Bijografija
L-E.T. Mons. Mario Grech twieled u tgħammed fil-parroċċa tal-Qala Għawdex nhar l-20 ta’ Frar 1957. Ta’ età żgħira missieru George u ommu Stella ħadu liċ-ċkejken Mario fir-raħal ta’ Kerċem. Hemm Mario beda jattendi l-iskola tas-Sorijiet Karmelitani u l-Iskola Primarja ta’ Kerċem. Wara li temm l-istudji tiegħu fl-Iskola Sekondarja ta’ Victoria, fl-1977 beda l-Kors tal-Filosofija u iktar tard dak tat-Teoloġija fis-Seminarju ta’ Għawdex.
Wara l-ordinazzjoni tiegħu fil-Katidral t’Għawdex, nhar is-26 ta’ Mejju 1984, minn idejn l-Isqof Nikol Cauchi, Dun Mario ntbagħat Ruma fejn kiseb il-Liċenzja fil-Liġi Kanonika u Ċivili fl-Università Pontifiċja tal-Lateran. Fis-snin ta’ wara, Dun Mario kiseb ukoll id-Dottorat fil-Liġi Kanonika mill-Università Pontifiċja ta’ San Tumas t’Akwinu. Fiż-żmien li dam Ruma, barra mill-ħidma pastorali li wettaq fil-parroċċa ta’ l-Assunzjoni fejn kien residenti, Dun Mario ħadem ukoll fil-kamp tal-Liġi Kanonika fit-Tribunali tal-Knisja f’Ruma, kemm fil-Vigarjat kif ukoll fis-Sacra Romana Rota.
Mar-ritorn tiegħu f’Għawdex hu kien assenjat diversi ħidmiet pastorali fil-Kurja Djoċesana, fejn għal diversi snin kien l-Uffiċċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Kurja. Iktar tard, fl-1993 hu nħatar Vigarju Ġudizzjali għat-Tribunal Ekkleżjastiku ta’ Għawdex, u fl-istess waqt Imħallef fit-Tribunal tal-Knisja f’Malta. Dun Mario kien imdaħħal ukoll fil-proċess għall-Beatifikazzjoni tal-Qaddejja ta’ Alla Madre Margerita Debrincat, Fundatriċi tas-Sorijiet Franġiskani Missjunarji tal-Qalb ta’ Ġesù, kif ukoll fil-Proċess għall-Beatifikazzjoni ta’ Mons. Ġużeppi de Piro, Fundatur tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl. Fuq livell djocesan jibqa’ mfakkar is-sehem li ta Dun Mario fit-twaqqif tar-Radju RTK u l-parteċipazzjoni tad-Djoċesi Għawdxija f’din il-kumpanija, kif ukoll fil-bini tal-Lumen Christi Media Centre. Dun Mario sab ukoll ħin biex jgħin lill-persuni kkonsagrati permezz tal-ħidma tiegħu fost il-grupp ta’ lajċi kkonsagrati “Anawim”. Fl-2004, Dun Mario aċċetta li jidħol għat-tmexxija tal-Parroċċa tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor f’Kerċem, Għawdex.
Nhar is-Sibt 26 ta’ Novembru 2005, Dun Mario ġie nominat bħala t-tmien Isqof ta’ Għawdex mill-Papa Benedittu XVI. Il-Konsagrazzjoni u l-Ingress ta’ l-Isqof Mons. Mario Grech saru fil-Katidral ta’ Għawdex, il-Ħadd 22 ta’ Jannar 2006. Mons. Mario Grech ġie kkonsagrat isqof mill-E.T. Mons. Isqof Nikol Ġ. Cauchi, assistit mill-E.T. Mons. Ġużeppi Mercieca, Arċisqof ta’ Malta, u l-E.T. Mons. Felix del Blanco Prieto, Nunzju Apostoliku ta’ Malta.
Nhar l-Erbgħa 2 ta’ Ottubru 2019, il-Q.T. il-Papa Franġisku ħatar lil Mons. Mario Grech bħala Prosegretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet u Amministratur Appostoliku għal Għawdex.
L-Istemma Episkopali ta’ l-Isqof Grech – In Fractione Panis
Lil hemm mill-oriġini araldiċi ta’ każati u uffiċċji, l-istemma episkopali tista’ tkun mhux biss għelm ta’ identifikazzjoni personali jew ta’ ġuriSdizzjoni ekkleŻjali, imma wkoll illustrazzjoni ta’ viżjoni pastorali. Dawn l-għanijiet ta’ kull stemma episkopali, li hi tradizzjoni antika li tmur lura lejn tmiem is-seklu 13, jistgħu jgħinu biex tinftiehem sewwa l-istemma li għażel għalih l-isqof il-ġdid ta’ Għawdex, l-ET Mons. Mario Grech.
Il-persuna ta’ l-isqof hi waħda eminentement teoloġika. Infatti r-rwol ta’ l-isqof ma jirrigwardjax biss l-uffiċċju u l-ministeru tiegħu, imma jirrigwarda wkoll il-persuna nfisha. L-isqof hu magħżul minn fost il-bnedmin biex, f’isem Kristu, bħala vigarju tiegħu u f’għaqda miegħu, jingħata għall-bnedmin u jgħaqqadhom f’miġemgħa li tkun tabilħaqq il-ġisem ta’ Kristu - “lokali” fir-rigward tat-territorju imma “universali” fir-rilevanza ekumenika u missjunarja.
