“Il-Bitħa tal-Ġentili”
Nhar il-Ħadd 17 ta’ Lulju 2011 l-Isqof Mario Grech ingħaqad mal-komunità parrokkjali ta’ San Ġorg, Viċtoria, fejn iċċelebra quddiesa pontifikali fl-okkażjoni tal-festa f’ġieħ il-Martri San Ġorġ. Dawn li ġej huwa sintesi tal-omelija li għamel l-Isqof:
Soċjetà multikulturali
Fir-rigward tat-twemmin, is-soċjetà tagħna m’għadhiex waħda omoġenja. Għax apparti l-preżenża ta’ reliġjonijiet differenti, in-Nisrani jrid jitgħallem jgħix mal-“Umanisti” ta’ żminijietna – kategorija li fiha tiġbor fost l-oħrajn lil-Lajċisti, il-Liberali u l-Anjostiċi. Dawn huma dawk li, filwaqt li jagħtu importanza lir-raġuni umana, huma magħluqin għat-traxxendent.
Mid-diffidenza għad-djalogu
Sfortunatament bejn l-Insara u l-umanisti teżisti ċerta diffidenza u ma japprezzawx lil xulxin! Xi drabi bejnietna tinħoloq ċerta konfrontazzjoni aggressiva fejn jintuża kliem dispreġjattiv u polemikuż! Din l-attitudni ma tagħmel ġieħ lil ħadd u anqas tawgura ftuħ u progress.
Huwa fatt li li wara kull xorta ta’ twemmin hemm il-bniedem li qed jagħmel mistoqsijiet kbar u tqal! Irrispettivament jekk wieħed jkunx Nisrani, Musulman jew Umanista, il-bniedem qed jagħmel mistoqsijiet kbar u tqal dwar x’sens fiha l-ħajja, x’inhi l-verità, x’inhi l-isfida tal-misteru tal-ħażen, x’inhi l-ġustizzja, dwar il-problema tal-faqar, eċċ. Kemm ir-raġuni kif ukoll il-fidi jgħinuna naslu biex insibu t-tweġibiet għal dawn id-domandi eżistenzjali!
Ir-raġuni għandha potenzjal enormi biex timraħ u tiskopri tweġibiet tajba! Imma billi r-raġuni hija fakultà umana faċli li titgħawweġ taħt il-pretensjoni tal-interessi tal-individwu jew ta’ xi grupp: l-attrattiva ta’ x’inhu l-aktar utli kapaċi tissagrifika l-verità! Minħabba r-riskju li r-raġuni kapaċi tfellaq, ir-reliġjon għandha rwol “korrettiv” għax tgħin lill-bniedem juża r-raġuni biex jasal għall-verità.
Il-kontribut soċjali tar-reliġjon
Ir-reliġjon mhix problema li s-soċjetà trid issolvi, imma hija fattur li jista’ jikkontribwixxi b’mod vitali għad-dibattitu pubbliku fis-soċjetà! Alla mhux ta’ dannu għas-soċjetà u anqas mhu ta’ tfixkil għall-bniedem! L-ex Prim Ministru Ingliż Tony Blair, li waqqaf il- “Faith and Globalisation Institute”, jafferma li r-reliġjon hija “kollaboratriċi potenzjali” biex jinstabu soluzzjonijiet għal problemi serji tas-soċjetà! Julia Kristeva, Umanista minn Franza, hija konvinta li l-“umaniżmu sekularizzat” ta’ żminijietna, li għandu l-punti dgħajfin tiegħu, jeħtieġlu li jsib rapport ġdid mas-sistemi morali u mal-esperjenza reliġjuża. Għalhekk hija tara l-bżonn li l-Umanisti jkollhom konfront mal-Kattoliċiżmu! Dan kollu joffri sfida kemm lilna l-Insara kif ukoll li dawk li huma “imbegħdin” mit-twemmin reliġjuż.
Il-Knisja għandha x’titgħallem
Jekk illum huwa diffiċli titkellem dwar Alla, daqstant ieħor huwa diffiċli li ma titkellimx dwar Alla! Jekk jitlob sforz biex tipprova l-eżistenża t’Alla, daqstant ieħor trid sforz mhux żgħir biex tiċħad l-eżistenża tiegħu! Ukoll min jistqarr li ma jemminx, ħafna drabi qed ifittex lil Alla li mhux magħruf bħalma kienu jagħmlu l-intellettwali li kienu jiltaqgħu fl-arjopagu ta’ Ateni fi żmien San Pawl!
