Archive for the '2009' Category

Reġistrazzjoni għall-Eżamijiet tad-Dħul fl-ewwel klassi (form 1) fl-iskejjel sekondarji tal-knisja f’Għawdex

 

 

seminary1.jpgIr-reġistrazzjoni għall-Eżamijiet tad-Dħul fl-Ewwel Klassi tas-Seminarju Minuri u tal-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof tkun miftuħa nhar l-Erbgħa, Il-Ħamis u l-Ġimgħa, 13, 14, u 15 ta’ Jannar mid-9:00 a.m. sa nofsinhar.

L-applikazzjonijiet għat-tfal subien jimtlew fis-Seminarju Minuri waqt li għat-tfal bniet jimtlew fl-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof.

Min japplika mitlub jieħu miegħu Ċertifikat tal-Magħmudija (jew tat-Twelid) tat-tifel/tifla kif ukoll żewġ ritratti tiegħu/tagħha. Tkun mitluba wkoll il-Karta tal-Identità tal-ġenituri.

It-tfal iridu jkunu mwielda bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 1999. Isir ħlas ta’ €33 ma’ l-applikazzjoni.

L-Eżamijiet tad-Dħul ser isiru f’dawn id-dati li ġejjin:

It-Tnejn, 10 ta’ Mejju 2010    -     mill-4:30 sas-6:00 p.m.    -    Reliġjon
It-Tlieta, 11 ta’ Mejju 2010    -     mill-4:30 sas-6:15 p.m.     -    Malti
L-Erbgħa, 12 ta’ Mejju 2010    -     mill-4:30 sas-6:15 p.m.     -    Matematika
Il-Ħamis, 13 ta’ Mejju 2010    -     mill-4:30 sas-6:15 p.m.     -    Ingliż

Kors dwar it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja

Fuq inizjattiva tal-MAS (Għawdex), iċ-Ċentru tal-Università f’Għawdex, bil-kollaborazzjoni tas-Servizzi Kulturali u Edukattivi fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, qed jorganizza Kors dwar it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja mmirat l-aktar għal dawk li jmexxu gruppi, laqgħat u għaqdiet, katekisti, għalliema tar-Reliġjon u tal-P.S.D.

Il-kors li ser jibda nhar it-Tlieta, 12 ta’ Jannar 2010, u hu mifrux fuq ħames sessjonijiet ta’ żewġ lectures ta’ madwar siegħa, jiġifieri mill-5.30 p.m. u s-7.30 p.m.

Ser jiġu ttratati diversi suġġetti, fosthom, id-dinjità u l-jeddijiet fundamentali tal-bniedem, il-ġid komuni u d-demokrazija, ix-xogħol u l-ġustizzja soċjali, l-awtoritaà ċivili u l-ordni internazzjonali.

L-applikanti li jattendu 80% tal-lectures jingħataw ċertifikat li temmew il-kors b’suċċess. Il-ħlas għall-Kors hu ta’ 20 Ewro li jkopri l-ispejjes tal-lectures u l-handouts.

L-applikazzjonijiet mill-Università (21564559), mill-MAS (21556532) jew mil-Legion Office (21556385 )

Sintesi ta’ omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech nhar il-Milied

Ufffiċċju Komunikazzjoni Soċjali
Kurja tal-Isqof
Rabat
Għawdex

28 ta’ Diċembru 2009

Stqarrija lill-Midja

DAWL FUQ ID-DLAMIJIET TA’ LLUM

Fil-quddiesa ta’ filgħaxija nhar il-Milied, l-Isqof t’Għawdex Mons Mario Grech qaddes quddiesa pontifikali fil-Katidral t’Għawdex. Huwa wassal dan il-messaġġ:

“Għall-bniedem li jkun miexi fid-dlam tal-ħajja, il-Milied inissel it-tama għax fit-twelid ta’ Kristu “id-dawl idda fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux”.

Meta twieled Ġesù kien hemm tliet tipi ta’ persuni li kienu fid-dlam, imma meta ltaqgħu ma’ Ġesù tarbija beda jbexbex jum ġdid għalihom. F’dawn il-kategoriji ta’ nies naraw esperjenzi tal-bniedem ta’ llum. Continue reading >>

IL-LINGWAĠĠ EVANĠELIKU TAL-PRESEPJU

Uffiċċju Komunikazzjoni Soċjali
Kurja tal-Isqof
Rabat
Għawdex

20 ta’ Diċembru 2009

IL-LINGWAĠĠ EVANĠELIKU TAL-PRESEPJU

Messaġġ tal-Isqof Mario Grech
fl-okkażjoni tal-ftuħ u t-tberik tal-Wirja ta’ Presepji
imtellgħa mill-Għaqda Ħbieb tal-Presepju – Għawdex
Sala tal-Ministeru għal Għawdex – Is-Sibt 19 ta’ Diċembru 2009

“Din il-wirja hija xhieda li fostna mhux biss għandna artisti li b’ħila joħolqu l-presepju, imma għandna wkoll għadd ġmielu ta’ ’skribi’. Għaliex meta l-artist jibni jew ipitter il-presepju, huwa jkun qiegħed ukoll jikteb mill-ġdid l-Evanġelju, li huwa l-bxara t-tajba ta’ Alla li sar bniedem biex jifdina. Min jieqaf jara l-presepju, fl-istess ħin ikun qed “jaqra” il-ġrajja tal-inkarnazzjoni tal-Iben t’Alla. Continue reading >>

