- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Sintesi ta’ omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech nhar il-Milied

Posted By admin On December 28, 2009 @ 12:51 pm In 2009 | Comments Disabled

Ufffiċċju Komunikazzjoni Soċjali
Kurja tal-Isqof
Rabat
Għawdex

28 ta’ Diċembru 2009

Stqarrija lill-Midja

DAWL FUQ ID-DLAMIJIET TA’ LLUM

Fil-quddiesa ta’ filgħaxija nhar il-Milied, l-Isqof t’Għawdex Mons Mario Grech qaddes quddiesa pontifikali fil-Katidral t’Għawdex. Huwa wassal dan il-messaġġ:

“Għall-bniedem li jkun miexi fid-dlam tal-ħajja, il-Milied inissel it-tama għax fit-twelid ta’ Kristu “id-dawl idda fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux”.

Meta twieled Ġesù kien hemm tliet tipi ta’ persuni li kienu fid-dlam, imma meta ltaqgħu ma’ Ġesù tarbija beda jbexbex jum ġdid għalihom. F’dawn il-kategoriji ta’ nies naraw esperjenzi tal-bniedem ta’ llum.

Ir-rgħajja – li kienu foqra – ifakkruna fil-foqra ta’ żminijietna. Sfortunatament il-faqar qed jikber. Barra dawk li qatt ma kellhom xejn, illum qed jinħolqu foqra ġodda. Hemm persuni u familji li qed isibuha diffiċli li jerfgħu ċerti piżijiet finanzjarji, xi drabi infurzati b’liġijiet, anke fir-rigward ta’ bżonnijiet essenzjali għall-ħajja. Id-dawl ta’ Kristu jgħinna nirbħu dawn il-dlamijiet.

Hemm dawk li bħal tal-lukanda ta’ Betlem tant huma mħabbtin bix-xogħolijiet tagħhom li jinteressahom biss kemm ser jagħmlu qliegħ. Dawn tant huma fid-dlam li ma jintebħux li hemm nies f’sitwazzjonijiet delikati li qed iħabbtu fuq il-bieb tagħhom. L-attività esaġerata mhux biss qed tgħejja lill-bniedem, imma tista’ tkun ukoll aljenazzjoni li twassal lill-bniedem jittraskura li min hemm wara biebu: dawn jistgħu jkunu l-istess membri tal-familja tiegħu jew persuni oħra li huma fil-bżonn.

Billi r-reliġjon Lhudija kienet għaddejja minn taqlib spiritwali u kulturali, ftit ħafna baqgħu fidili għat-twemmin tagħhom. Għalkemm kien hemm żmien meta l-poplu t’Alla kien numeruż, kien fadal biss il-‘fdal’. Ġużeppi u Marija kienu membri ta’ din il-komunità żgħira li baqgħet temmen li l-wegħdiet ta’ Alla jitwettqu. Bħalhom, fis-soċjetà ta’ llum, l-Insara jridu jitgħallmu jkunu “minoranza” li tgħix f’ambjent diffiċli, u fl-istess waqt ma jħallux id-dlam jaqtgħalhom qalbhom anke meta d-diffikultajiet jinqalgħu fi ħdan l-istess Knisja.”
 


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2009/12/28/sintezi-ta-omelija-ta-mons-isqof-mario-grech-nhar-il-milied/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.