- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

BIEX IS-SOĊJETÀ STERILI TAGĦTI L-ĦAJJA

Posted By admin On December 20, 2009 @ 12:56 pm In 2009 | Comments Disabled

Uffiċċju Komunikazzjoni Soċjali
Kurja tal-Isqof
Rabat
Għawdex

20 ta’ Diċembru 2009

Il-bieraħ filgħodu, is-Sibt 19 ta’ Diċembru 2009, fil-knisja tal-Patrijiet Franġiskanki Minuri f’Għajnsielem, l-Isqof Mario Grech mexxa quddiesa pontifikali li fiha ta ordna lil Fra Stephen Magro OFM bħala Djaknu. Fl-omelija l-Isqof Grech qal:

BIEX IS-SOĊJETÀ STERILI TAGĦTI L-ĦAJJA

“Fejn fl-imgħoddi s-soċjetà tagħna kienet fekonda, tant li pproduċiet ħafna ħwejjeġ sbieħ u għamlet kisbiet importanti, dan l-aħħar donnu qed tinfirex l-isteriltà.  Dan huwa minnu kemm fis-sens li l-ħajja umana saret razzjonata, tant li r-rata tat-twelid naqset ħafna – anke jekk dan ser ikollu konsegwenzi negattivi fil-futur – , kif ukoll għaliex f’diversi aspetti tal-ħajja sirna tant sterili li m’għandniex ħila nwelldu xejn ġdid!

Konferma ta’ din l-isterilità intellettwali u spiritwali huwa l-fatt li f’ħafna aspetti tal-ħajja soċjali tagħna qegħdin dejjem induru u ngħaqdu fl-istess ċirku  billi nirrepetu l-istess frażijiet u strateġiji.

Konferma ta’ dan fil-ħajja ċivili huwa d-diskors ripettitiv li normalment isir dwar il-familja. Kieku fil-qasam tal-ekonomija s-soċjetà kellha ħassieba serji u onesti, kieku ċerti diżastri finanzjarji u ċerti weġgħat kienu jiġu evitati.  Fil-politika sikwit tingħata l-impressjoni li l-politiċi donnhom jippreferu jgħixu fil-passat milli jiffaċċjaw serjament u bis-sinċerità l-isfidi eżistenzjali.

Din l-isterilità xi drabi tinħass ukoll fil-komunitajiet Insara. In-nostalġija għat-tradizzjoni, in-nuqqas ta’ inizjattivi friski fil-pastorali, ir-reżistenza għat-tiġdid, l-irtirata mis-soċjetà – dawn kollha huma sinjali ta’ nuqqas ta’ vitalità.

Quddiem din is-sitwazzjoni, il-Poplu t’Alla jista’ jikkontribwixxi billi jgħin biex ireġġa’ lill-bniedem lejn Alla – dak Alla li sar bniedem u għammar fostna!  Kif bil-qawwa t’Alla d-deżert jagħti l-ħajja u art xagħrija twarrad, hekk ukoll is-soċjetà sterili ta’ żminijietna, jekk tagħmel il-wisa’ lil Alla, terġa’ tikseb il-ħila li tnissel il-ħajja f’kull sens tal-kelma.”


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2009/12/20/biex-is-socjeta-sterili-taghti-l-hajja/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.