Emerġenza edukattiva
Sintesi tal-omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Girgor li saret fil-Parroċċa ta’ Kerċem, il-Ħadd 11 ta’ Marzu 2012.
Iż-żgħażagħ tagħna qed jistaqsu lill-adulti x’sens fiha l-ħajja. Imma hemm ir-riskju li, kif jikteb George Bernanos, aħna l-adulti, minflok ma nagħtuhom it-tweġiba t-tajba, nibagħtuhom imutu fit-trunċiera tal-gwerra. F’ċertu sens il-kultura ta’ żminijietna, battala mill-valuri, hija waħda minn dawn it-trunċieri!
Fi kliem il-ħassieb Spanjol Ortega y Gasset, il-ġenerazzjonijiet il-ġodda huma “barbari vertikali” għaliex il-bniedem jitwieled sajjem minn dak kollu li jagħmel iċ-ċiviltà li tilqgħu fi ħdanha, u sakemm ma jkunx mgħallem x’inhi s-sewwa u x’inhu t-tajjeb hu jfittex biss li jissodisfa x-xewqat, il-ħtiġijiet u l-impulsi tiegħu. U billi s-soċjetà qed tirrassenja ruħha li l-uniku kriterju formattiv li għandha tuża huwa li tħalli lil kulħadd jagħmel fattih, allura l-bniedem jikber u jibqa’ jemmen li għandu libertà assoluta. Għaldaqstant huwa jsir konvint li s-socjetà għandha tirrikonoxxi anke dak li huwa pervers, bħalma huma l-“after birth abortion” u ż-żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess. Il-ħajja umana jixirqilha kull rispett sa mill-bidu tat-tnissil. L-istess rispett huwa dovut lejn kull persuna, ikun x’ikun il-kulur, it-twemmin u l-orjentament sesswali tagħha.
F’dan il-kuntest tinħass dik li l-Papa Benedittu XVI isejjaħ “l-emerġenza edukattiva” biex nittrażmettu dawk il-valuri komuni ħalli hekk ikollna soċjetà li sserraħ fuq pedament sod u oġġettiv. Ħafna drabi l-edukazzjoni li noffru hija parzjali għax issir insistenza fuq l-edukazzjoni akkademika u dan in vista tal-professjoni. Imma ebda professjoni ma tista’ tikkontribwixxi għall-ġid komuni jekk ma tkunx imsieħba minn edukazzjoni umana, spiritwali u intelletwali, fis-sens li l-bniedem jikseb ħila li jiżen, jikkritika u jiddeċiedi. L-esperjenza tikkonferma li l-edukazzjoni xjentifika waħidha ġieli sfat ta’ deni. Każ tipiku huma meta nħallu f’idejn ix-xjenza biex tipproduċi l-ħajja umana. Mhux dak kollu li huwa xjentifikament possibbli huwa etikament tajjeb.
Il-familja hija l-agenzija edukattiva primarja li ħadd ma jista’ jeħdilha postha. Imma dan il-kontribut qed jiddgħajjef billi l-identità istituzzjonali tal-familja tinsab fi krizi, peress li llum fis-suq hawn fehmiet differenti dwar x’nifhmu b’familja!
L-edukaturi veri huma dawk li jgħallmu dak li huwa sewwa u dak li huwa tajjeb. Imma llum l-għadd ta’ dawn l-edukaturi jaf jonqos għaliex ir-relativiżmu jdakkar lil ħafna.
Dan kollu jqegħidna quddiem l-emerġenza edukattiva li għandha tkun proġett li jħaddan fih lil dawk kollha ta’ rieda tajba li, mbuttati mid-dmir li joffru tweġibiet lil dawk li qed ifittxu x’sens fiha l-ħajja, ma jibagħtuhomx “fit-trunċiera tal-qerda” imma jedukawhom fis-sewwa biex hekk ikunu tassew bnedmin ħielsa.