- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

IL-LINGWAĠĠ EVANĠELIKU TAL-PRESEPJU

Posted By admin On December 20, 2009 @ 1:00 pm In 2009 | Comments Disabled

Uffiċċju Komunikazzjoni Soċjali
Kurja tal-Isqof
Rabat
Għawdex

20 ta’ Diċembru 2009

IL-LINGWAĠĠ EVANĠELIKU TAL-PRESEPJU

Messaġġ tal-Isqof Mario Grech
fl-okkażjoni tal-ftuħ u t-tberik tal-Wirja ta’ Presepji
imtellgħa mill-Għaqda Ħbieb tal-Presepju – Għawdex
Sala tal-Ministeru għal Għawdex – Is-Sibt 19 ta’ Diċembru 2009

“Din il-wirja hija xhieda li fostna mhux biss għandna artisti li b’ħila joħolqu l-presepju, imma għandna wkoll għadd ġmielu ta’ ’skribi’. Għaliex meta l-artist jibni jew ipitter il-presepju, huwa jkun qiegħed ukoll jikteb mill-ġdid l-Evanġelju, li huwa l-bxara t-tajba ta’ Alla li sar bniedem biex jifdina. Min jieqaf jara l-presepju, fl-istess ħin ikun qed “jaqra” il-ġrajja tal-inkarnazzjoni tal-Iben t’Alla.

Wiehed jinnota li ta’ kull sena f’din il-wirja jkun hawn artisti li jippreżentaw il-presepju b’libsa ġdida. Din in-novità tidher kemm fl-espressjoni artistika kif ukoll fil-materjal li jintuża, bħalma huwa l-każ li din is-sena hawn presepju maħdum mill-jeans. Fil-fehma tiegħi, dan għandna napprezzawh mhux biss mill-aspett artistiku, imma wkoll bħala sforz mill-artista-skriba li qed jikteb l-Evanġelju b’lingwaġġ kontemporanju u b’idjoma ġdida. Tkun ħaġa f’waqtha u meħtieġa jekk jitkompla dan l-impenn ta’ traduzzjoni tal-Evanġelju b’lingwaġġ li jiftiehem mill-kultura ta’ żmienna.

Huwa fatt li fis-soċjetà tagħna teżisti l-problema dwar il-literacy. Minkejja l-avvanzi li saru fil-qasam tal-edukazzjoni, għandna numru mhux żgħir ta’ persuni, anke żgħażagħ, li jsibu diffikultà biex jiktbu u jaqraw. Il-problema ssir aktar serja meta niftakru li llum il-bniedem huwa illitterat f’dawk li huma valuri. Għalhekk huwa ħafna f’loku li llum l-Evanġelju, li huwa l-Ktieb tal-ħajja, ikun ukoll f’idejn l-artisti tagħna li bil-kapaċità kreattiva u artistika tagħhom jiktbuh b’mod li jaqrah kulħadd. Min jiltaqa’ mal-Kelma, kemm jekk meta jaqra l-Evanġelju u kemm jekk jammira l-presepju, għandu ċ-ċavetta biex jiskopri l-ġmiel tal-valuri.

Il-presepju dejjem jirrakkonta x’ġara fl-għar ta’ Betlem – l-attenzjoni tagħna tieqaf fuq l-ewwel dar ta’ Ġesù. Dan ifakkarni fl-attenzjoni li għandna nagħtu lid-dar komuni tagħna, il-gżira Għawdxija. EcoGozo huwa proġett b’risq din id-dar komuni tagħna. Dan il-proġett għandu jkollu l-apprezzament, l-appoġġ u l-kooperazzjoni ta’ kulħadd għax huwa proġett li għandu viżjoni sħiħa tal-gżira u tas-soċjetà Għawdxija. Huwa fatt li jekk ikollna soċjetà mogħnija bil-valuri li tikseb mir-riflessjoni fuq il-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù Kristu, din is-soċjetà tkompli tagħti sehemha fit-twettieq ta’ dan il-proġett ambizzjuż b’risq id-dar komuni tagħna.”


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2009/12/20/il-lingwagg-evangeliku-tal-presepju/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.