BIEX IS-SOĊJETÀ STERILI TAGĦTI L-ĦAJJA

Uffiċċju Komunikazzjoni Soċjali
Kurja tal-Isqof
Rabat
Għawdex

20 ta’ Diċembru 2009

Il-bieraħ filgħodu, is-Sibt 19 ta’ Diċembru 2009, fil-knisja tal-Patrijiet Franġiskanki Minuri f’Għajnsielem, l-Isqof Mario Grech mexxa quddiesa pontifikali li fiha ta ordna lil Fra Stephen Magro OFM bħala Djaknu. Fl-omelija l-Isqof Grech qal:

BIEX IS-SOĊJETÀ STERILI TAGĦTI L-ĦAJJA

“Fejn fl-imgħoddi s-soċjetà tagħna kienet fekonda, tant li pproduċiet ħafna ħwejjeġ sbieħ u għamlet kisbiet importanti, dan l-aħħar donnu qed tinfirex l-isteriltà.  Dan huwa minnu kemm fis-sens li l-ħajja umana saret razzjonata, tant li r-rata tat-twelid naqset ħafna – anke jekk dan ser ikollu konsegwenzi negattivi fil-futur – , kif ukoll għaliex f’diversi aspetti tal-ħajja sirna tant sterili li m’għandniex ħila nwelldu xejn ġdid! Continue reading >>

SOĊJETÀ MTEBBGĦA

Fl-okkażjoni tal-festa tal-Kunċizzjoni li saret fil-Qala, Għawdex, l-Isqof Mario Grech għamel stedina biex ikollna soċjetà u Knisja mingħajr tbajja’:“Il-kuntrast tal-festa tal-Kunċizzjoni: dik li tnislet mingħajr tebgha ġiet iċċelebrata minn Knisja u soċjetà mtebbgħa. Din it-tebgħa qed tikber għax kotor id-dnub, partikularment dak li ġej mill-malizzja, imma fuq kollox għax illum il-bniedem qed jitlef is-sens tad-dnub.Hemm id-dnub kontra l-komunjoni fil-Knisja u fis-soċjetà . It-tixwix, tkeskis, qlajjiet, gideb u l-għawi  jistigaw il-mibgħeda u jnisslu l-firda. Imġieba bħal din hija skandlu u tfieri lill-individwi u lill-komunità.Hemm id-dnub kontra l-ħajja, bħal fil-każ ta dawk il-ħajjiet umani li wara li jitnisslu fil-laboratorju jiġu mormija jew iffriżati għax mhux kollha jitqiegħdu fil-ġuf.  Is-soċjetà jkollha aktar għalfejn tinkwieta meta prattika bħal din ikollha l-protezzjoni tal-liġi.Hemm id-dnub kontra ż-żwieġ u l-familja.  Għal xi wħud l-infedeltà fiż-żwieġ hija prassi aċċettata. Il-ġmiel tas-sesswalità qed jitbattal b’kampanja favur sess bl-irħis fiż-żwieġ u barra miż-żwieġ. Il-vjolenza domestika hija dramma mhux tant rari fostna.Fid-dawl tal-konferenza ta’ Copenhagen dwar il-klima, il-bniedem għandu jagħmel eżami ta kuxjenza dwar id-dnubiet kontra l-ambjent. L-ambjent huwa don t’Alla u għandu jiġi trattat b’responsabiltà lejn il-foqra, lejn il-ġenerazzjonijiet futuri u lejn is-soċjetà.F’dan il-kuntest, il-festa tal-Kunċizzjoni tgħidilna li d-dnub mhux l-aħħar kelma fl-istorja tal-bnedmin. Għax kif bil-merti ta’ Kristu, Marija ġiet meħlusa minn kull dnub, hekk il-bniedem li jilqa’ lil Kristu f’ħajtu jsib fiH ir-raġuni biex jirbaħ id-dnub fid-diversi espressjonijiet tiegħu.

GĦOTI TAL-MINISTERU TAL-AKKOLITAT

Uffiċċju Komunikazzjoni Soċjali

Kurja tal-Isqof

RabatGħawdex

7 ta’ Diċembru 2009

Għoti tal-Ministeru tal-Akkolitat

Il-bieraħ, il-Ħadd 6 ta’ Diċembru, Mons Isqof Mario Grech ta l-ministeru tal-akkolitat lil ħames seminaristi Għawdxin. Is-seminaristi li rċevew dan il-ministeru huma: Krystoff Buttigieg (mill-parroċċa tal-Qala), Samuel Grech (mill-parroċċa ta’ Għajnsielem), John Meilaq (mill-parroċċa tal-Katidral), Trevor Sultana u Franklin Vella (mill-parroċċa tax-Xewkija). L-għoti tal-ministeru tal-akkolitat sar waqt ċelebrazzjoni tal-quddiesa fil-parroċċa ta’ San Lawrenz.

KISBIET KBAR B’RISQ IL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ

Uffiċċju Komunikazzjoni Soċjali
Kurja tal-Isqof
Rabat
Għawdex

5 ta’ Diċembru 2009

KISBIET KBAR B’RISQ IL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ

Nhar l-Erbgħa 2 ta’ Diċembru, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Persuni b’Diżabilità, l-Isqof Mons Mario Grech iċċelebra quddiesa fiċ-Ċentru Santa Marta fir-Rabat, Għawdex li jilqa’ fih persuni b’diżabilità.  Għal din il-quddiesa kien preżenti l-President tar-Repubblika ta’ Malta l-E.T. Dr. George Abela.  Fl-omelija l-Isqof qal:

Dawn l-aħħar snin is-soċjetà għamlet avvanz kbir fl-għarfien tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. Id-day centre “Santa Marta” fir-Rabat, Għawdex huwa konferma tal-viżjoni politika li għandha s-soċjetà tagħna favur dawn il-persuni. Xorta waħda għad fadal kisbiet kbar x’isiru biex il-persuni diżabbli jiksbu dak li huwa tagħhom b’ġustizzja u mhux b’karità, u jkollna soċjetà inklussiva. Continue reading >>