Nhar il-Ħadd 26 ta’ Ġunju, l-isqof Mario Grech iċċelebra l-Ewkaristija flimkien mal-komunità parrokkjali tax-Xewkija li kienet qed tiċċelebra l-festa f’ġieħ San Ġwann Battista. Fl-omelija tiegħu, l-Isqof tkellem dwar il-bżonn ta’ “rebbiegħa” fil-Knisja.
Rebbiegħa fil-Knisja
San Ġwann Battista kien jgħix f’epoka meta għal ħafna r-reliġjon Lhudija kienet tilfet il-qawwa tagħha! Kien żmien meta kienet tinħass il-ħtieġa ta’ riforma soċjali u reliġjuża. Għalkemm il-kult kien popolari, imma kienet qima formali u vojta mill-ispirtu. Flok ma kien iċ-ċentru tal-laqgħa ma’ Alla, it-tempju sar ċentru tar-ritwali. Dan kellu wkoll rifless fil-ħajja ta’ kuljum, tant li l-livell tal-moralità kien tbaxxa ħafna.
Huwa f’dan il-kuntest li l-Battista jidher bħala “profeta-riformatur”. Huwa jiftaħ era ta’ tiġdid spiritwali, reliġjuż u soċjali li kellu jsib il-milja tiegħu fi Kristu. Bl-azzjoni tiegħu, id-deżert warrad u hekk kienet inawgurata “rebbiegħa spiritwali” ġdida.
Il-Knisja lokali wkoll għaddejja minn fażi “xitwija”, fejn il-ħajja bħal donnha torqod u l-mumenti tad-dlam huma itwal minn dawk tad-dawl! Ċerta insensibilità soprannaturali, il-formaliżmu fil-prattika reliġjuża u l-laxkezza morali li naraw madwarna huma fost l-indikaturi li jgħajtu biex ikun hawn riforma spiritwali u ekkleżjali. F’dan il-kuntest inħoss li għandna bżonn ta’ xi wħud li bħall-Battista jkunu profeti li jimbuttaw biex naraw aġġornament tal-poplu t’Alla.
Ir-rebbiegħa fil-Knisja kienet imnedija ħamsin sena ilu meta l-Papa Ġwanni XXIII ħabbar li kien ser ilaqqa’ l-Konċilju Vatikan II. Xi kultant nieħu l-impressjoni li fil-knisja lokali l-aġġornament propost mill-Konċilju qajla ġie applikat fis-sustanza tiegħu! Bħal donnu kkuntentajna bi ftit irtokki u tibdil estetiku, imma ma konniex determinati li niġġeddu u nġeddu! L-isfida tal-Konċilju għadha attwali.
Nara erba’ oqsma fejn San Ġwann Battista jista’ jixprunana biex ikollna din ir-“riġenerazzjoni” konċiljari.
Bħala l-Prekursur ta’ Kristu, għall-Battista Kristu kien kollox. Għex biex iħejji l-mogħdijiet għal Kristu u biex jindikah lill-oħrajn. It-tiġdid tal-Knisja jseħħ biss jekk Kristu jkun iċ-ċentru tagħha – jekk il-missjoni ewlenija tagħha tkun li nxandru lil Ġesù Kristu. Huwa fatt li ħafna fil-Knisja jafu dwar Ġesù imma għadhom ma ltaqgħux miegħu; ħafna jaħdmu għal Kristu imma ma jagħmlux dak li jrid Kristu.
Kif Ġwanni l-Battista kien “il-leħen” li jwassal il-Kelma t’Alla u “b’ħafna twissijiet kien ixandar lill-poplu l-bxara t-tajba” (Lq 3,18), din trid tkun ħidma prijoritarjà tal-Knisja tagħna: il-proklamazzjoni tal-Kelma t’Alla msieħba b’katekeżi serja. Il-pastorali tagħna ma tistax tibqa’ ffukata biss fuq is-sagramenti, imma għandha tkun maħsuba u proġettata biex tlaqqa’ mal-Kelma lil dawk li qed jistennew bil-ħerqa għadd ta’ tweġibiet għall-mistoqsijiet profondi li għandhom dwar il-ħajja. Permezz tad-Dei Verbum il-Konċilju Vatikan II tana linji gwida li għadhom validi sal-lum!
Nistgħu ngħidu li fil-ħidma tiegħu bħala “għammiedi”, Ġwanni adattata għalih “rit liturġiku penitenzjali”. Dan ifakkarni fir-riforma liturġika li tant hija urġenti fostna! B’għafsa ta’ qalb ikollna nirrikonoxxu li ħafna drabi l-liturġija li niċċelebraw mhix talba, u tħallina spiritwalment xotti. Ċerti ċelebrazzjonijiet fihom gost ta’ kollox barra ta’ Alla li suppost huwa r-raġuni tal-laqgħa liturġika tagħna. Fi kliem il-Papa Pawlu VI, fil-Knisja hemm diversi ħwejjeġ “mejtin” u għandu jkollna l-kuraġġ li nidfnuhom għax jekk jibqgħu magħna ser jifgawna. Aġġornament fil-liturġija, anke fid-dawl tas-Sacrosanctum Concilium, huwa l-muftieħ li jaf jiftaħ orizzonti ġodda u wiesgħin għall-poplu t’Alla.
Daqskemm huwa gravi li jkollna soċjetà mingħajr fidi, hekk ukoll huwa serju li jkollna fidi mingħajr soċjetà! Il-Battista kien konvint minn dan l-aspett pubbliku tal-fidi u kien idawwal oqsma soċjali diversi (ara Luqa 3,7-14). Il-Konċilju Vatikan II bid-dokument dwar “Il-Knisja fid-dinja tal-lum” (Gaudium et spes) jistimulana kif nidħlu fid-djalogu mad-dinja ta’ madwarna, bit-tama li noffru s-sehem tagħna biex ikun hemm ordni soċjali ġdid. Imnebbħin mill-Kelma t’Alla, fuq il-passi tal-Battista, nistgħu ngħinu biex is-soċjetà ssib dawk ir-regoli ta’ mġieba meħtieġa biex is-sistema soċjali tkun verament tirrispetta lill-bniedem.
Dan kollu jagħmel parti mir-riġenerazzjoni li tant neħtieġu. Fil-ktieb tiegħu dwar Ġesù ta’ Nazaret, il-Papa Benedittu jitkellem proprju minn San Ġwann Battista u din ir-riġenerazzjoni. Il-Papa josserva li Ġwanni ma kienx jgħammed f’baħar miftuħ imma fix-xmara Ġordan. Il-baħar tal-oċean jibla’, jeqred u jidfen – huwa assoċjat mal-Levjatan, mostru li joqtol! Għall-kuntrarju, l-ilma tax-xmara “jiġġenera” l-ħajja – minn fejn tgħaddi x-xmara jħaddar u jagħti l-frott. Il-Knisja tagħna hija dik il-“belt” li teħtieġ dik li l-Apokalissi jsejjaħ “xmara tal-ilma tal-Ħajja” fejn “fuq naħa u oħra tax-xmara, hemm is-siġra tal-Ħajja li tagħmel frott ta’ tnax-il xorta, trodd il-frott tagħha darba fix-xahar; il-weraq tas-siġra huwa duwa tajba għall-ġnus” (Apok 22,1-2).