Archive for the '2012' Category

Ir-rwol tal-Maġisteru fil-ħajja tal-Knisja

“Isimgħu lilu”

Fl-okkażjoni tal-Festa tas-Salvatur ċċelebrata lbieraħ (it-Tnejn, it-Tnejn 6 ta’ Awwissu 2012) waqt quddiesa pontifikali li saret fil-bażilka ta’ San Ġorġ, Għawdex, fl-omelija l-Isqof Mario Grech fisser kemm huwa f’waqtu dak li qal il-Missier fuq l-għolja tat-Tabor fejn seħħet it-trasfigurazzjoni: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu”.

“L-ikbar sfida li għandha l-Knisja llum hija kif ser tgħin lin-Nisrani jisma’ lil Kristu. Kull ma jmur dan qed isir diffiċli għax fostna hawn diversi ilħna kontra xulxin. Continue reading >>

Quddiesa fit-8 anniversarju mill-mewt ta’ Dun Mikiel Attard

IL-QADDEJ TA’ ALLA DUN MIKIEL ATTARD
IMSAĦĦAR MILL-ĠMIEL TA’ ALLA INKARNAT

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Quddiesa fit-tmien anniversarju mill-mewt ta’ Dun Mikiel Attard
Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu – L-Erbgħa, 1 ta’ Awwissu 2012

Is-siġra ikona tal-ħajja
Rebbieħ tal-Premju Nobel, Aleksandr Solzhenitsyn, josserva li l-ħajja tal-lum qisha siġra li għanda diversi friegħi.

Hemm il-fergħa tal-liġijiet, inklużi dawk morali, li l-bniedem ta’ żmienna qaċċat għaliex iddejjaq jisma’ bil-liġijiet u jitnaffar x’ħin tiffaċċjah bir-regoli tal-ħajja. Huwa fatt li llum għandna t-tendenza li rridu nkunu ħielsa minn kollox u l-imġiba, anke tagħna l-Insara, qed issir imġiba amorali, jiġifieri mingħajr regola tal-morali. Infatti, misjuqin mill-utilitariżmu, naslu biex nammettu u niġġustifikaw kollox. Continue reading >>

L-Isqof Grech jiċċelebra “Jum il-Pulizija”

Ħelsien minn kull forma ta’ jasar

Sintesi tal-omelija tal-Isqof Mario Grech waqt quddiesa pontifikali li saret fil-KonKatidral ta’ San Ġwann, dalgħodu, il-Ħamis 12 ta’ Lulju 2012, fl-okkażjoni tal-Police Day.

“Fis-soċjetà affluenti tal-lum il-bniedem qed iħossu awtosuffiċjenti u għalhekk qed iwarrab lil Alla mill-ħajja privata u pubblika. Kif jikteb Dostoevsky, il-bniedem li ma jibżax minn Alla, ibeżża’, għax dan jasal biex jagħmel kollox. Huwa fatt li llum kotru l-inġustizzji, tferrxet aktar l-immoralità, u l-politika, li suppost hija arti nobbli, tħammġet ħafna! Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed tiżdied l-infedeltà tal-bniedem lejn Alla, lejn il-verità, lejn il-prinċipji li jistqarr li jħaddan u lejn l-istess bniedem! Continue reading >>

Mons Isqof Mario Grech jiċċelebra l-festa mal-komunità parrokkjali tal-Għasri

L-Ewkaristija għall-bniedem

Sintesi tal-omelija li l-Isqof Mario Grech għamel illum 10 ta’ Ġunju 2012 fl-okkażjoni tal-festa tal-Corpus Domini ċċelebrata fl-Għasri, Għawdex.

Illum is-solitudini mhix biss riskju gravi għall-bniedem, imma wkoll għal Ġesù fl-Ewkaristija għax nafu nħalluh waħdu! Filwaqt li ntenni l-istima kbira lejn dawk il-Kattolċi li huma adoraturi ta’ Ġesù Ewkaristija, inħoss li maż-żmien il-kult Ewkaristiku qiegħed jonqos. Continue reading >>

Ftuħ u tberik ta’ Ċentru ta’ tagħlim fil-parroċċa tan-Nadur

Ilbieraħ, is-Sibt 28 ta’ April 2012, l-Isqof Mario Grech qaddes fil-knisja parrokkjali tan-Nadur fl-okkażjoni tat-324 sena mit-twaqqif tal-parroċċa. Dan sar fl-istess jum li fih id-Djoċesi ta’ Għawdex, fuq inizjattiva tal-Azzjoni Kattolika, għall-ewwel darba ċċelebrat it-tifkira liturġika ta’ Santa Gianna Beretta Molla. Fi tmiem il-quddiesa fin-Nadur, l-Isqof Grech inawgura u bierek “Ċentru ġdid ta’ tagħlim”. Fl-omelija l-Isqof wassal dan il-messaġġ:

«Napprezza li għandna ħafna ġenituri li bħal Santa Gianna Beretta Molla jagħtu ħajjithom għal uliedhom! Bħal din il-qaddisa li mietet 50 sena ilu, għandna ġenituri li jagħżlu li jmutu fis-sens wiesa’ tal-kelma biex jgħajxu lil uliedhom! Dawk il-ġenituri li, misjuqin mill-imħabba lejn Alla u lejn uliedhom, jissagrifikaw lilhom infushom biex irabbu lil uliedhom, huma tassew teżor kbir tal-Knisja u tas-soċjetà. Continue reading >>

Festa liturġika ta’ San Ġorġ martri

NAGĦTU ĊITTADINANZA PUBBLIKA LIT-TWEMMIN TAGĦNA

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Festa Liturġika ta’ San Ġorġ Martri
Parroċċa San Ġorġ, ir-Rabat, Għawdex – It-Tnejn 23 ta’ April 2012

Nistħajjel illi ma tobsrux kemm is-solennità tal-lum ta’ San Ġorġ Martri timlieni b’kuraġġ, sew bħala Nisrani u bħala saċerdot, imma iktar u iktar bħala isqof.  U dak illi nġarrab jien, nixtiequ lil kulħadd: lill-komunità Ġorġjana u lill-Knisja kollha f’Għawdex.