Però ġie li jiġri li aħna l-Kattoliċi nikkontribwixxu mhux ftit biex ħaddieħor jidħollu dubju dwar l-ipotesi t’Alla. Xi drabi d-devjazzjonijiet Kristjani li għandna jirrendu r-reliġjon diżumana! Mhix ir-reliġjon imma huma d-distorsjonijiet reliġjużi, li minnhom sfortunatament għandna diversi, li jfixklu qatiegħ lin-nies! Il-filosofu ateista Rumen Emil Cioran jirrimarka li aħna l-Insara kkunsmajna l-Kristjaniżmu sal-għadma – il-Vanġelu tant ġie spolpat li m’għadux inissel stagħġib u skandlu! U l-filosofu Cacciari jgħid li l-veru theddida għalina l-Insara hija “it-tgħannieqa tal-mewt” li qed nagħmlu mal-ateiżmu prattiku!
Barra minn hekk, kif josserva l-Papa Benedittu XVI fil-ktieb tiegħu “Dawl tad-dinja” meta jitkellem dwar il-modernità, aħna fil-Knisja nużaw lingwaġġ li ma jiftiehemx mill-ewwel mill-bniedem tal-lum! It-twemmin tagħna fih veritajiet kbar u sbieħ imma mhumiex imfissra b’mod li jifhimhom il-bniedem modern!
Il-“Bitħa tal-Ġentili”
Ikkunsidrat li min-natura tiegħu l-bniedem ifittex lil Alla mhux magħruf, il-Papa Benedittu XVI sentejn ilu ġietu l-ispirazzjoni li jwaqqaf “Il-Bitħa tal-Ġentili”, fejn dawk li jemmnu jiltaqgħu ma’ dawk li huma bla twemmin u, b’rispett lejn l-identità ta’ xulxin, flimkien ifittxu dak li huwa sabiħ, veru u tajjeb! Din “il-bitħa tal-Ġentili” kienet parti mit-Tempju ta’ Ġerusalemm. Dawk li ma kienux Lhud, għalkemm ma setgħux jidħlu fit-Tempju, setgħu jaslu f’dan l-atrium tal-Ġentili u flimkien ma’ xi rabbini kienu jiddiskutu temi li jikkorrispondu għal dawk il-mistoqsijiet li hemm fil-qalb ta’ kull bniedem. Għal ħafna din il-bitħa kienet sservi ta’ “għatba” biex wieħed jidħol fid-dar ta’ Alla! Ukoll illum, dan “l-arjopagu ġdid” jista’ jkun okkażjoni biex dawk li huma bla Alla jissaħħru wara l-misteru ta’ Alla anke qabel ma jkunu jafuh! Fuq kollox il-Kristjaniżmu mhux xi duttrina imma esperjenza personali ta’ Ġesù Kristu!
Evanġelizzazzjoni ġdida
F’din il-fażi ta’ evanġelizzazzjoni ġdida, meta nqis li, kif għidna aktar ’il fuq, madwarna għandna persuni, fosthom diversi żgħażagħ, b’mentalità “lajka” u “umanista”, nipproponi li l-Knisja lokali torganizza din “Il-Bitħa tal-Ġentili” biex hekk toffri l-possibilità li dawk kollu ta’ rieda tajba, indipendentement mit-twemmin tagħhom, jiltaqgħu biex flimkien ifittxu l-verità. Kemm is-soċjetà lajka għandha x’titgħallem mit-twemmin Nisrani, kif ukoll il-Knisja għandha x’titgħallem mil-lajċità ġusta. F’dan ir-rigward, konxju kemm f’din il-parroċċa ta’ San Ġorg hawn talenti kulturali – il-Victoria Internartional Arts Festival huwa prova ta’ dan –, nappellalkom biex tgħinuni ħalli bħala djoċesi nkun nista’ nagħmel din il-proposta lill-Knisja u lis-soċjetà tagħna.