KISBIET KBAR B’RISQ IL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ

Uffiċċju Komunikazzjoni Soċjali
Kurja tal-Isqof
Rabat
Għawdex

5 ta’ Diċembru 2009

KISBIET KBAR B’RISQ IL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ

Nhar l-Erbgħa 2 ta’ Diċembru, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Persuni b’Diżabilità, l-Isqof Mons Mario Grech iċċelebra quddiesa fiċ-Ċentru Santa Marta fir-Rabat, Għawdex li jilqa’ fih persuni b’diżabilità.  Għal din il-quddiesa kien preżenti l-President tar-Repubblika ta’ Malta l-E.T. Dr. George Abela.  Fl-omelija l-Isqof qal:

Dawn l-aħħar snin is-soċjetà għamlet avvanz kbir fl-għarfien tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. Id-day centre “Santa Marta” fir-Rabat, Għawdex huwa konferma tal-viżjoni politika li għandha s-soċjetà tagħna favur dawn il-persuni. Xorta waħda għad fadal kisbiet kbar x’isiru biex il-persuni diżabbli jiksbu dak li huwa tagħhom b’ġustizzja u mhux b’karità, u jkollna soċjetà inklussiva.

Infatti huwa inkwetanti li persuna li għandha dyslexia ma tingħatax l-assistenza li għandha bżonn biex tkompli l-istudji tagħha f’livell ta’ edukazzjoni terzjarja! Filwaqt li s-soċjetà tgħin lill-istudent b’din il-kundizzjoni f’livell ta’ skola primarja u sekondarja, jidher li s-sistema hija xħiħa ma’ dawn il-persuni li jixtiequ tagħlim f’livelli ogħla, u dan meta l-edukazzjoni suppost hija aċċessibbli għal kulhadd.

Huwa veru li s-sena l-oħra ġiet iffirmata l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità li għandha bħala għan li tħares u ġġib ’il quddiem id-drittijiet umani u l-libertajiet tal-persuni li għandhom xi diżabilità. Dan id-dokument fih ħafna tajjeb, imma wieħed mill-paragrafi ta’ din il-Konvenzjoni jitkellem dwar “is-servizzi fir-rigward tas-saħħa riproduttiva” [art. 25]. Din hija formula ambigwa ħafna għax tista’ tfisser li l-mara tingħatalha l-possibiltà li tagħmel abort. Dak li suppost huwa strument ġuridiku biex jiddefendi d-drittijiet tal-persuna diżabbli, jista’ jintuża biex ġenitur, li jkun jaf li t-tarbija fil-ġuf għandha xi diżabilita, ikun jista’ joqtolha.

Min tassew iħobb il-persuni b’diżabilità għandu jara li l-Konvenzjoni ma jkun fiha xejn li jista’ jintuża biex isir abbuż mill-ħajja umana, spejċalment meta l-ħajja tkun dgħajfa fil-ġuf.

Għalkemm pajjiż żgħir, aħna għandna vuċi bħal ħaddieħor fil-fora Ewropej u internazzjonali, u kif seħħ fil-passat riċenti, pajjiżna għandu jsemma’ leħnu biex iċ-ċivilità tagħna llum tkun verament favur il-ħajja, anke meta persuna għandha diżabilità.