Archive for the '2011' Category

Mons Isqof jiltaqa’ mal-komunità tal-parroċċa ta’ San Ġorġ fl-okkażjoni tal-festa

“Il-Bitħa tal-Ġentili”

Nhar il-Ħadd 17 ta’ Lulju 2011 l-Isqof Mario Grech ingħaqad mal-komunità parrokkjali ta’ San Ġorg, Viċtoria, fejn iċċelebra quddiesa pontifikali fl-okkażjoni tal-festa f’ġieħ il-Martri San Ġorġ. Dawn li ġej huwa sintesi tal-omelija li għamel l-Isqof:

Soċjetà multikulturali
Fir-rigward tat-twemmin, is-soċjetà tagħna m’għadhiex waħda omoġenja. Għax apparti l-preżenża ta’ reliġjonijiet differenti, in-Nisrani jrid jitgħallem jgħix mal-“Umanisti” ta’ żminijietna – kategorija li fiha tiġbor fost l-oħrajn lil-Lajċisti, il-Liberali u l-Anjostiċi. Dawn huma dawk li, filwaqt li jagħtu importanza lir-raġuni umana, huma magħluqin għat-traxxendent.

Mid-diffidenza għad-djalogu
Sfortunatament bejn l-Insara u l-umanisti teżisti ċerta diffidenza u ma japprezzawx lil xulxin! Xi drabi bejnietna tinħoloq ċerta konfrontazzjoni aggressiva fejn jintuża kliem dispreġjattiv u polemikuż! Din l-attitudni ma tagħmel ġieħ lil ħadd u anqas tawgura ftuħ u progress.

Huwa fatt li li wara kull xorta ta’ twemmin hemm il-bniedem li qed jagħmel mistoqsijiet kbar u tqal! Irrispettivament jekk wieħed jkunx Nisrani, Musulman jew Umanista, il-bniedem qed jagħmel mistoqsijiet kbar u tqal dwar x’sens fiha l-ħajja, x’inhi l-verità, x’inhi l-isfida tal-misteru tal-ħażen, x’inhi l-ġustizzja, dwar il-problema tal-faqar, eċċ. Kemm ir-raġuni kif ukoll il-fidi jgħinuna naslu biex insibu t-tweġibiet għal dawn id-domandi eżistenzjali!

Ir-raġuni għandha potenzjal enormi biex timraħ u tiskopri tweġibiet tajba! Imma billi r-raġuni hija fakultà umana faċli li titgħawweġ taħt il-pretensjoni tal-interessi tal-individwu jew ta’ xi grupp: l-attrattiva ta’ x’inhu l-aktar utli kapaċi tissagrifika l-verità! Minħabba r-riskju li r-raġuni kapaċi tfellaq, ir-reliġjon għandha rwol “korrettiv” għax tgħin lill-bniedem juża r-raġuni biex jasal għall-verità. Continue reading >>

L-Isqof Grech jiltaqa’ mal-komunità parrokkjali tal-Għarb

Fl-okkażjoni tal-festa li saret ilbieraħ, il-Ħadd 3 ta’ Lulju 2011, fil-parroċċa tal-Għarb, Għawdex, ad unur tal-Viżitazzjoni tal-Madonna lil Santa Eliżabetta, l-Isqof Mario Grech mexxa quddiesa pontifikali fil-knisja parrokkjali u fl-omelija wassal dan il-messaġġ:

Il-Volontarjat – sinjal pożittiv ta’ żminijietna

Fis-“sinjali taż-żminijiet” nistgħu naqraw x’inhu l-“kredu” tas-soċjetà, għaliex dawn is-sinjali huma rifless tal-valuri li tkun tħaddan is-soċjetà. Jekk naslu biex naqraw tajjeb dawn is-sinjali ta’ żminijietna, anke meta s-sħab iswed jaħbat idallam il-ħajja, xorta jirnexxilna naslu biex niskopru għadd ta’ sinjali li jqawwu fina t-tama dwar il-ġejjieni tas-soċjetà u tal-Knisja!

