Ħadd il-Palm - Omelija ta’ Mons Isqof

Quddiemna għandna t-telgħa

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Solennità ta’ Ħadd il-Palm
Katidral t’Għawdex – Il-Ħadd, 1 ta’ April 2012

Nimxu wara Ġesù lejn Ġerusalemm
Illum Ġesù jibda t-triq lejn Ġerusalemm. Illum aħna mhux biss infakkru din il-ġrajja, imma rridu wkoll nistaqsu kif ser ngħixu din id-daħla ta’ Ġesù fil-belt ta’ Ġerusalemm. Il-Liturġija ta’ dalgħodu tpoġġi fuq fommna t-tweġiba: “Ejjew nimxu wara Ġesù”. Illum aktar mis-soltu huwa importanti li tidwi f’widnejna din l-istedina biex nimxu wara Kristu! Għaliex huma ħafna li jissejħu Kristjani u jokkupaw l-awli liturġiċi, imma mhumiex mexjin wara Kristu! Fejn ser immiddu riġlejna f’din il-mixja wara l-Mulej?

L-Evanġelisti Sinottiċi jgħidulna li bħal-lum Ġesù qal li ried imur Ġerusalemm! Għalhekk, għalina li rridu nimxu wara Kristu, għandna d-direzzjoni ċara u preċiża: nitilgħu Ġerusalemm. Għax din il-belt tinsab fil-għoli. Quddiemna għandna t-telgħa. Ġesù telaq minn Ġeriko, li tinsab madwar 250 metru taħt il-livell tal-baħar, u issa jixtieq jidħol Ġerusalemm, li tinsab madwar 750 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar! ’L hinn mill-aspett ġeografiku, dan ifisser li min irid jimxi wara Ġesù ma għandux quddiemu triq għall-wita jew għan-niżla, imma triq għat-telgħa! Hawn inħoss li għandi nagħmel osservazzjoni pastorali: fostna hawn ħafna li jridu jimxu wara Kristu, imma mhux fid-direzzjoni ta’ Ġerusalemm – id-direzzjoni indikata mill-Imgħallem. Ħafna jibżgħu jew jaqtgħu qalbhom mit-telgħa, u għalhekk qegħdin nagħmlu għażliet li flok ma jqabbduna t-triq ’l fuq, qegħdin jeħduna għan-niżla. Verament niżlin fil-ħama! Diġà huwa żball jekk il-bniedem, ikun xi jkun it-twemmin tiegħu, jaqbad in-niżla; imma jkun dnub gravi għan-Nisrani li, filwaqt li huwa akkanit biex jiċċelebra l-festi, huwa jieħu t-triq tan-niżla.

Meta nimxu wara Kristu fit-triq li twassal għal Ġerusalemm, l-umanità tikseb l-identità awtentika tagħha; imma jekk, għall-kuntrarju, naqbdu triq opposta, allura ninżgħu jew ineżżgħuna mill-umanità. Dan jikkonfermawh ċerti għażliet li qegħdin nagħmlu bħala soċjetà: għażliet li joffendu u jfieru n-natura umana fil-laħam il-ħaj. Sfortunatament id-deċiżjonijiet u l-inizjattivi li qed nieħdu għad jissarffu f’dannu kbir għall-pajjiż.

Nagħrfu ż-żmien tal-grazzja
Meta l-evanġelista San Luqa jikteb dwar id-daħla ta’ Ġesù f’Gerusalemm isemmi dettal li japplika ħafna għalina llum. Luqa jgħid li meta Ġesù wasal qrib il-belt, “kif raha, beda jibkiha u jgħid: Mhux li għaraft imqar int ukoll f’dan il-jum x’inhu ta’ ġid għalik! Imma issa dan huwa moħbi minn għajnek. Għax għad jiġi żmien fuqek meta l-għedewwa tiegħek idawwruk b’rampa u jagħlquk minn kullimkien u jrossu fuqek minn kull naħa u jġarrfu lilek u lil uliedek fik, u ma jħallux fik ġebla fuq oħra, talli ma għaraftx iż-żmien taż-żjara li saritlek” (19,41-44). Meta nara x’qed jiġri madwarna, inħoss bħal leħen jgħidli li anke llum Ġesù jibki fuqna u jfakkarna illi ladarba m’aħniex nindunaw bil-preżenza tiegħu fostna, is-soċjetà tagħna għad tiġġarraf. Ladarba aħna jidhrilna li nistgħu nibnu u ngħollu anke b’disprezz lejn Alla, ma nistgħaġbux li l-imperu tagħna jiġġarraf!

Nemmnu f’Alla tal-Vanġelu
Ġesù jidħol Ġerusalemm fejn hemm it-tempju. Fil-pajjiż kollu l-Lhud kellhom tempju wieħed u dan biex ifissru t-twemmin tagħhom f’Alla wieħed. L-uniċità tat-tempju kienet tirrifletti l-uniċità t’Alla. Anke din hija verità li tajjeb nirriflettu dwarha, għax illum fostna ħloqna spazji għal diversi allat; anzi, illum l-bniedem irid jieħu post Alla! Ġesù jidħol fit-tempju ta’ Ġerusalemm biex lil dan Alla wieħed jagħtih isem u wiċċ: huwa Alla l-Missier li tant ħabb lid-dinja li taha lil Ibnu l-waħdieni biex kull minn jemmen fih ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem.

Nistedinkom biex f’dawn il-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa nimxu din it-triq bil-galbu, b’riflessjoni u talb ħalli naslu li niddeċiedu favur Alla.

Nibnu flimkien il-belt tagħna
Matul il-puċissjoni bil-palm u ż-żebbuġ f’idejna fil-bidu ta’ din iċ-ċelebrazzjoni kantajna “Ġerusalemm mibnija mill-ġdid”. Illum aħna msejħin biex nibnu mill-ġdid lil “Ġerusalemm” tagħna, li hija ċ-ċentru tal-poter politiku u reliġjuż. Bħala ċittadini li ngawdu l-libertà li nistqarru t-twemmin tagħna fi Kristu, ħadd ma għandu l-jedd li jżommna jew jintimidana milli nagħtu s-sehem tagħna biex tinbena Ġerusalemm il-ġdida.

Inħarsu ’l quddiem bit-tama
San Mark jgħidilna li Ġesù daħal Ġerusalemm bin-nies quddiemu u warajh. Dan ifisser li f’din il-mixja lejn Ġerusalemm m’aħniex weħidna imma hemm Kristu magħna. Din tfakkarni fil-mixja li għamlu l-Lhud meta ħarġu mill-iskjavitù tal-Eġittu biex daħlu fl-art imwiegħda. Aħna wkoll, bi Kristu magħna, naslu biex nagħmlu l-passaġġ minn dinja li nieżla ’l isfel għal dinja li tagħżel li trid titla’ ’l fuq, anke jekk trid tgħaddi mill-esperjenza tas-salib! Imma aħna nafu li s-salib mhux it-tmiem ta’ triqitna, għax t-triq ta’ Kristu twassal għall-qawmien, li niċċelebraw bħal-lum ġimgħa.