Iċċelebrata t-tifkira tad-Duluri

ID-DULUR TAL-MIŻŻEWĠIN LI MA JISTAX IKOLLHOM TFAL

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Tifkira tad-Duluri tal-Verġni Marija
Pjazza Indipendenza, ir-Rabat, Għawdex – Il-Ġimgħa 30 ta’ Marzu 2012

Il-karba ta’ min ma jistax ikollu tfal
Ix-xbieha tad-Duluri bil-ġisem mejjet ta’ Binha Ġesù fuq riġlejha tistedinna biex nirriflettu fuq it-tbatija tal-omm f’relazzjoni mal-misteru tal-ħajja. F’din l-okkażjoni għalhekk nistieden lis-soċjetà tagħna, b’mod partikulari lill-komunità Kattolika f’pajjiżna, biex tieħu b’iktar impenn id-dulur tal-istess soċjetà quddiem il-misteru tal-ħajja.

Għandi quddiem għajnejja lil dawk il-koppji miżżewġa li għandhom il-problema tal-infertilità. Dawn il-koppji jixtiequ jilqgħu d-don tal-ħajja, imma għal xi raġuni jew oħra mhux jirnexxilhom. Il-Knisja u l-Istat ma jistgħux ikunu indifferenti quddiem il-karba ta’ min qed ibati minħabba l-problema tal-infertilità, li sfortunatament jidher li qiegħda tiżdied. Inħossni fid-dmir li nikkumpatixxi u nakkumpanja lil dawn il-persuni li jixtiequ jsiru missirijiet u ommijiet imma ma jistgħux!

Hawnhekk nappella lin-nies tax-xjenza li għandhom dmir li jgħinu verament b’mezzi li huma etikament tajba lil dawn il-koppji biex possibilment jirrisolvu l-problema. Qatt ma hija biżżejjed ir-riċerka xjentifika biex tkun indirizzata din id-diffikultà. Hija ħasra li m’hemmx riċerka biżżejjed f’dan il-qasam. X’aktarx li min is-soltu joħroġ il-flus għal dawn il-proġetti donnu ma jaqbillux, għax attwalment instabet soluzzjoni xjentifika biex tintrebaħ l-infertilità, liema soluzzjoni tirrendi flejjes kbar. Nappella lill-Istat biex fis-sistema tas-saħħa, li taħdem bi flus il-poplu, jipprovdi servizzi li huma moralment tajba u li jaqblu mal-ġurament li jieħdu t-tobba bħala difensuri tal-ħajja umana, biex dawk il-koppji li għaddejjin minn dan id-dulur jirċievu l-għajnuna.

Ix-xjenza u l-professjoni medika
Hemm bżonn li ma jibqax isir sfruttament finanzjarju u psikoloġiku minn dawn il-koppji li qed ibatu, li billi għandhom xewqa kbira li jkollhom l-ulied, joqogħdu għal dak kollu li tgħidilhom ix-xjenza. In-nies tagħna għandha fiduċja kbira fil-professjoni medika u għalhekk ħafna drabi jilqgħu mingħajr ebda eżitazzjoni l-parir li jagħtihom it-tabib. Dan iqiegħed piż enormi fuq spallejn il-professjoni medika, għax jekk xi ħadd ikunu bla skruplu dan jista’ japprofitta ħafna mill-pazjent!

Ix-xjenza, barra li għandha għanijiet nobbli, jista’ jkollha oħrajn inqas nobbli, biex ma ngħidx għanijiet tal-mistħija! Huwa fatt li anke fix-xjenza hemm min għandu interess li jagħmel il-flus! Illum teżisti l-industrija tal-ħajja umana – industrija li kapaċi tagħmel profitti kbar! Barra minn hekk, ix-xjenza kapaċi wkoll tasal biex tisfrutta lil persuni dgħajfa, kemm fi stat embrijonali kif ukoll bħala adulti, għal għanijiet ta’ riċerka! Dan l-aħħar smajt li hawn assoċjazzjoni tal-friefet il-lejl, liema assoċjazzjoni għandha vuċi fil-fora tagħna! Ma għandi xejn kontra l-annimali, imma nistaqsi kif m’aħniex kapaċi ngħollu l-vuċi flimkien biex nġibu ’l quddiem il-kultura tal-ħajja u ma nħalluhiex tiġi megħluba mill-kultura tal-mewt li l-liberali u l-progressivi jridu jippromovu!