Diskriminazzjoni kontra l-Insara llum
Ħafna, meta jitkellmu fuq l-istorja tal-martri, jaħsbu illi l-persekuzzjonijiet tal-Knisja huma xi ħaġa ta’ tant u tant żmien ilu.  Imma mhux hekk!  Propju ftit tal-ġimgħat ilu, organizzazzjoni internazzjonali li għandha l-bażi tagħha fl-Awstrija ħarġet rapport dwar il-persekuzzjoni tal-Insara llum, mhux fil-Lvant Nofsani – u naħseb smajtuhom id-drammi tal-Insara fl-Eġittu, fl-Iraq… tal-bieraħ dawn! –, lanqas fl-Asja, imma fl-Ewropa, dak il-kontinent illi ġieli nsejħulu “il-benniena tal-Kristjaneżmu”. Continue reading >>

Tifkira tat-Twaqqif tal-Ewkaristija (Ħamis ix-Xirka)

L-EWKARISTIJA: IKEL GĦALL-EŻILJATI

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Ħamis ix-Xirka: Tifkira Solenni tat-Twaqqif tal-Ewkaristija
Knisja Katidrali – Il-Ħamis 6 ta’ April 2012

Għandna xewqa ta’ Alla?
Il-bniedem tal-lum qed jgħix fl-eżilju, ’il bogħod minn Alla; mhux għax Alla ma jinteressahx mill-bniedem, imma għax dan tal-aħħar għażel li jeżilja lil Alla!  Għaddew erbgħin jum minn meta l-Arċisqof Cremona u jien wassalnielkom Ittra Pastorali fejn tkellimna dwar din l-esperjenza tal-eżilju li qed jgħixu llum il-bniedem u n-Nisrani!  F’dik l-Ittra fissirna xi jfisser tgħix fl-eżilju mifrud minn Alla, bħal meta “taħseb li dak li tiddeċiedi inti huwa tajjeb jew ħażin bla ma tagħmel l-ebda rabta mal-Kelma ta’ Alla; meta taħseb li f’ħajtek m’għandekx bżonn lill-Mulej Ġesù u lill-Knisja li ħallielna hu, ħlief meta tiltaqa’ ma’ xi emerġenza…; meta tintilef fil-ġirja għall-affarijiet materjali bla ma tagħti kas tal-etika u l-ġustizzja.  B’mod ġenerali nistgħu ngħidu li nkunu fl-eżilju spiritwali meta f’ħajjitna npoġġu fil-ġenb il-Kmandamenti ta’ Alla” (mill-Ittra Pastorali tar-Randan 2012).

Continue reading >>

Quddiesa tat-Tberik taż-Żjut

IS-SAĊERDOT JIFTAĦ IL-KTIEB TAS-SEWWA

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Quddiesa tat-Tberik taż-Żjut
Knisja Katidrali – Il-Ħamis 6 ta’ April 2012

Il-Kelma ta’ Alla saret laħam
Il-Vanġelu li għadu kif tħabbrilna jeħodna Nazaret.  Kemm nixtieq li nixxennqu biex aħna wkoll ngħammru f’Nazaret, għaliex hemm seħħ il-Misteru tal-Inkarnazzjoni: il-Kelma ta’ Alla, jiġifieri l-Verb, sar bniedem u għammar fostna.  Hekk Nazaret saret depożitarja tal-verità, għax hemm Alla ried ipoġġi u jiddepożita l-verità.  Għalhekk tifhmuni jekk dalgħodu nesprimi din ix-xewqa illi s-soċjetà tagħna u pajjiżna jixxennqu biex ikunu bħal Nazaret fil-kuntest kulturali, xjentifku, soċjali u politiku li qed ngħixu fih illum, fejn il-verità hija nieqsa u mkissra biċċa biċċa.

Imma l-Vanġelu jgħidilna wkoll li l-Mulej Ġesù jmur Nazaret, jagħtuh il-ktieb u hu jiftħu.  F’din iċ-ċelebrazzjoni solenni, li fiha qegħdin niċċelebraw is-Saċerdozju Kattoliku, irrid insellem lil dawn ħuti fis-saċerdozju li huma msejħa biex, kif insibu fl-Atti tal-Appostli, bħala “ministri tal-Kelma” (Lq 1:4) iħallu ħafna mill-attivitajiet tagħhom ħalli jkunu dawk li jamministraw il-Kelma (Atti 6:4).  Bħal Ġesù Kristu, is-Saċerdot il-Kbir, il-presbiteri huma kontinwament imsejħa biex jilqgħu l-Ktieb; mhux biex “jieħdu” jew jippossedu l-Ktieb, għax dan mhux “propjetà privata” tagħna s-saċerdoti imma huwa fdat u mgħoddi lilna ħalli, filwaqt li nilqgħuh, niftħu “il-Kelma ta’ Alla”. Continue reading >>