- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

L-Isqof Grech jiltaqa’ mal-komunità parrokkjali tal-Għarb

Posted By admin On July 4, 2011 @ 11:48 am In 2011 | Comments Disabled

Fl-okkażjoni tal-festa li saret ilbieraħ, il-Ħadd 3 ta’ Lulju 2011, fil-parroċċa tal-Għarb, Għawdex, ad unur tal-Viżitazzjoni tal-Madonna lil Santa Eliżabetta, l-Isqof Mario Grech mexxa quddiesa pontifikali fil-knisja parrokkjali u fl-omelija wassal dan il-messaġġ:

Il-Volontarjat – sinjal pożittiv ta’ żminijietna

Fis-“sinjali taż-żminijiet” nistgħu naqraw x’inhu l-“kredu” tas-soċjetà, għaliex dawn is-sinjali huma rifless tal-valuri li tkun tħaddan is-soċjetà. Jekk naslu biex naqraw tajjeb dawn is-sinjali ta’ żminijietna, anke meta s-sħab iswed jaħbat idallam il-ħajja, xorta jirnexxilna naslu biex niskopru għadd ta’ sinjali li jqawwu fina t-tama dwar il-ġejjieni tas-soċjetà u tal-Knisja!

Fid-dawl tat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II, huwa dmir tal-Knisja li l-ħin kollu teżamina s-sinjali taż-żminijiet u tinterpretahom fid-dawl tal-Evanġelju biex tkun tista’ twieġeb għal dak li l-bnedmin dejjem jistaqsu dwar is-sens tal-ħajja! Għalina li nemmnu f’Alla, ċerti fenomeni li hawn madwarna jixhdu li Alla huwa preżenti u qed jaħdem fl-istorja tagħna llum.

Wieħed minn dawn is-sinjali huwa l-“volontarjat” – mod kif il-bniedem jikkontribwixxi biex ikollna ċiviltà tal-imħabba. Huma ħafna, b’mod partikulari żgħażagħ, li jwettqu xi forma jew oħra ta’ volontarjat. Din il-ħidma volontarja hija ferm apprezzata meta llum aħna kontinwament ittentati biex insarrfu kollox fi flus – fejn kollox huwa kkalkulat biex kemm jista’ jkun nassiguraw li nagħmlu l-qliegħ!

Il-volontarjat huwa mediċina kontra l-“eġoiżmu” għax jgħin lill-bniedem jaħseb fl-oħrajn u jgħinhom b’mod gratuwitu; huwa rimedju kontra l-mentalità individwalista billi joħloq spirtu ta’ solidarjetà; fuq kollox huwa forza li ġġib tiġdid soċjali msejjes fuq il-ġustizzja.

Filwaqt li kull ħidma ta’ volontarjat ġenwin għandha ssib l-appoġġ tagħna bħala komunità Nisranija, inħossni fid-dmir li nesprimi l-apprezzament tiegħi lil dawk kollha li jwettqu xogħol ta’ volontarjat fil-Knisja f’Għawdex, kemm bħala individwi kif ukoll bħala għaqdiet.

Barra l-volontarjat f’kamp kulturali, bħal fil-każ tal-Għaqdiet mużikali li għandna fil-parroċċi jew l-Għaqdiet li jieħdu ħsieb l-armar tal-festi titulari, barra l-ħidma volontarja applikata għall-formazzjoni tal-persuna bħalma huma ċ-Ċentri Parrokkjali li jaħdmu maż-żgħażagħ u l-Moviment ta’ Kana li jsegwi l-formazzjoni tal-għarajjes, hemm dawk li volontarjament iwettqu xogħol mal-foqra ta’ żminijietna, bħal fil-każ ta’ Dar Arka, Dar Ġużeppa Debono u l-Fundazzjoni Oasi.

Din tal-aħħar hija l-unika istituzzjoni li qed tgħin lill-vittmi tad-droga f’Għawdex! Il-fatt li din il-ġimgħa ġiet irrappurtata mewt ta’ persuna b’overdose hija konferma li f’Għawdex is-suq tad-droga huwa attiv! Jinkwetani sewwa l-fatt li meta ftit ilu tlitt iklieb kienu krudilment maqtula fil-baħar sar plejtu sħiħ, imbagħad persuna “tinqatel” bid-droga u ħadd ma jgħid xejn! Min jittraffika d-droga huwa omiċida. Jekk jeħlisha minn idejn il-ġustizzja tal-bnedmin, xorta jrid jagħti kont ta’ għemilu lil Alla! Is-silenzju ta’ min suppost jitkellem u jaġixxi kontra t-traffikanti tad-droga huwa parteċipazzjoni f’dan id-delitt. Hemm bżonn ta’ aktar azzjoni nadifa biex dan is-suq tad-droga jingħalaq.

Tajjeb li f’din is-Sena Ewropea tal-Volontarjat aħna napprezzaw, nappoġġjaw u nippromovu l-volontarjat f’pajjiżna, partikularment fil-Knisja, biex is-sinjali pożittivi li għandna madwarna jibqgħu jistimulawna biex inkattru t-tajjeb u nagħtu glorja lil Alla li jqanqalna biex nagħmlu l-ġid.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2011/07/04/l-isqof-grech-jiltaqa-mal-komunita-parrokkjali-tal-gharb/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.