Fid-dawl tat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II, huwa dmir tal-Knisja li l-ħin kollu teżamina s-sinjali taż-żminijiet u tinterpretahom fid-dawl tal-Evanġelju biex tkun tista’ twieġeb għal dak li l-bnedmin dejjem jistaqsu dwar is-sens tal-ħajja! Għalina li nemmnu f’Alla, ċerti fenomeni li hawn madwarna jixhdu li Alla huwa preżenti u qed jaħdem fl-istorja tagħna llum. Continue reading >>

Mons Isqof jiltaqa’ mal-Komunità parrokkjali tan-Nadur

Meta lbieraħ, l-Erbgħa 29 ta’ Ġunju 2011, solennità ta’ San Pietru u San Pawl, l-Isqof Mario Grech iċċelebra l-Ewkaristija mal-komunità parrokkjali tan-Nadur, fl-omelija tiegħu huwa wassal dan il-ħsieb:

Il-Kuraġġ tat-tama

Is-soċjetà tagħna għandha bżonn dik li darba Barack Obama sejjaħ “il-kuraġġ tat-tama”, liema tama ma tkunx isserraħ fuq il-qawwa tal-flus jew il-poter politiku, imma fuq Alla!

L-Ewropa hija mmarkta b’inċertezzi gravi. L-abbuż u l-użu ripressiv tal-poter, it-theddida tat-telf tal-impjiegi, l-insensittività lejn il-foqra jagħmlu parti mill-kultura tal-mewt ta’ żminijietna. In-nuqqas ta’ ċertezza dwar min hu l-bniedem qed tissarraf f’azzjonijiet li huma ta’ dannu għall-istess bniedem.  Il-vojt etiku u r-rifjut ta’ dak li huwa spiritwali jkomplu jfaqqsu problemi eżistenzjali. Dan kollu jirrendi t-telgħa tal-ħajja dejjem aktar wieqfa, tant li mhumiex ftit dawk li jaqtgħu qalbhom! Continue reading >>

L-Isqof Grech jiltaqa’ mal-komunità parrokkjali tax-Xewkija fil-festa tal-Battista

Nhar il-Ħadd 26 ta’ Ġunju, l-isqof Mario Grech iċċelebra l-Ewkaristija flimkien mal-komunità parrokkjali tax-Xewkija li kienet qed tiċċelebra l-festa f’ġieħ San Ġwann Battista. Fl-omelija tiegħu, l-Isqof tkellem dwar il-bżonn ta’ “rebbiegħa” fil-Knisja.

Rebbiegħa fil-Knisja

San Ġwann Battista kien jgħix f’epoka meta għal ħafna r-reliġjon Lhudija kienet tilfet il-qawwa tagħha! Kien żmien meta kienet tinħass il-ħtieġa ta’ riforma soċjali u reliġjuża. Għalkemm il-kult kien popolari, imma kienet qima formali u vojta mill-ispirtu. Flok ma kien iċ-ċentru tal-laqgħa ma’ Alla, it-tempju sar ċentru tar-ritwali. Dan kellu wkoll rifless fil-ħajja ta’ kuljum, tant li l-livell tal-moralità kien tbaxxa ħafna. Continue reading >>

Jiggradwaw l-istudenti tal-Form V tas-Seminarju Minuri

TKUNUX TALLABA!

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Quddiesa tal-gradwazzjoni tal-istudenti tal-Form V
Seminarju Minuri ta’ Għawdex – Il-Ħamis 16 ta’ Ġunju 2011

Inħeġġiġkom biex ma ċċedux għall-kultura ta’ żminijietna li tridna nkunu tallaba! Sfortunatament hawn min jaqbillu jimbotta ’l quddiem kultura li biex wieħed isib xogħol, iġib permess, jingħata kura, jieħu self mill-bank jew jara li d-drittijiet tiegħu jkunu mħarsa, dan irid jinżel għarkupptejh quddiem ħaddiehor! Biex jissaħħaħ dan il-“paternaliżmu soċjali” kemm fil-kamp pubbliku kif ukoll fil-privat, huwa bħal donnu mistenni li l-ewwel irid jitkarrab, imbagħad jinqeda. Flok ma huwa rikonoxxut għal dak li hu u l-ħiliet li għandu, il-bniedem jikseb dak li huwa dovut lilu bi pjaċir! Din il-kultura tmur kontra d-dinjità tal-bniedem u tistona qatieħ fi żminijiet meta niftaħru bil-kisbiet tad-drittijiet ċivili tagħna!

