IL-PREDIKAZZJONI TAS-SALIB
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl
Knisja tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, Marsalforn – L-Erbgħa 22 ta’ Jannar 2012
Bniedem konvint minnu nnifsu
Fil-ħajja mhix sitwazzjoni ideali meta minħabba d-dubji u l-inċertezzi li jkollu wieħed qatt ma jieħu pożizzjoni dwar xejn. L-indeċiżjoni tirrendi lill-bniedem dgħajjef u mifxul. In-nuqqas ta’ determinazzjoni tant hu serju li xi darba jkun aħjar li minkejja n-nuqqas ta’ ċertezza wieħed jieħu deċiżjoni milli jibqa’ sospiż u ma jafx x’jaqbad jagħmel!
Imma jekk fil-ħajja mhux sew li wieħed ikun mikul bid-dubji, daqshekk ieħor jista’ joħloq tħassib bniedem li huwa wisq ċert minnu nnifsu! Hawn karattri li tant huma kunfidenti magħhom infushom li jaslu biex jaħsbu li dak li jgħidu huma biss huwa tajjeb. Dawn it-talin ikunu tant determinati li kapaċi jkunu ta’ rashom u mhux lakemm jibdlu fehmithom.
Sawlu ta’ Tarsu kien minn din it-tieni kategorija. Kellu personalità qawwija u kien ċar fi ħsiebu. Kien bniedem ta’ prinċipju u ma jmilx quddiem l-iebes. Xejn u ħadd ma kien ser iwaqqfu milli jwettaq dak li kien konvint minnu. Hu stess jikkonferma kemm kellu fiduċja fih innifsu meta lill-Filippin jiktbilhom illi “jekk hemm xi ħadd li għandu jqiegħed it-tama tiegħu fil-ġisem, jiena għandi aktar minnu” (Fil 3:4). Biż-żelu li kellu Sawl kien jippersegwita l-Knisja (ara Fil 3:6). Huwa fatt li Sawl kien “attrezzat” tajjeb kemm kulturalment u kemm fir-reliġjon: trabba f’familja Lhudija osservanti, u tkisser fit-tagħlim reliġjuż taħt il-gwida ta’ Gamaljel, tant li, fi kliemu stess, “kont ’il quddiem fir-reliġjon Lhudija fost il-poplu tiegħi aktar minn sħabi kollha tampari, imġennen kif kont għat-tradizzjonijiet ta’ missirijieti” (Gal 1:14). Jidher ċar li kien imħarreġ fir-retorika Griega u kellu kelma li tipperswadi. Fuq kollox kellu l-“poter” mingħand il-Qassis il-Kbir f’Ġerusalemm biex jaqbad u jarresta lill-Insara li skont hu kienu membri ta’ setta reliġjuża! Altru li Sawl kien “rottweiler”!
Mill-konvinzjoni għall-konverżjoni
Illum li qegħdin niċċelebraw il-festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, tiġini waħidha l-mistoqsija dwar x’wassal biex dan ir-raġel, li għalih nistgħu ngħidu kollox barra li kien indeċiż, ħalla warajh il-konvinzjonijiet radikali u t-tradizzjonijiet ta’ missirijietu biex ħaddan twemmin ġdid! Anzi qed nitkellmu dwar persuna li, frott tal-bidla li seħħet fiha, ikkawżat bidla epokali – bil-predikazzjoni u l-vjaġġi missjunarji tiegħu, Pawlu poġġa l-pedament ta’ realtà ġdida: iċ-ċiviltà Kristjana.
Kollox kellu l-bidu tiegħu fit-triq minn Ġerusalemm għal Damasku, fejn Pawlu jiltaqa’ għall-ewwel darba ma’ Ġesù Kristu! Kif l-Appostli kellhom bħala kredenzjali l-fatt li kienu ma’ Kristu, Pawlu, frott ta’ din id-dehra fit-triq ta’ Damasku, jiftaħar li hu wkoll xhud okulari ta’ Ġesù: “Jaqaw m’iniex Appostlu? Ma rajtx jien lil Sidna Ġesù?” (1 Kor 9:1). Huwa jkompli jgħid: “Fl-aħħar deher lili wkoll wara kulħadd, qisni twelidt mormi qabel il-waqt, għax jien l-inqas wieħed fost l-Appostli” (1 Kor 15:8). Meta fl-ittri tiegħu Pawlu jirreferi għal din l-esperjenza tat-triq ta’ Damasku, hu ma jsejħilhiex biss “dehra” imma “dawl tal-għarfien tal-glorja ta’ Alla” (2 Kor 4:6), “għażla”, “rivelazzjoni” u “missjoni” (ara Gal 1:15).
