- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Mons Isqof Grech jiċċelebra l-bidu tar-Randan Imqaddes

Posted By admin On February 23, 2012 @ 7:28 pm In 2012 | Comments Disabled

Nirritornaw lura lejn Alla

Sintesi tal-omelija tal-Isqof Mario Grech waqt quddiesa pontifikali fil-Katidral t’Għawdex fil-bidu tar-Randan, ilbieraħ l-Erbgħa 22 ta’ Frar 2012:

Fi kliem il-Missirijiet tal-Knisja, l-Erbgħa tal-Irmied hija “il-bieb” li ngħaddu minnu biex nibdew il-mixja tar-Randan li għandha twassalna biex niltaqgħu ma’ Kristu, li bil-mewt u l-qawmien tiegħu għaqqadna poplu wieħed.

Kif għidna fl-aħħar Ittra Pastorali, l-Insara veri tal-lum qegħdin jgħixu fid-diaspora, fis-sens li huma mxerrdin f’soċjetà fejn mhux kulħadd jaċċetta lil Kristu u l-Evanġelju tiegħu. F’pajjiżna l-Insara jgħixu spalla ma’ spalla mhux biss ma’ min mhux Kattoliku imma wkoll ma’ min lanqas jemmen f’Alla. Sa ftit ilu, kellna soċjetà li kienet toffrilna lqugħ soċjali, kulturali u legali biex nibqgħu ngħożżu l-valuri Nsara. Imma llum dawn l-għajnuniet qed jonqsu u s-soċjetà qed iċċedi għal mentalità mhux Kristjana jekk mhux ukoll anti-Kristjana.

Eżempju ta’ dan il-fenomenu huma l-leġiżlazzjoni dwar il-koabitazzjoni u t-tnissil tal-ħajja fil-laboratorju. Huwa minnu li hemm drammi umani fejn in-nies qed ibatu li jeħtieġ li jiġu indirizzati anke b’intervent legali, imma l-għajnuna li tingħata tkun tixraq lill-bniedem biss jekk tkun etikament korretta.

M’aħniex ngħidu li l-Istat lajk għandu joqgħod għad-duttrina tal-Knisja. L-Istat m’għandux jirrispondi lill-Knisja; imma żgur li għandu jirrispondi quddiem Alla, awtur tal-liġi naturali! Min-naħa l-oħra, il-Knisja għandha kull dritt u dmir li ddawwal lill-membri tagħha dwar liema huma l-għażliet moralment tajba.

It-tqegħid tal-irmied fuq rasna ifakkarna fir-riskju li aħna l-bnedmin, jekk ma noqogħdux attenti, nistgħu naslu biex il-ħafna doni sbieħ li tana Alla nagħmluhom irmied! Il-bniedem huwa mżejjen b’ħafna kwalitajiet pożittivi, imma jekk ma jieħux ħsiebhom dawn faċilment jistgħu jsiru rmied! Sfortunatament kellna diversi affarijiet prezzjużi li ma ħadniex ħsiebhom u sarulna rmied!

Wieħed jawgura li r-Randan ikun verament “żmien ta’ salvazzjoni” għalina lkoll biex insibu t-tifsira vera tal-eżistenza tagħna. Ir-Randan huwa sejħa biex, kemm individwalment kif ukoll kollettivament, nirritornaw lura lejn Alla. (Ġoel 2,12.13)


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2012/02/23/mons-isqof-grech-jiccelebra-l-bidu-tar-randan-imqaddes/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.