Archive for the '2012' Category

Ħadd il-Palm - Omelija ta’ Mons Isqof

Quddiemna għandna t-telgħa

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Solennità ta’ Ħadd il-Palm
Katidral t’Għawdex – Il-Ħadd, 1 ta’ April 2012

Nimxu wara Ġesù lejn Ġerusalemm
Illum Ġesù jibda t-triq lejn Ġerusalemm. Illum aħna mhux biss infakkru din il-ġrajja, imma rridu wkoll nistaqsu kif ser ngħixu din id-daħla ta’ Ġesù fil-belt ta’ Ġerusalemm. Il-Liturġija ta’ dalgħodu tpoġġi fuq fommna t-tweġiba: “Ejjew nimxu wara Ġesù”. Illum aktar mis-soltu huwa importanti li tidwi f’widnejna din l-istedina biex nimxu wara Kristu! Għaliex huma ħafna li jissejħu Kristjani u jokkupaw l-awli liturġiċi, imma mhumiex mexjin wara Kristu! Fejn ser immiddu riġlejna f’din il-mixja wara l-Mulej? Continue reading >>

Iċċelebrata t-tifkira tad-Duluri

ID-DULUR TAL-MIŻŻEWĠIN LI MA JISTAX IKOLLHOM TFAL

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Tifkira tad-Duluri tal-Verġni Marija
Pjazza Indipendenza, ir-Rabat, Għawdex – Il-Ġimgħa 30 ta’ Marzu 2012

Il-karba ta’ min ma jistax ikollu tfal
Ix-xbieha tad-Duluri bil-ġisem mejjet ta’ Binha Ġesù fuq riġlejha tistedinna biex nirriflettu fuq it-tbatija tal-omm f’relazzjoni mal-misteru tal-ħajja. F’din l-okkażjoni għalhekk nistieden lis-soċjetà tagħna, b’mod partikulari lill-komunità Kattolika f’pajjiżna, biex tieħu b’iktar impenn id-dulur tal-istess soċjetà quddiem il-misteru tal-ħajja.

Għandi quddiem għajnejja lil dawk il-koppji miżżewġa li għandhom il-problema tal-infertilità. Dawn il-koppji jixtiequ jilqgħu d-don tal-ħajja, imma għal xi raġuni jew oħra mhux jirnexxilhom. Il-Knisja u l-Istat ma jistgħux ikunu indifferenti quddiem il-karba ta’ min qed ibati minħabba l-problema tal-infertilità, li sfortunatament jidher li qiegħda tiżdied. Inħossni fid-dmir li nikkumpatixxi u nakkumpanja lil dawn il-persuni li jixtiequ jsiru missirijiet u ommijiet imma ma jistgħux! Continue reading >>

Festa ta’ San Girgor

Emerġenza edukattiva

Sintesi tal-omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Girgor li saret fil-Parroċċa ta’ Kerċem, il-Ħadd 11 ta’ Marzu 2012.

Iż-żgħażagħ tagħna qed jistaqsu lill-adulti x’sens fiha l-ħajja. Imma hemm ir-riskju li, kif jikteb George Bernanos, aħna l-adulti, minflok ma nagħtuhom it-tweġiba t-tajba, nibagħtuhom imutu fit-trunċiera tal-gwerra. F’ċertu sens il-kultura ta’ żminijietna, battala mill-valuri, hija waħda minn dawn it-trunċieri! Continue reading >>

Għoti tal-Ministeri tal-Lettorat u l-Akkolitat

NEVANĠELIZZAW IL-GALILIJA TAL-ĠNUS

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Għoti tal-Ministeri tal-Lettorat u l-Akkolitat
Knisja parrokkjali tas-Santissmu Salvatur, l-Għasri – Il-Ħadd 26 ta’ Frar 2012

Nixfa spiritwali
Il-Kelma ta’ Alla li tħabbritilna llum toffrilna żewġ tixbihat li bihom nistgħu naqraw is-sitwazzjoni li qed ngħixu fiha – żewġ fenomeni li t-tnejn jindikaw nuqqas ta’ ħajja!

Fi żmien Noè kien hemm għarar kbir (Ġen 9:8-15): id-dilluvju ħarbat l-art, l-ilma kotran għamel diżastru, il-qerda kienet totali. F’ċertu sens, fis-soċjetà moderna l-bniedem huma mgħaddas fil-ġid. Il-ġid mhux ħaġa ħażina fih innifsu, imma l-mod kif aħna nirrelataw mal-ġid jista’ jkun żbaljat! L-affluwenza u l-materjaliżmu qed jeqirdu għadd ta’ valuri u doni li kienu jżejnu lill-bniedem. Illum kollox sar jiddependi mill-prezz u għalhekk dak li mhuwiex riżorsa ta’ qligħ faċli jiġi skartat. Każ tipiku huwa l-volontarjat. Sirna saħansitra nilagħbu mal-ħajja umana biex nagħmlu l-profitti jew biex niffrankaw l-ispejjeż. Għalhekk f’dan is-sens, il-ġid kotran flok ma qed jissarraf f’barka, f’ħafna każi sar kawża ta’ qerda. Continue reading >>

Mons Isqof Grech jiċċelebra l-bidu tar-Randan Imqaddes

Nirritornaw lura lejn Alla

Sintesi tal-omelija tal-Isqof Mario Grech waqt quddiesa pontifikali fil-Katidral t’Għawdex fil-bidu tar-Randan, ilbieraħ l-Erbgħa 22 ta’ Frar 2012:

Fi kliem il-Missirijiet tal-Knisja, l-Erbgħa tal-Irmied hija “il-bieb” li ngħaddu minnu biex nibdew il-mixja tar-Randan li għandha twassalna biex niltaqgħu ma’ Kristu, li bil-mewt u l-qawmien tiegħu għaqqadna poplu wieħed.