L-istemma ta’ Mons. Grech hi komposta minn tliet elementi: is-simboli ta’ l-istat tiegħu, l-arma proprja u l-motto li għażel għalih.
Is-simboli ta’ l-istat
Is-simboli ta’ l-istat u l-uffiċċju episkopali huma l-kappell prelatizju fil-lewn aħdar imżejjen b’lazz li jiftaħ fi tnax-il ġummiena (sitta kull naħa) u s-salib proċessjonali li jogħla nofsani u jerfa’ l-iskudo proprju. Dawn is-simboli huma komuni għal kull stemma episkopali u jistgħu jkunu magħduda ma’ elementi oħra. F’dan ir-rigward, l-Isqof Grech għażel li jkun mill-aktar essenzjali.
L-arma
L-iskudo proprju hu kompost minn tliet taqsimiet orizzontali.
a) It-taqsima ta’ fuq nett tgħaqqad ma’ xulxin l-ismijiet Grech u Attard. L-arma ta’ Grech tokkupa l-lemin ladarba hu l-kunjom tal-familja li fiha twieled l-isqof, filwaqt li tat-tieni tfakkar fil-familja orġinarja ta’ l-omm u tinsab fuq ix-xellug.
Din l-ewwel taqsima tikkostitwixxi l-karta ta’ l-identità umana u soċjali ta’ l-isqof, u din mhix bla rilevanza teoloġika: l-isqof infatti hu magħżul minn fost il-bnedmin, tnissel u trabba ġo familja ordinarja bħall-familji ordinarji li flimkien isawwru s-soċjetà li fiha ngħixu, għandu personalità kulturali u storja proprji tiegħu, hu preżenza li tappartjeni lis-soċjetà u hi mxebilka mar-realtà umana tagħna.
b) It-tieni taqsima tissokta tħabbar l-identità ta’ dan is-saċerdot li ntagħżel bħala isqof ta’ Għawdex billi tagħti l-viżjoni teoloġika li minn issa ’l quddiem, b’enfasi akbar, hu xtaq jagħti lill-preżenza tiegħu fostna. Hi viżjoni ewkaristika, kif illustrata minn kompożizzjoni simbolika tal-ħobż u l-ħut imnebbħa mill-ġrajja evanġelika tal-moltiplikazzjoni tal-ħobż. L-isqof, fit-tagħlim tal-“Missirijiet” tal-Knisja, fosthom Sant’Injazju ta’ Antjokja, jippresjedi l-Ewkaristija u jsir Ewkaristija fi Kristu u flimkien miegħu.
ċ) It-tielet taqsima ta’ l-iskudo tikkonsisti f’simboli tat-territorju kanoniku li l-isqof se jippresjedi, it-territorju tal-gżira t’Għawdex. Kull isqof hu mibgħut fost il-bnedmin ta’ l-art sabiex ifittixhom bħalma sajjied ifittex il-ħut fil-baħar u biex jaħdem fosthom bħal ragħaj li jmexxi u jirgħa l-merħla tiegħu, u jiġma’ d-dixxipli madwaru fuq il-mudell tal-Knisja ta’ Ġerusalemm, fit-talb, fit-tagħlim ta’ l-appostli u fil-qsim tal-ħobż.
Il-motto
L-istemma tikkonkludi ruħha bil-motto magħżul mill-isqof bħala tema ispiratorju ta’ l-episkopat tiegħu: In fractione panis. Dan il-motto jitfa’ l-akbar dawl fuq il-viżjoni pastorali li l-Isqof il-ġdid ta’ Għawdex irid jagħti lill-ministeru episkopali tiegħu. Dan il-motto jesprimi x-xewqa ta’ l-isqof li, b’fundament teoloġiku mill-aktar profond, jixtieq li jkun ragħaj li jissagrifika ruħu u jingħata bħala ħobż għall-merħla tiegħu.
Il-motto hu mislut mill-ġrajja ta’ Għemmaws (Lq 24,35) u l-forma letterarja tiegħu tittrażmetti d-dinamiżu ta’ l-azzjoni ta’ l-isqof fil-ġemgħa u flimkien mal-ġemgħa tal-Knisja: fil-qsim tal-ħobż niltaqgħu flimkien fi Kristu… ningħataw bl-għotja tagħna nfusna lil Alla u lil xulxin. Dan iseħħ f’ġemgħa pellegrina magħquda ma’ l-isqof tagħha li jippresjedi l-Ewkaristija u li allura hu l-ewwel wieħed li jingħata b’ħobż maqsum u mqassam. Hawnhekk tidher id-dimensjoni ta’ oblazzjoni mhux biss f’sens sagramentali imma wkoll soċjali ta’ solidarjetà fl-imħabba, ta’ caritas.
Dan il-motto hu wieħed essenzjalment bibliku u jiżżewweġ sewwa mas-simbolu Paleo-Kristjan ta’ l-Ewkaristija li jinsab fil-qalba ta’ l-iskudo episkopali. Il-motto, għalhekk, jissokta jenfasizza l-għaqda tad-djoċesi ta’ Għawdex mal-Knisja ta’ żmien l-appostli u mal-viżjoni tal-Knisja tat-tielet millennju nisrani li kemm il-mibki Ġwanni Pawlu II kif ukoll Benedittu XVI jixtiequh ewkaristiku.
L-istemma episkopali ta’ Mons. Grech għandha tabilħaqq il-funzjoni ta’ identifikazzjoni personali u ġuriżdizzjoni ekkleżjali, imma fuq kollox ta’ illustrazzjoni ta’ viżjoni pastorali.
Mons. Joseph Farrugia