Quddiem il-Ġrajja tal-Passjoni, Mewt u Qawmien ta’ Kristu
F’din id-dehra Pawlu ra lil Kristu Rxuxtat mill-mewt; imma dak li saħħar lil Pawlu ma kienx biss il-misteru tal-Qawmien, imma wkoll il-misteru tat-tbatija u l-mewt li għadda minnhom Kristu. Il-ġisem glorjuż ta’ Kristu huwa ġisem immarkat bil-pjagi, sinjal tal-passjoni u l-mewt tal-Imgħallem! Huwa minnu li kieku Kristu ma qamx, it-twemmin tagħna kien ikun fieragħ, imma meta l-Missier qajjem lil Ibnu mill-mewt, huwa kien qed japprova l-att ta’ mħabba li wettaq fuq is-salib. Fil-fatt Pawlu jibqa’ ssummat meta jiltaqa’ ma’ dak Alla li fuq is-salib “imut” biex jifdi lill-bnedmin! Hija d-dehra ta’ Kristu Msallab li tolqot bil-kbir lil Pawlu! Il-qawmien mill-mewt huwa azzjoni divina; imma li Kristu, l-Iben ta’ Alla, jitlef ħajtu biex il-bniedem jikseb ħajtu, hija azzjoni divina wisq aktar qawwija. Fil-fatt għal Pawlu s-salib bi Kristu fuqu mhux biss huwa “oġġett” li quddiemu wieħed jista’ jitfixkel jew jista’ jieqaf jadura l-kobor ta’ Alla, imma huwa wkoll “kelma” – fis-sens li s-salib jitkellem dwar l-imħabba ta’ Alla. Aħna l-bnedmin mhux lakemm nifhmu għaliex bniedem jagħti lilu nnifsu għal bniedem ieħor; mela kemm iktar jisboq ir-raġuni tagħna l-fatt li huwa Alla li jbati u jissagrifika ħajtu għalina l-bnedmin! Għalhekk is-salib, li għall-pagani huwa bluha u għal-Lhud huwa skandlu, għal Pawlu sar strument ta’ bidla!
Sfida lir-raġuni tal-bniedem
Aħna drajna żżejjed inserrħu ħarsitna fuq il-Kurċifiss! Tant drajna, li dik id-dehra miskina ta’ Alla, li fi kliem San Pawl “sar saħta għalina” (Gal 3:13), ma għadha tfisser xejn għalina! X’ġara? Aħna wkoll hemm bżonn “ninżlu minn fuq iż-żiemel” li f’ċertu sens ħarab bina; għax jekk nibqgħu sejrin hekk hemm ir-riskju li naqgħu minn preċipizzju u nintilfu. Qed nirreferi għar-raġuni, jew agħar minn hekk għan-nuqqas ta’ raġuni, għax l-intellett tal-bniedem ma jistax ma jirrikonoxxix li hemm Alla! Qed nirreferi għas-suppervja tagħna l-bnedmin li qed tagħmel tagħha bħal żiemel sfrattat. Billi qed nafdaw iżżejjed fuq ir-raġuni, wasalna biex inwarrbu lil Alla, konvinti li rajna f’idejna! Kemm hija f’waqtha l-osservazzjoni li jagħmel l-Appostlu tal-Ġnus: “Billi fl-għerf ta’ Alla, id-dinja b’għerfha ma għarfitx lil Alla, Alla għoġbu jsalva lil min jemmen bil-bluha tal-predikazzjoni [il-kelma (¬logos) tas-salib]” (1 Kor 1:21).
Nifhem li mhux faċli li r-raġuni waħidha twassal lill-bniedem għand Alla. Għax il-loġika ta’ Alla tgħaddi l-loġika tal-bniedem – il-mod kif jaħseb Alla jisboq il-mod tal-ħsieb uman! Is-Salib huwa konferma ta’ dan! B’liema raġunament naslu biex nifhmu lil Alla li, misjuq mill-imħabba lejn il-bniedem, jasal biex imut għalina? Kif jikteb Pawlu, “il-bluha ta’ Alla hija għarfa aktar mill-bnedmin” (1 Kor 1:25). Kienet din il-bidla l-kbira li seħħet f’Pawlu meta ltaqa’ ma’ Kristu Msallab: Pawlu ma baqax jirraġuna bil-loġika tal-bnedmin imma beda jaħseb u jaġixxi bil-loġika ta’ Kristu. Kien għalhekk li lill-Insara ta’ Filippi, Pawlu jiktbilhom: “Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù: hu li, għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, imma tneżża’ minn kollox, billi ħa n-natura ta’ lsir, sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħal bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2:5-8).
