Jiggradwaw l-istudenti tal-Form V tas-Seminarju Minuri

TKUNUX TALLABA!

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Quddiesa tal-gradwazzjoni tal-istudenti tal-Form V
Seminarju Minuri ta’ Għawdex – Il-Ħamis 16 ta’ Ġunju 2011

Inħeġġiġkom biex ma ċċedux għall-kultura ta’ żminijietna li tridna nkunu tallaba! Sfortunatament hawn min jaqbillu jimbotta ’l quddiem kultura li biex wieħed isib xogħol, iġib permess, jingħata kura, jieħu self mill-bank jew jara li d-drittijiet tiegħu jkunu mħarsa, dan irid jinżel għarkupptejh quddiem ħaddiehor! Biex jissaħħaħ dan il-“paternaliżmu soċjali” kemm fil-kamp pubbliku kif ukoll fil-privat, huwa bħal donnu mistenni li l-ewwel irid jitkarrab, imbagħad jinqeda. Flok ma huwa rikonoxxut għal dak li hu u l-ħiliet li għandu, il-bniedem jikseb dak li huwa dovut lilu bi pjaċir! Din il-kultura tmur kontra d-dinjità tal-bniedem u tistona qatieħ fi żminijiet meta niftaħru bil-kisbiet tad-drittijiet ċivili tagħna!

Matul dawn is-snin tal-formazzjoni tagħkom fl-iskola sekondarja tas-Seminarju, l-għalliema għenukom tagħrfu lilkom infuskom, tiskopru t-talenti tagħkom, tiżviluppaw ħiliet oħra, offrewlkom it-tagħlim akkademiku bħala għodda u fuq kollox għaddewlkom valuri umani u evanġeliċi. Dan kollu jifforma l-bagalja sabiħa li intom issa ser iġġorru magħkom, biex wara li tkomplu bl-istudji tagħkom tkunu tistgħu tersqu b’wiċċkom minn quddiem u b’raskom merfugħa biex issibu postkom fil-qafas soċjali tagħna. Is-Seminarju emmen fikom u bniekom biex ma tkunux tallaba. Illum iridkom temmnu fikom nfuskom, tieqfu fuq riġlejkom u ma ċċedux għas-sistema xejn dinjituża li hemm fis-soċjetà. Meta taslu biex issibu postkom fil-qafas soċjali, dak li jmiss lilkom għandu jingħatalkom mhux għax tkunu tafu lil xi ħadd, b’karità jew mezzi illeċiti, imma b’ġustizzja.

Għad jgħaddi ż-żmien u tkunu inserejtkom ruħkom fl-istrutturi soċjali tagħna, uħud minnkom f’postijiet avvanzati. Infakkarkom biex dakinhar intom stess ma tipperpetwawx din il-kultura tat-tallaba billi toħolqu fl-oħrajn dipendenza inġusta minnkom. Imbagħad nawguralkom ukoll li tagħtu sehemkom biex jonqsu t-tallaba – għax fostna hawn min biex jgħix ikollu jittallab! Dan huwa kkonfermat mill-ħidma tal-Caritas djoċesana u parrokkjali. Parti minn dan il-faqar ġej minħabba li l-ordni soċjali tagħna mhux dejjem ġust u joħloq żbilanċ bejn min għandu ħalqu fix-xgħir u min hu mejjet għall-qatra. Ħafna jittamaw li l-għadd ta’ dawk li jistgħu jagħmlu differenza fit-tfassil aktar ġust tal-ordni soċjali għad joktor u s-sehem tagħhom fid-diversi livelli tas-soċjetà jagħmel differenza u hekk jonqos il-faqar.

Imma ma tistgħux ma tkunux tallaba u anqas ma tistgħu toffru tama lit-tallaba foqra jekk intom ma tkunux nies ta’ “talb” li tinżlu għarkupptejkom quddiem Alla! Min huwa skars fit-talb għandu r-riskju li jinħakem mill-egoiżmu u jinqeda bl-oħrajn; imma min jifhem il-ħtieġa li għandu jidħol fil-preżenza tal-misteru ta’ Alla u jirnexxilu jsib l-għamla ta’ talb li tgħodd għalih, wara li jikkontempla lil Kristu li ċarrat qalbu għall-bniedem, dan jiftaħ qalbu kemm għal Alla kif ukoll għal ħutu l-bnedmin. Hija din ir-relazzjoni personali tagħkom ma’ Ġesù Kristu li tassigurakom li bl-attività professjonali tagħkom intom tassew ser tikkontribwixxu biex tibnu soċjetà aktar umana, ġusta u solidali.