Meta lbieraħ, l-Erbgħa 29 ta’ Ġunju 2011, solennità ta’ San Pietru u San Pawl, l-Isqof Mario Grech iċċelebra l-Ewkaristija mal-komunità parrokkjali tan-Nadur, fl-omelija tiegħu huwa wassal dan il-ħsieb:
Il-Kuraġġ tat-tama
Is-soċjetà tagħna għandha bżonn dik li darba Barack Obama sejjaħ “il-kuraġġ tat-tama”, liema tama ma tkunx isserraħ fuq il-qawwa tal-flus jew il-poter politiku, imma fuq Alla!
L-Ewropa hija mmarkta b’inċertezzi gravi. L-abbuż u l-użu ripressiv tal-poter, it-theddida tat-telf tal-impjiegi, l-insensittività lejn il-foqra jagħmlu parti mill-kultura tal-mewt ta’ żminijietna. In-nuqqas ta’ ċertezza dwar min hu l-bniedem qed tissarraf f’azzjonijiet li huma ta’ dannu għall-istess bniedem. Il-vojt etiku u r-rifjut ta’ dak li huwa spiritwali jkomplu jfaqqsu problemi eżistenzjali. Dan kollu jirrendi t-telgħa tal-ħajja dejjem aktar wieqfa, tant li mhumiex ftit dawk li jaqtgħu qalbhom!
Minħabba f’hekk qed ngħixu f’dak li nsejjaħlu “l-istaġun tal-fixla”, fejn ħafna huma inċerti, diżorjentati u mingħajr tama! Iż-żgħażagħ tagħna m’għadhomx “joħolmu”, jimmiraw fil-baxx wisq, għandhom biża’ mill-ġejjieni u huma rrassenjati! Mhux ftit miż-żgħażagħ jibqgħu lura milli jieħdu impenji definittivi fil-ħajja, bħal fil-każ taż-żwieġ.
Kotrot id-dgħufija: kriżijiet familjari, nuqqas ta’ ekwilibriju soċjali; reġa’ xxettel ir-razziżmu!
Dan “l-istaġun tal-fixla” jidher ukoll fost l-Insara. L-Ewropa qed titlef il-memorja tal-wirt Kristjan tagħha. Kull ma jmur qed isir diffiċli li wieħed jintegra l-valuri Kristjani fil-ħajja ta’ kuljum. Spikka l-antagoniżmu reliġjuż, tant li llum donnu aktar jaqbel li wieħed jgħid li huwa anjostiku milli li huwa Nisrani! L-atejiżmu b’libsa reliġjuża huwa sfida qawwija għalina. Il-filosofu Martin Heidegger jara d-dinja mgħottija bid-dlam tal-lejl, mhux tant għax Alla huwa assenti daqskemm għax il-bniedem dara jgħix f’dan il-vacuum!
Dan kollu jikkonferma kemm illum huwa meħtieġ “il-kuraġġ tat-tama” biex nistgħu nagħtu tifsira bis-sens lill-ħajja u l-istorja. It-tama hija “iċ-ċavetta” li tgħinna nsibu tweġiba għall-mistoqsijiet tal-ħajja u nagħtu interpretazzjoni għat-tribulazzjonijiet li bihom hija minsuġa l-ħajja normali! “Il-ġejjieni tal-bnedmin qiegħed f’idejn dawk li għandhom il-ħila li jagħtu lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin ir-raġunijiet tal-ħajja u tat-tama” (Gaudium et spes, 31).
Tnax-il sena ilu l-Knisja ċċelebrat laqgħa ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar l-Ewropa bit-tema: “Ġesù Kristu’ ħaj fil-Knisja, huwa l-għajn tat-tama għall-Ewropa”. Dan il-messaġġ għadu attwali, għax kif jikteb San Pawl fl-Ittra tiegħu lill-Efesin, min ma jafx lil Kristu huwa bla tama u bla Alla (ara Ef 2,12). Kristu huwa t-tama tal-bniedem. L-assenza t’Alla hija l-għerq tan-nuqqas tat-tama vera! “Alla, fil-ħniena kbira tiegħu, wellidna mill-ġdid għal tama ħajja bil-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet” (1Piet 1,3). Din it-tama f’Alla ma tqarraqx bina (Rum 5,5).
Fejn il-fjammi tat-tama ntfew u fadal biss il-ġamar, hemm bżonn nonfħu fuq dak il-ġamar biex il-fjamma terġa’ tieħu; fejn anke l-ġamar intefa’, allura huwa importanti li n-nar tal-Ispirtu jerġa’ jitqabbad. Huwa biss meta jirnexxilna nirkupraw it-tama li mbagħad nistgħu nserrħu rasna li quddiem kull xorta ta’ diffikultajiet, mhux nirtiraw imma nibqgħu nittamaw kontra kull tama, li ma hemm xejn li ma jistax jintrebaħ; li għandna l-istimolu biex jgħinna ninbidlu u nbidflu fil-ħajja personali, ekkleżjali u soċjali.
(Din hija sintesi tal-omeliaj; it-test sħiħ tal-omelija jiġi ppubblikat aktar ’il quddiem.)