It-tnissil assistit u l-pożizzjoni tal-Knisja
Is-soluzzjoni għall-infertilità li qed timbotta ’l quddiem sezzjoni tax-xjenza tissejjaħ “tnissil assist” jew IVF (in vitro fertilisation). Permezz ta’ din it-teknoloġija, il-bniedem ma jibqax jitnissel frott l-imħabba tal-mizzewġin u skont il-proċess li tatna n-natura, imma jiġi “manifatturat” fil-laboratorju. Bħala ragħaj spiritwali tagħkom jien fid-dmir li ngħidilkom li dan il-metodu ta’ tnissil assistit mhux moralment aċċettabbli mill-Knisja. Dan ma jfissirx li l-Knisja mhix sensittiva għad-diffikultajiet marbuta mal-infertilità; imma l-Knisja, li ħafna drabi llum saret vuċi solitarja, għandha d-dmir li tgħallem il-verità b’rispett lejn Alla l-Ħallieq u b’rispett lejn il-bniedem, partikularment lejn il-bniedem li jkun għadu kif tnissel u bniedem bla vuċi u dgħajjef! Hija l-missjoni tal-Knisja li xxandar l-Evanġelju tal-Ħajja.

Hemm tliet motivi għaliex it-tnissil assistit huwa moralment ħażin. L-ewwel nett għax id-dinjità tal-ħajja umana titlob li l-ħajja titnissel frott l-imħabba fi ħdan il-koppja miżżewġa. Għalhekk l-att prokreattiv ma jistax jinfired mill-aspett unitiv: l-att tal-imħabba li permezz tiegħu l-koppja tesprimi l-ftuħ tagħha għall-ħajja jrid ikun ukoll att li jesprimi l-għaqda tagħhom bħala “ġisem wieħed”. Meta l-ħajja tiġi “manifatturata” fil-laboratorju, dawn iż-żewġ dimensjonijiet tal-imħabba konjugali ma jkunux rispettati flimkien!

Faċli li f’każi bħal dawn wieħed jirraġuna bl-emozzjoni u jagħmel l-argument tal-ħniena, fis-sens li quddiem koppja li tħoss ħafna n-nuqqas tal-ulied, għandha ssir eċċezzjoni mill-prinċipju! Dan l-argument tal-ħniena ntuża wkoll fid-diskussjoni dwar id-dħul tad-divorzju u wassal diversi fl-iżball! Ikun ħafna perikoluż għas-soċjetà jekk nibdew nargumentaw li skop tajjeb jiġġustifika li nirrikorru għal mezzi anke jekk dawn huma ħżiena! Meta naslu f’dan il-punt magħmula tagħna, għax ifisser li nkunu niġġustifikaw kollox!

Din it-teknoloġija hija moralment ħażina wkoll għax ma tirrispettax id-dinjità tal-ġenituri, partikularment tal-omm. Meta nafu li hemm probabilità qawwija li l-IVF ma tirnexxix, mhux ġust li wieħed jgħolli l-aspettattivi ta’ dawk li jixtiequ li jkollhom tarbija! L-omm li toqgħod għal dawn l-esperimenti hija suġġetta għal ħafna riskji għal saħħitha, kemm waqt il-proċess kif ukoll wara! Staqsu ftit li min huwa mġarrab jew aqraw l-esperjenzi ta’ dawn l-ommijiet, u qisu minn liema passjoni jgħaddu jew jgħadduhom meta joqogħdu għall-proċess ta’ tnissil assistit. Mhux jingħad minn dawk li qed jippromovu bil-qawwa d-dħul tal-IVF li perċentwali żgħir biss ta’ dawn il-proċessi jirnexxu! Nifhem li dan it-tagħrif ma jingħadx għax hemm interessi kbar fin-nofs! Allura x’rispett hemm lejn il-bniedem, lejn il-mara u lejn il-koppja li ngħollulhom l-aspettattiva, anke bi prezz għoli ħafna, imbagħad isibu ruħhom fixxa! Mhux qed jingħad li, apparti d-dulur li tgħaddi minnu l-mara meta jkun hemm il-fażi tal-istimulazzjoni, jista’ jkun hemm konsegwenzi koroh għas-saħħa fiżika u psikoloġika tal-omm!

