Archive for July, 2014

Id-diskussjoni pubblika dwar id-droga: Il-Kontribut tal-Fondazzjoni OASI

ID-DISKUSSJONI DWAR ID-DROGA

“Insib interessanti ħafna u naqbel mal-fehmiet espressi hawn taħt minn Dun Manwel Cordina Direttur Ġenerali tal-OASI” (Mons. Isqof Mario Grech).

_________________

 Il-fehma tal-Fondazzjoni OASI

1. Bħala OASI, taqblu jew taraw lok li għandhom ikunu aġġornati l-liġijiet marbuta mal-pussess u traffikar tad-droga? X’tipproponu?

Il-ħajja hija f’moviment kontinwu ta’ bidla u ta’ żvilupp soċjali. Għaldaqastant huwa meħtieġ ukoll li l-liġijiet u l-ordni li tirregola l-ħajja soċjali ta’ pajjiż jkunu aġġornati minn żmien għal żmien.

F’soċjetà demokratika dan huwa x-xogħol, l-obbligu u r-responsabbiltà ta’ dawk eletti fil-Parlament. Il-Parlament huwa l-post fejn, fil-limiti tal-Kostituzzjoni tal-pajjiż, huma diskussi u approvati liġijiet ġodda u jkunu aġġornati l-liġijiet eżistenti. Konsegwentament u loġikamnet it-tweġiba tiegħi f’isem sħabi membri fil-Fondazzjoni OASI hija li aħna naqblu u neżiġu li l-liġijiet varji tal-pajjiż minn żmien għal żmien ikunu aġġornati skont l-iżviluppi tax-xjenzi mediċi, psikoloġiċi, soċjali u forensiċi.

Fil-kuntest tat-tħejjijiet lejn Riforma fil-Qasam tal-Qrati u Ġustizzja, il-Fondazzjoni OASI tawgura li l-materja tkun diskussa u trattata minghajr għaġġla imma b’urġenza u b’mod verament konsultattiv. Mhux il-kompitu tal-OASI li tipproponi xi emendi jew suġġerimenti qabel ikollha f’idejja d-dokument bażiku mħejji apposta mill-konsulenti maħtura apposta mill-Ministeru tal-Ġustizzja. Continue reading >>

Iċċelebrata l-Festa tal-Korpus

Omelija fil-Festa ta’ Corpus Domini
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria, Għawdex
Il-Ħadd 22 ta’ Ġunju 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

celebrazzjoni-djocesana-ta-kristu-re-2009.jpg

AGĦTINI KISRA ĦOBŻ

Bil-Malti għandna l-espressjoni “agħtini kisra ħobż”.  Nużaw il-kelma “kisra” għaliex meta taqta’ l-ħobża, tkun qed tiksirha.

Issa meta aħna niċċelebraw l-Ewkaristija, kull wieħed minna jista’ jieħu “kisra” minn dan il-ħobż Ewkaristiku.  Fl-Aħħar Ċena, Ġesù ħa l-ħobż f’idejh, kisru u tahulhom.  Anki fir-rakkont tad-dixxipli ta’ Għemmaws, dawn fetħu għajnejhom u għarfu lil Ġesù waqt “il-qsim tal-ħobż”.  L-Ewkaristija hija ħobż miksur għalina.  Hija l-qamħ mitħun għalina.  Sa hawn tasal l-imħabba tal-Imgħallem: li jkisser ġismu għalina!  Daqshekk niswew int u jien f’għajnejn Ġesù.  Għalhekk quddiem fenomenu tal-imħabba bħal dan, meta Kristu jitkisser għalina, ma għandniex għalfejn naqtgħu qalbna u nitbiegħdu mill-Ewkaristija.  Għaliex meta ssirilna l-istedina biex nieħdu kisra minn dan il-ħobż Ewkaristiku, nibqgħu lura?  Nerġa’ ntenni li l-imħabba tal-Mulej għalina hija tant kbira, li hu jsir qamħ mitħun u ħobż miksur għalina.  Ma hemm ebda motiv li għandu jbegħidna mill-Ewkaristija.

Continue reading >>

L-Isqof Grech jamministra l-Griżma tal-Isqof fil-Parroċċa tal-Għarb

Sintesi tal-Omelija waqt l-għoti tas-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof
Bażilika tal-Viżitazzjoni, l-Għarb, Għawdex
Il-Ħadd 29 ta’ Ġunju 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

l-isqof-grech-mal-arcipriet-tal-gharb.jpg

L-GĦOQOD TAL-ĦAJJA

Meta nqis kemm “għoqod” fiha l-ħajja, insib interessanti ħafna dak li Ġesù jgħid lil Pietru: “Nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-smewwiet u kulma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kulma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet” (Mt 16:19).  Dan ifisser li Ġesù wegħedna li ser jgħinna biex “ngħaqqdu” jew “inħollu” id-diversi “rabtiet” li nħabbtu wiċċna magħhom fil-ħajja ta’ kuljum.

Fil-fatt f’din is-soċjetà li ġiet imfissra bħala waħda “fluwida” fejn ma jeżisti xejn sod li tista’ sserraħ fuqu, ma niżbaljawx jekk nimpenjaw ruħna biex fejn naraw il-ħtieġa ma nikkuntentawx b’rabta ċoff li tista’ tinħall faċilment, imma nagħmlu rabta għoqda li tibqa’. Continue reading >>