L-Isqof Grech jiltaqa’ mal-operaturi fil-midja

Għawdex fil-midja nazzjonali

Meta nhar it-Tlieta filgħaxija, 25 ta’ Jannar 2012 l-Isqof t’Għawdex Mons Mario Grech qaddes quddiesa għall-Għawdxin impenjati fil-midja lokali u nazzjonali fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Franġisk de Sales fil-knisja tas-Sorijiet Frangiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, Victoria, huwa wassal dan il-messaġġ:

“Iċ-ċiviltà tal-lum mhux biss tatna mezzi tal-komunikazzjoni li huma kanali importanti għat-tixrid tal-informazzjoni, imma l-istess mezzi saru ħtieġa biex il-bniedem ikun jista’ jipparteċipa fit-tiswir tal-istess ċiviltà. Fis-soċjetà tagħna min ma għandux il-possibiltà li jieħu sehem attiv fil-midja qed jiġi mċaħħad minn jedd ċivili importanti. Soċjetà li tippermetti li individwi jew gruppi jkunu b’mod sistematiku maqtugħa mix-xibka medjatika, tkun qed tiddiskrimina, temarġina u teskludi.

F’dawn l-aħħar tletin sena f’Għawdex sar progress kbir f’dak li għandu x’jaqsam mal-midja. L-għadd ta’ radjijiet komunitarji li fetħu diversi parroċċi għen biex il-komunikazzjoni tiftaħ u tilħaq lill-kotra tan-nies tal-gżira. Però dan jibqa’ xandir provinċjali. Għawdex ma għandux il-possibiltà li jsemma’ l-vuċi diretta tiegħu fuq il-mezzi pubbliċi tan-nazzjon. Sal-lum biex ix-xandir tal-Istat jagħti aħbar dwar Għawdex trid tkun xi traġedja, aħbar mill-Qorti jew xi attività governattiva. Huwa għajb li biex ġrajja fi ħdan il-poplu Għawdxi tkun irrappurtata, trid tkun taf li xi ġurnalist min-naħa l-oħra li jagħmillek pjaċir jew tkun trid tħallas għas-servizz. Huwa ġust mal-Għawdxin li biex jeżerċitaw dritt tagħhom li jagħtu kontribut, anke ta’ ftit minuti, fi programm dirett fuq it-televiżjoni tal-Istat, dawn iridu “jaħlu” is-sigħat?

Żgur li s-soċjetà Għawdxija għandna ħafna esperjenzi sbieħ li jħabbtuha tajjeb ma’ ġrajjiet simili li jiġru Malta; imma filwaqt li dawn tal-aħħar ġustament jiġu rrappurtati, dak li jiġri f’Għawdex jindifen fiż-żmien għax f’Għawdex m’hawnx il-mezzi!

Wasal iż-żmien li l-Istat jirrimedja għal dan id-dritt tal-Għawdxin! Huwa minnu li fl-imgħoddi kien hemm tentattivi imma dawn sfaxxew. Jekk f’ħafna oqsma l-Istat jirrikonoxxi lil Għawdex bħala reġjun bi ħtiġijiet partikulari, tajjeb li anke l-issue tal-komunikazzjoni, almenu mill-mezzi tal-Istat, tkun indirizzata biex Għawdex verament ikollu sehmu fl-aġenda medjatika nazzjonali. Kif jiġri f’pajjiżi oħra li għandhom qagħda ġeografika bħal tagħna, il-mezzi medjatiċi tal-Istat għandhom struttura permanenti reġjonali li ssegwi l-iżvolgiment tal-ħajja f’dak it-territorju speċifiku. Servizz ta’ din ix-xorta f’pajjiżna jaf iġib ’il quddiem l-interessi ekonomiċi, turistiċi u kulturali mhux biss ta’ Għawdex imma tan-nazzjon kollu.

Kelma ta’ apprezzament tmur lejn CVC Productions li permezz tal-programm Għawdex Illum qed jagħtu kontribut singulari.

F’dan ir-rigward il-Knisja f’pajjiżna toffri mudell għaliex kemm l-RTK kif ukoll Radju Marija jipproduċu u jxandru programmi diretti minn Għawdex. Anke jekk f’dan il-qasam hemm ħafna aktar x’isir, din l-esperjenza tista’ tiġi emulata minn stazzjonijiet nazzjonali oħra, partikularment dawk tal-Istat.

Storja ta’ nazzjon ma tkunx kompluta jekk sistematikament tħalli barra ġrajjiet ta’ reġjun sħiħ.