Hija ftit stramba li f’pajjiżna dawk li l-aktar qed jiġu mistiedna jagħmlu l-IVF huma nisa bejn il-25 u il-35 sena – fażi tal-ħajja meta l-fertilità tal-mara għandha tkun fl-aqwa tagħha! Jidher li appena koppja tesponi l-problema, flok ma x-xjenza tara x’jista’ jsir biex medikament u psikoloġikament takkumpanja lil dik il-persuna, dritt jipproponulha t-tnissil assistit! Huwa ġust dan id-dulur żejjed li qegħdin nikkawżaw fis-soċjeta tal-lum?

Mhux qed nesaġera. Imma qed nitkellem magħkom ta’ missier kif jien fid-dmir li nkellimkom għax altrimenti tibqgħu fil-għama! Meta dan l-aħħar tkellimt ma’ min qiegħed fil-qasam tas-sevizzi tas-saħħa li jingħataw fl-isptarijiet tagħna, dan qalli li llum mhux possibbli li dawn il-pazjenti jiġu akkumpanjati psikoloġikament u mgħejuna biex ineħħu ftit mill-istress tal-ħajja, u dan għax skont is-sistema m’hemmx ħin biżżejjed riservat għal kull pazjent! Din hija l-kwalità ta’ servizzi li niftaħru bihom? Irridu nammettu li ħafna mill-każijiet ta’ infertilità jirrisolvu ruħhom bi preparazzjoni psikoloġika. Altrimenti kif nispjegaw il-fatt li xi drabi, wara li koppja tadotta jew tagħmel l-IVF, imbagħad tnissel b’mod naturali? Ikun hemm ukoll każijiet ta’ problemi fiżjoloġiċi, u meta dawn ikunu studjati tajjeb kapaċi jitfejqu medikament u għalhekk ma jkunx hemm bżonn li mara tirrikorri għal din it-teknoloġija! Anzi, kieku flok ma jinvesti somom kbar ta’ flus biex jipprovdi dan is-servizz ta’ tnissil assistit, li mhux irħis, l-Istat jivvota u japplika dawk il-fondi għall-ħarsien tal-ħajja u biex ngħinu dawn il-każi b’mezzi etikament tajbin, bħalma hija n-Naprotechnology, kieku tiġi tiswa inqas u nkunu nagħmlu għażla favur il-ħajja!

Argument ieħor għaliex it-teknoloġija tal-IVF mhix moralment tajba huwa għax, kif jgħid xjenzjat ta’ fama internazzjonali, l-IVF hija teknoloġija “highly abortive”. Dan ifisser li ħafna drabi l-esperimentazzjoni tal-IVF tikkawża l-abort! Darba meta fil-kuntest tad-dibattitu dwar id-divorzju jien kont semmejt il-periklu tal-abort, kont ġejt akkużat li qed nallarma n-nies. Imma l-istorja qed tagħtini raġun! Minn meta x-xjenza bdiet tħaddem din it-teknoloġija fl-1978, fid-dinja tnisslu tliet miljuni bit-tnissil assistit fil-laboratorju. Minn dawn 100,000 biss twieldu b’saħħithom. X’sar minnhom l-embrijuni l-oħrajn? Meta l-ħajja titnissel fil-laboratorju x-xjenza hija ttentata li tagħmel għażla bejn dawk l-embrijuni li huma b’saħħithom u dawk dgħajfa. Hemm triq lesta għal dawk li jitnisslu dgħajfa! L-embrijuni żejda jew jiġu ffriżati jew jintremew. Fid-dinja tax-xjenza serja inħolqot dilemma etika kbira dwar x’ser jiġri minn dawk l-eluf kbar li hemm fil-freezer. Għalkemm għadhom ma twieldux, dawn huma persuni għax il-persuna tieħu l-ħajja sa mill-ewwel mument tat-tnissil! Jekk dawk l-embrijuni jintremew dan huwa qtil tal-persuni!

