- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Id-djoċesi tiċċelebra Jum il-Ħajja

Posted By admin On February 7, 2012 @ 9:57 am In 2012 | Comments Disabled

L-adozzjoni u l-fostering huma atti erojċi

Nhar il-Ħadd 5 ta’ Frar 2012, id-Djoċesi ta’ Għawdex iċċelebrat Jum il-Ħajja.  Id-Dar Ġużeppa Debono organizzat mixja għaż-żgħażagħ lejn is-Santwarju Ta’ Pinu marbuta mat-tema tal-ħajja.  Hemmhekk l-Isqof Mario Grech mexxa Konċelebrazzjoni Solenni fejn fl-omelija wassal dan il-messaġġ.

Il-familja mibnija fuq iż-Żwieġ hija l-qafas naturali fejn titnissel, titwieled u tikber il-ħajja.  Min tassew huwa favur il-ħajja, ma jistax ma jkunx ukoll favur il-familja.  Huwa naturali li meta jitwieled il-bniedem mhux biss jixtieq li jkun milqugħ fl-għożża tal-imħabba tal-familja, imma jistenna li dik il-familja li ħaddnitu tibqa’ hemm tagħtih l-appoġġ.  Għalhekk l-impenn biex niddefendu l-ħajja jitlob impenn biex ikollna familja b’saħħitha u magħquda. Wieħed mill-motivi li ġieli jwassal lil omm tikkunsidra li toqtol lit-tarbija fil-ġuf permezz tal-abort huwa l-biża’ li mhix ser issib il-familja li tilqa’ u twieżen lilha u lit-tarbija!

Minkejja li familja għadha tfisser ħafna għas-soċjetà tagħna, huwa fatt li hemm trabi li jitwieldu mċaħħda minn dan l-ambjent naturali.  Imma napprezza l-fatt li fostna għandna familji li huma lesti li jadottaw lil dawn it-trabi!  L-adozzjoni hija att ta’ ġenerożità eżemplari, għaliex il-koppja jew il-familja li tiftaħ dirgħajha biex tħaddan wild ġdid tkun qed tqiegħed mhux biss dak li għandha imma lilha nfisha biex dan il-wild adottat isib familja.  L-adozzjoni hija awtentika meta dawk li jadottaw jagħmlu dan il-pass mhux biex jissodisfaw xi bżonn tagħhom, imma prinċipalment biex jgħinu lill-persuna adottata.  Inħeġġeġ lill-Istat biex ikompli jipprovdi liġijiet tajba biex jitħaffef il-proċess li jwassal għall-adozzjoni u biex id-drittijiet u d-dmirijiet ta’ dawk involuti jkunu mħarsa.

Hemm imbagħad dawk il-familji li joffru d-disponibbiltà tagħhom biex jagħmlu fostering tat-tfal!  Huwa ta’ faraġ kbir meta nisma’ li fid-Djoċesi ta’ Għawdex għandna madwar sbatax-il każ ta’ familji li qed jiffosterjaw.  Huwa ta’ ġieħ għalina l-Għawdxin li fi gżiritna hawn l-akbar numru ta’ każijiet ta’ fostering.  F’ċertu sens il-fostering huwa att ta’ mħabba ogħla minn dak tal-adozzjoni, għax filwaqt li l-persuna adottata legalment issir parti mill-familja, il-familja taf li l-waqfa fosthom ta’ persuna fostered hija waħda temporanja – prattikament f’dawn is-sitwazzjonijiet il-familja tkun għal żmien determinat qed trabbi tifel/tifla ta’ ħaddieħor!

Kemm l-adozzjoni u kemm il-fostering huma espressjoni erojka tal-karità Nisranija u mod kif il-familja Nisranija tħabbar il-Bxara t-Tajba tal-Vanġelu.

Filwaqt li napprezza dawn l-atti ta’ mħabba favur il-ħajja umana, nappella lis-soċjetà biex tibqa’ turi din il-ħniena u l-ospitalità.  Kemm bl-adozzjoni u kemm bil-fostering aħna nkunu qegħdin ngħinu biex inbiegħdu l-possibbiltà li persuna toħlom li tagħmel abort – bil-fatti nkunu nagħtu sehemna biex ikollna ċiviltà favur il-ħajja u favur il-familja.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2012/02/07/id-djocesi-ticcelebra-jum-il-hajja/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.