hienja, imma l-Qaddejja ta’ Alla għamlet ħilitha biex tifrex dan il-hena madwarha. Fil-fatt, hija riedet li l-Kongregazzjoni tas-sorijiet li hi waqqfet flimkien ma’ Dun Ġużepp Diacono jkollha għal qalbha l-ħidma missjunarja. Kemm nixtieq li l-Knisja lokali tibqa’ tgħożż u ma titlifx din id-dimensjoni missjunarja! Margerita kellha passjoni għall-bniedem f’artijiet imbiegħda għaliex qalbha kienet imdakkra mill-passjoni li Alla għandu għall-bniedem. Hija riedet twassal din il-Bxara t-tajba li tirrispondi għal dik il-ħtieġa tagħna l-bnedmin li nixtiequ nkunu henjin.
Fil-persuna tal-Venerabbli Madre Margerita għandna l-proposta tal-vera et perfecta lætitiæ Franġiskana li tinkarna l-ewwel Beatitudni: “Henjin il-foqra fl-ispirtu għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet”. Biex din il-ġrajja ma tkunx ċelebrazzjoni tal-mument, kif hemm ir-riskju li jiġri, inħeġġiġkom biex tkunu kurjużi u taqraw il-ħajja tal-Venerabbli De Brincat li għandha proposta li tagħmel ħafna sens għas-soċjetà tal-lum, li, minkejja li hija fis-sakra bil-hena tad-dinja, mhix hienja. Imma l-ħajja ta’ Madre Margerita hija miktuba fil-paġna tal-Vanġelu fejn hemm id-Diskors tal-Muntanja. Fil-Beatitudnijiet hemm il-bijografija ta’ Ġesù li fih twettqu b’mod sħiħ dawn il-barkiet; imma nistgħu ngħidu li fil-Beatitudnijiet hemm ukoll il-bijografija ta’ Madre Margerita, imitatriċi perfetta ta’ Ġesù u li llum għandna konferma li fiha twettqu l-wegħdiet li għamel Ġesù.
Ritratt: John Cordina