Id-drittijiet tat-tarbija mnissla!
Jekk is-soċjetà għandha dmir li tagħti widen lil dik il-koppja li trid l-ulied, min huwa mnissel ma għandux ukoll vuċi li rridu nagħtuha widen? It-tarbija mnissla fil-laboratorju ma għandhiex dritt għall-ħajja? Ma għandhiex dritt tkun taf min huma l-ġenituri tagħha? Għax issa hemm min qed jgħid li l-embrijuni żejda jitqiegħdu għall-adozzjoni – qisu għandna “vetrina” biex il-bniedem “jixtri” l-ħajja umana! Dan ifisser li jista’ jkollna “suq” fejn nibdew ninnegozjaw il-persuni? Dan progress?

It-tarbija mnissla fil-laboratorju għandha d-dritt għas-saħħa! Huwa xjentifikament ippruvat li aktar ma l-embrijun idum biex ikun implantat fl-omm, aktar hemm probabilità li t-tarbija meta tikber ikollha problemi fl-imġiba u disturbi mentali. Din hija s-soċjeta li qed noħolqu llum f’isem il-liberaliżmu!

Ir-rwol tal-politika
Inħoss fil-kuxjenza li għandi nagħti vuċi lil dawk fostna li huma ta’ rieda tajba u f’isimhom nappella lill-politiċi tagħna, partikularment lill-politiċi Kattoliċi, biex meta l-liġi li tirregola t-tnissil assistit tkun diskussa fil-parlament joqogħdu attenti biex ma jkattrux il-kultura tal-mewt! Tħoss weġgħa kbira tara kemm f’Għawdex kif ukoll f’Malta lill-politiċi fl-ewwel siġġijiet meta tiltaqa’ l-assemblea liturġika, imbagħad meta dawn ikunu fl-assemblea leġiżlattiva jkunu “etikament” assenti! Hija tassew stramba li l-kuxjenza tal-politiku ħafna drabi teklissa meta jkunu trattatati suġġetti li għandhom konsegwenzi etiċi serji, bħal f’dan il-każ. Mhux qed ngħid li l-Istat jibqa’ insensittiv quddiem l-issue tal-infertilità. Anzi, hemm bżonn ninvestu iktar biex nindirizzaw dan id-dulur tal- miżżewġin quddiem il-misteru tal-ħajja. Fil-pajjiż għandna bżonn ta’ liġi li tħares lill-embrijun, li għandu jkun trattat b’rispett sħiħ u mhux suġġett għal manipulazzjoni jew iffriżar.

Nispicca b’din l-esperjenza li qaltli omm li welldet b’din it-teknoloġija tal-IVF. Qaltli li ma tistax torqod għaliex, għalkemm illum għandhom wild, però hija konxja wkoll li biex għandha dan kellha tiskarta “ulied” oħra li tnisslu wkoll ma’ dan il-wild!

Għażla favur il-ħajja
Inħeġġiġkom biex din id-devozzjoni tad-Duluri twassalna ħalli nagħmlu għażla favur il-ħajja. Kull wieħed u waħda minna, inklużi n-nies tax-xjenza u l-politiċi, għad irridu nagħtu kont ta’ għemilna lil Alla. Aħna rridu nikkontribwixxu biex ikollna kultura favur il-ħajja. Għalhekk, anke jekk dawn il-mezzi jsiru leċiti legalment, ma għandniex nirrikorru għalihom għax jibqgħu moralment ħżiena. Ebda liġi tal-bnedmin ma tista’ tibdel il-liġi t’Alla.

Il-letteratura xjentifika tikkonferma illi kieku t-tobba jkollhom aktar ħin għal pazjenti li jbatu bl-infertilità biex jagħmlu dijanjosi fiżjoloġika korretta u joffrulhom għajnuna psikoloġika, ħafna huma dawk li jirbħu l-infertilità. Min-naħa l-oħra huwa dmir tal-Istat li fost is-servizzi tas-saħħa li joffri liċ-ċittadini, ikun hemm ukoll servizzi etikament korretti li jgħinu biex tintrebaħ din il-weġgħa tal-infertilità.