L-isfida tal-imħabba ta’ Alla
Fl-Ewwel Ittra lill-Korintin, Pawlu jitkeb dwar l-imħabba. Żgur li l-intuwizzjoni ta’ Pawlu dwar l-imħabba ġejja minn eżempju bil-wisq qawwi: Ġesù Kristu! Anzi, hemm studjużi tal-Iskrittura li jgħidu li meta Pawlu qed jirrifletti dwar l-imħabba hu qed jaħseb fi Kristu Msallab, li hu l-Imħabba inkarnata! Fost ħwejjeġ oħra, Pawlu jgħid li l-imħabba kollox tagħder – fis-sens li Alla jagħder lil kulħadd, anki lill-midneb; l-imħabba kollox temmen – fis-sens li Alla jibqa’ jemmen fil-bniedem, anki meta l-bniedem jagħmilhielu; l-imħabba kollox tittama – fis-sens li Alla qatt ma jitlef it-tama fil-bniedem, anki jekk il-bniedem jagħtih dahru; l-imħabba kollox tissaporti – fis-sens li Alla jissaportina dejjem u f’kollox! Kemm hi differenti l-imħabba tiegħu u tagħna! Ma ngħidx li ma nħobbux, imma l-imħabba umana tagħna għandha l-limiti tagħha. Kif nistgħu nagħdru lil min jippersisti fl-iżball? Kif nistgħu nibqgħu nemmnu lil min huwa giddieb patoloġiku? Kif nistgħu nkomplu nittamaw meta ma naraw ebda tama? Kif hu possibbli li nissaportu dejjem, ukoll meta ħaddieħor jieħu vantaġġ mit-tjubija tagħna? Hawn hija l-lezzjoni li jagħtina Ġesù minn fuq is-salib! Hawn tidher id-differenza bejn il-loġika ta’ Alla u dik tagħna l-bnedmin. Hawn għandi bżonn ninbidel jien, u nħeġġek tirrifletti biex tara huwiex il-każ li anki inti tibdel il-mod kif normalment taħseb u taġixxi. Din hija l-konverżjoni li ġarrab San Pawl, u minn dan il-proċess jeħtieġilna ngħaddu, anki bħala Knisja!
Fidi ekkleżjali
Huwa fatt li mhux faċli għalina li nagħmlu din ir-rivoluzzjoni waħidna! Pawlu kellu bżonn l-akkumpanjament ta’ Ħananija, tad-dixxipli ta’ Damasku u ta’ Ġerusalemm (ara Atti 9:10-30). Fi kliem ieħor, Pawlu kellu l-għajnuna tal-komunità Nisranija li għenitu jkompli jniżżel għeruqu fil-misteru ta’ Kristu! F’Pawlu, l-imħabba għal Kristu hija msieħba mill-imħabba għall-Knisja, tant li jidentifikahom ma’ xulxin kif għamel fit-triq ta’ Damasku: hu li kien qed jaħbat għall-Insara, jisma’ lil Kristu jgħidlu: “Jien Ġesù, li int qiegħed tippersegwitah” (Atti 9:8). Huwa jasal biex isejjaħ il-Knisja “il-ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed minnkom il-membru tiegħu” (1 Kor 12:27).
Ix-xandir tal-bluha tas-Salib
Hekk ukoll illum il-komunità ekkleżjali trid temmen b’aktar qawwa li “il-predikazzjoni (il-kelma) tas-salib hija bluha għal dawk li jintilfu, imma għal dawk li jsalvaw, għalina, hi l-qawwa ta’ Alla” (1 Kor 1:18). Anzi, huwa meta hija msallba bħal Kristu u ma’ Kristu li l-Knisja ssir “kelma… ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar… tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun” (Lhud 4:12). Hekk il-Knisja, filwaqt li ma tehda qatt ixxandar dan il-Vanġelu, tibqa’ miftuħa biex tilqa’ lil kull bniedem, sew jekk dgħajjef u sew jekk ċert minnu nnifsu, biex tgħinu jiltaqa’ ma’ Kristu Msallab, ma’ din il-Kelma, bit-tama li din il-laqgħa ġġib bidla.