Kif għidna fl-aħħar Ittra Pastorali, l-Insara veri tal-lum qegħdin jgħixu fid-diaspora, fis-sens li huma mxerrdin f’soċjetà fejn mhux kulħadd jaċċetta lil Kristu u l-Evanġelju tiegħu. F’pajjiżna l-Insara jgħixu spalla ma’ spalla mhux biss ma’ min mhux Kattoliku imma wkoll ma’ min lanqas jemmen f’Alla. Sa ftit ilu, kellna soċjetà li kienet toffrilna lqugħ soċjali, kulturali u legali biex nibqgħu ngħożżu l-valuri Nsara. Imma llum dawn l-għajnuniet qed jonqsu u s-soċjetà qed iċċedi għal mentalità mhux Kristjana jekk mhux ukoll anti-Kristjana. Continue reading >>

Id-djoċesi tiċċelebra Jum il-Ħajja

L-adozzjoni u l-fostering huma atti erojċi

Nhar il-Ħadd 5 ta’ Frar 2012, id-Djoċesi ta’ Għawdex iċċelebrat Jum il-Ħajja.  Id-Dar Ġużeppa Debono organizzat mixja għaż-żgħażagħ lejn is-Santwarju Ta’ Pinu marbuta mat-tema tal-ħajja.  Hemmhekk l-Isqof Mario Grech mexxa Konċelebrazzjoni Solenni fejn fl-omelija wassal dan il-messaġġ.

Il-familja mibnija fuq iż-Żwieġ hija l-qafas naturali fejn titnissel, titwieled u tikber il-ħajja.  Min tassew huwa favur il-ħajja, ma jistax ma jkunx ukoll favur il-familja.  Huwa naturali li meta jitwieled il-bniedem mhux biss jixtieq li jkun milqugħ fl-għożża tal-imħabba tal-familja, imma jistenna li dik il-familja li ħaddnitu tibqa’ hemm tagħtih l-appoġġ.  Għalhekk l-impenn biex niddefendu l-ħajja jitlob impenn biex ikollna familja b’saħħitha u magħquda. Wieħed mill-motivi li ġieli jwassal lil omm tikkunsidra li toqtol lit-tarbija fil-ġuf permezz tal-abort huwa l-biża’ li mhix ser issib il-familja li tilqa’ u twieżen lilha u lit-tarbija! Continue reading >>

L-Isqof Grech jiltaqa’ mal-operaturi fil-midja

Għawdex fil-midja nazzjonali

Meta nhar it-Tlieta filgħaxija, 25 ta’ Jannar 2012 l-Isqof t’Għawdex Mons Mario Grech qaddes quddiesa għall-Għawdxin impenjati fil-midja lokali u nazzjonali fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Franġisk de Sales fil-knisja tas-Sorijiet Frangiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, Victoria, huwa wassal dan il-messaġġ:

“Iċ-ċiviltà tal-lum mhux biss tatna mezzi tal-komunikazzjoni li huma kanali importanti għat-tixrid tal-informazzjoni, imma l-istess mezzi saru ħtieġa biex il-bniedem ikun jista’ jipparteċipa fit-tiswir tal-istess ċiviltà. Fis-soċjetà tagħna min ma għandux il-possibiltà li jieħu sehem attiv fil-midja qed jiġi mċaħħad minn jedd ċivili importanti. Soċjetà li tippermetti li individwi jew gruppi jkunu b’mod sistematiku maqtugħa mix-xibka medjatika, tkun qed tiddiskrimina, temarġina u teskludi. Continue reading >>

Mons Isqof Grech mal-komunità ta’ Marsalforn

IL-PREDIKAZZJONI TAS-SALIB

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl
Knisja tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, Marsalforn – L-Erbgħa 22 ta’ Jannar 2012

Bniedem konvint minnu nnifsu
Fil-ħajja mhix sitwazzjoni ideali meta minħabba d-dubji u l-inċertezzi li jkollu wieħed qatt ma jieħu pożizzjoni dwar xejn. L-indeċiżjoni tirrendi lill-bniedem dgħajjef u mifxul. In-nuqqas ta’ determinazzjoni tant hu serju li xi darba jkun aħjar li minkejja n-nuqqas ta’ ċertezza wieħed jieħu deċiżjoni milli jibqa’ sospiż u ma jafx x’jaqbad jagħmel!

Imma jekk fil-ħajja mhux sew li wieħed ikun mikul bid-dubji, daqshekk ieħor jista’ joħloq tħassib bniedem li huwa wisq ċert minnu nnifsu! Hawn karattri li tant huma kunfidenti magħhom infushom li jaslu biex jaħsbu li dak li jgħidu huma biss huwa tajjeb. Dawn it-talin ikunu tant determinati li kapaċi jkunu ta’ rashom u mhux lakemm jibdlu fehmithom. Continue reading >>