Mons Isqof dwar l-evanġelizzazzjoni tal-ekonomija

EVANĠELIZZAZZJONI TAL-EKONOMIJA U L-ĠID MATERJALI

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Festa f’ġieħ Sant’Antnin ta’ Padova
Komunità tal-Franġiskani Minuri, Għajnsielem – Il-Ħadd 5 ta’ Ġunju 2011

Il-Vangelu ta’ Ġesù Kristu għandu qawwa li jibdel lill-bniedem u lis-soċjetà! Meta l-Vanġelu nilqgħuh b’mod sħiħ u awtentiku, dan isir għajn ta’ tiġdid veru li jixraq lid-dinjità tal-bniedem. Sant’Antnin ta’ Padova tant emmen fil-qawwa tal-evanġelizzazzjoni li sar magħruf bħala Doctor Evangelicus.

Huwa kien jgħix fil-bidu tas-seklu XIII meta fl-Ewropa l-bliet bdew jorganizzaw ruħhom aħjar, saru ċentri ta’ attività kummerċjali, kotor il-ġid u xi bwiet bdew jimtlew. Imma kif spiss jiġri, mhux kulħadd seta’ jgawdi minn dan it-tkattir tal-ġid. Mhux biss żdied il-faqar, imma kiber ukoll in-nuqqas ta’ sensibiltà għall-ħtiġijiet ta’ dawk li kienu qed iġorru piżijiet finanzjarji!

Responsabiltà soċjali ta’ min għandu l-ġid
F’dan il-kuntest, Sant’Antnin, imdawwal mill-Evanġelju, f’waħda mill-omeliji tiegħu jappella lin-nies li “l-ġid veru” huwa dak li jimla l-qalb tal-bniedem. Hija l-qalb tajba u ħanina li tagħti konsolazzjoni! Kien itennilhom dak li kien jisħaq dwaru Ġesù – biex iġemmgħu teżori fis-sema fejn xejn ma jitmermer u la bil-kamla u lanqas bis-sadid u fejn ma hemmx ħallelin li jinfdu u jisirqu (ara Mt 6,19-21). Sant’Antnin għalhekk jistieden lil dawk li għandhom il-ġid biex jiftħu “darhom” għall-foqra; imbagħad ikunu l-istess foqra li jilqgħuhom fl-eternità fejn hemm il-ġmiel tal-paċi, il-fiduċja ta’ sigurtà vera, u dak li jimla l-qlub – Alla.

Perikli ta’ faqar ġdid
Din ir-riflessjoni meħtieġa wkoll illum f’soċjetà li għadha ma ħarġitx mill-kriżi finanzjarja u jeżistu żbilanċi ekonomiċi serji li qed joħolqu forom ġodda ta’ faqar u miżerja! Huwa fatt li t-tħassib finanzjarju qed jagħfas fuq il-moħħ u l-qalb ta’ ħafna. Huwa aktar minn leċitu li l-investituri, speċjalment iż-żgħir, ikollhom serħan il-moħħ dwar is-sodezza tal-istituzzjonijiet finanzjarji ta’ pajjiżna! Xi drabi, biex jibdew il-ħajja, illum ħafna koppji għandhom bżonn jissellfu bir-riskju reali li dan is-self isir piż li jridu jġorru għal ħafna snin! Hawn min ġenwinament qed ikollu diffikultà biex ilaħħaq mal-għoli tal-ħajja!

Ekonomija u etika
F’dan il-kuntest jagħmel ħafna sens il-kliem ta’ Sant’Antnin li l-“ġid veru” huwa dak li jimla l-qalb! Qalb tajba ma tistax tingħalaq quddiem dawn il-bżonnijiet. Għalhekk, fi kliem il-Papa Benedittu XVI, it-tagħlim ta’ Sant’Antnin nistgħu ngħidu li huwa għajta oħra li l-ekonomija għandha bżonn tal-etika li temmen fid-dinjità tal-bniedem! Dan il-ħsieb dwar l-ekonomija u l-etika, il-Papa Benedittu jelaborah fl-enċiklika Caritas in Veritate.

It-Tagħlim Soċjali tal-Knisja
Dan l-aħħar fakkarna l-50 anniversarju tal-enċiklika Mater et Magistra tal-Papa Ġwanni XXIII. Dan kien dokument importanti ħafna għax jagħti viżjoni ta’ Knisja li għandha l-missjoni li tkun għas-servizz tal-bnedmin kollha mhux biss permezz tal-evanġelizzazzjoni imma wkoll permezz tat-tagħlim soċjali tagħha. Kif jgħallem il-Papa Ġwanni XXIII, l-erba’ kriterji biex jintrebaħ in-nuqqas ta’ ekwilibriju soċjali, ekonomiku u kulturali huma: il-verità, l-imħabba, il-ġustizzja u l-ġid komuni. Dan it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja, imnebbaħ mill-verità evanġelika, huwa teżor li hemm bżonn niskopruh biex sinċerament nindirizzaw id-diffikultajiet soċjali ta’ żminijietna.

Dnubiet soċjali u redenzjoni tal-istrutturi soċjali tad-dnub
Barra li pprietka l-Evanġelju bħala qawwa li kapaċi toħloq soċjetà gdida, Sant’Antnin kien isejjaħ lin-nies biex jitfgħu ħarsithom fuq il-Kurċifiss. Għax meta nserrħu għajnejna fuq Ġesù msallab, aħna nintebħu kemm huma fondi l-ġerħat ikkawżati mid-dnubiet tagħna – speċjalment id-dnubiet tax-xeħħa, tal-egoiżmu u tal-qalb vojta mill-imħabba! Dawn il-feriti tant huma koroh li l-unika mediċina li setgħet tfejjaqna minnhom kienet id-demm tal-Iben t’Alla mxerred għalina fuq is-salib! Fl-istess waqt, Ġesù msallab jixhed għalina kemm kull bniedem huwa kbir quddiem Alla! Alla tant għandu għal qalbu lil kull bniedem, li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih isalva! Biex irodd lura d-dinjità lil kull bniedem, Ġesù miet fuq is-salib! Jekk kull bniedem għandu valur f’għajnejn Alla, għaliex m’għandux ikollu valur ukoll f’għajnejna! Propju għaliex il-bniedem għandu din id-dinjità li s-sistemi u l-istrutturi tagħna, bħalma huma dawk ekonomiċi, ma jistgħux jinqdew bil-bniedem imma għandhom ikunu għall-qadi tiegħu.

Evanġelizzazzjoni ġdida
Żminijietna qed juruna li s-soċjetà tagħna teħtieġ evanġelizzazzjoni ġdida biex tibda tħares lejn il-bniedem u dak kollu li jmiss miegħu bl-għajnejn ta’ Alla.