Continue reading >>

Mons Isqof dwar l-evanġelizzazzjoni tal-ekonomija

EVANĠELIZZAZZJONI TAL-EKONOMIJA U L-ĠID MATERJALI

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Festa f’ġieħ Sant’Antnin ta’ Padova
Komunità tal-Franġiskani Minuri, Għajnsielem – Il-Ħadd 5 ta’ Ġunju 2011

Il-Vangelu ta’ Ġesù Kristu għandu qawwa li jibdel lill-bniedem u lis-soċjetà! Meta l-Vanġelu nilqgħuh b’mod sħiħ u awtentiku, dan isir għajn ta’ tiġdid veru li jixraq lid-dinjità tal-bniedem. Sant’Antnin ta’ Padova tant emmen fil-qawwa tal-evanġelizzazzjoni li sar magħruf bħala Doctor Evangelicus.

Continue reading >>

IĊ-ĊITTADINANZA TAL-FIDI
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Festa liturġika ta’ San Ġorġ
Bażilika San Ġorġ, ir-Rabat, Għawdex - Il-Ġimgħa 6 ta’ Mejju 2011

IĊ-ĊITTADINANZA TAL-FIDI

“Disfattiżmu tar-raġuni”

Dawn il-ġranet qiegħed naqra artiklu; mhux xi kitba tas-Santi Padri, lanqas mhu ħiereġ mill-pinna ta’ xi Papa, lanqas huwa folja mill-Maġisteru tal-Knisja tagħna, imma huma ftit ħsibijiet midmumin minn filosfu li jgħid li ma jemminx: Jürgen Habermas. Hu artiklu li kitbu ftit tax-xhur ilu. Ta’ bniedem tassew għaref, jagħmel osservazzjoni u jgħid illi l-istat modern li huwa liberali u sekularizzat tilef il-presupposti meħtieġa biex ikun jista’ jaqdi l-funzjoni tiegħu ta’ Stat. Proprju għaliex huwa nieqes minn dan il-fundament, l-Istat qed iħabbat wiċċu ma’ dak li jissejjaħ “disfattiżmu tar-raġuni” – tilef kull fiduċja fl-ħajja umana, fiż-żwieġ, fil-familja, fil-ġustizzja, eċċ. Għaldaqstant, meta l-Istat jitlef is-sens ta’ Alla, ma jkunx jista’ jiggarantixxi li ser ikun kapaċi jiggverna b’mod li tassew iħares id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini.

Continue reading >>

IL-FWIEĦA TA’ KRISTU
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
fit-tifkira tal-ewwel anniversarju minn meta l-Papa Benedittu XVI ta l-Warda tad-deheb lill-Madonna Ta’ Pinu
Santwarju Madonna Ta’ Pinu – It-Tnejn, 18 ta’ April 2011

IL-FWIEĦA TA’ KRISTU

Dakinhar li Ġesù mar jiekol għand Lazzru, Marta u Marija, fid-dar kien hemm taħlita ta’ rwejjaħ. Marija ta’ Magdala ġabet magħha libbra żejt ta’ nard u dan mela d-dar b’riħa tfuħ (Ġw 12,1-11)! Però, fid-dar kien hemm ukoll Ġuda l-Iskarjota li kien ħalliel, rgħib, traditur u qattiel! Nistgħu ngħidu li Ġuda jippersonifika r-riħa tat-taħsir, tal-mewt u d-dnub.

Din it-taħlita ta’ fwieħa u ntiena tista’ tkun preżenti fil-qlub tagħna, fid-djar tagħna u saħansitra fl-awli liturġiċi tagħna. Għaliex kull wieħed minna jista’ jġorr fih innifsu taħlita ta’ tajjeb u ħażin, ta’ grazzja u dnub, ta’ ħajja u mewt! Filwaqt li l-fwieħa sserraħ u tiġbed lill-oħrajn, ir-riħa ħażina tbiegħed! Sfortunatament, l-arja ta’ madwarna hija mniġġsa għax bħal Ġuda l-bniedem huwa mħassar. Faċli ħafna li din ir-riħa tinten toqgħod fuqna, tidħol fina u timla madwarna!

Continue reading >>