Archive for the '2003' Category

Ad Clerum Nru 354 - Diċembru 2003

 Nru. 354

DIĊEMBRU 2003

Fil-ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli (8,26-40) nsibu l-istorja ta’ l-ewwel pagan li kkonverta u ħaddan ir-reliġjon nisranija, uffiċjal għoli tar-Reġina Candace tal-Etjopja. Dan kien qiegħed jivvjaġġja fuq il-karru tiegħu meta laħqu Filippu, wieħed mid-djakni, u sabu jaqra b’leħen għoli silta mill-ktieb ta’ Iżaija kapitlu 53 li jitkellem dwar Kristu, “Il-Qaddej tal-Mulej” u jħabbar minn qabel li kellu jsofri u jkun miċħud mill-poplu ta’ Izrael. Filippu staqsieħ jekk kienx jifhem dak li kien qed jaqra. Difatti il-ministru tal-Etjopja ma kienx qiegħed jifhem il-kliem ta’ Iżaija għaliex staqsa lil Filippu, jekk l-profeta kienx qiegħed jitħadded dwaru nnifsu jew dwar xi ħadd ieħor. Imbagħad stieden lil Filippu biex jirkeb ħdejh fuq il-karru u dan spjegalu li dik kienet profezija dwar Kristu u min irid isir dixxiplu ta’ Kristu jeħtieġlu jirċievi l-Magħmudija. Billi kienu għaddejjin minn ħdejn wied bl-ilma l-ministru qallu “Ara hawn l-ilma, x’inhu jżomni li ma nitgħammidx?” L-istorja spiċċat billi niżlu fl-ilma u Filippu għammed l-uffiċjal għoli ta’ l-Etjopja.

L-istess mistoqsija li għamel Filippu lill-uffiċjal ta’ l-Etjopja nistgħu nagħmluha aħna lilna nfusna: “Qiegħed tifhem dak li qed taqra?”, għax jista’ jiġri li nkunu naqraw bla ma nifhmu sewwa dak li nkunu nlissnu, mhux għaliex nieqsa l-intelliġenza fina, iżda ġħaliex forsi nkunu aljenati jew għajjenin, jew ma ngħamlux ħilitna biex indawwlu moħħna bit-tagħlim li nirċievu. Inġib xi eżempiĠ
(a)    Waqt il-Quddiesa, meta naqraw il-Messal jew il-lezzjonarju, qegħdin nifhmu dak li naqraw? Ma ninsewx li l-Iskrittura Mqaddsa hija l-kelma ta’ Alla, u għalhekk għandha tinqara bid-devozzjoni, mingħajr għaġġla.

(b)    Fir-reċita tal-Brevjar qegħdin nifhmu dak li naqraw? Qegħdin nosservaw dawk it-tliet avverbi “digne, attente, et devote. ” Il-post u l-ħin li fih ngħidu l-Brevjar huma adattati għalih?

(c)    Il-meditazzjoni u l-qari spiritwali, nifhmu dak li naqraw u nirriflettu fuqu hekk li nitħeġġu f’qalbna bl-imħabba lejn Alla u nagħmlu proponimenti sodi li bihom nimxu ’l quddiem fil-qdusija?

Il-ministru ta’ l-Etjopja kien skolar tajjeb li jisma’ u jitgħallem u aħna sal-mewt dejjem baqgħalna x’nitgħallmu, għalhekk għad li aħna saċerdoti jeħtieġilna nkunu aħna wkoll skolari doċili u diliġenti.

Nixtieq nieħu din l-okkażjoni biex nixtieq lil kull wieħed minnkom “il-Milied it-Tajjeb” u “Sena tajba”mimlija b’risq u barka mill-Mulej.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ad Clerum Nru 353 - Novembru 2003

Nru. 353

NOVEMBRU 2003

M’ilhux ħafna li għaddiet il-“Ġurnata Missjunarja” li fiha bħas soltu sar talb għall-Missjonijiet u l-ġabra għall-ħtiġijiet tagħhom. Iżda l-Komunità Kattolika jeħtieġ li tgħin l-Opri Missjunarji mhux biss darba fis-sena, iżda ta’ kuljum għaliex il-ħtieġa tal-għajnuna tinħass kontinwament u ma nistgħux ninjorawha. Difatti l-ispirtu missjunarju li għandu janima il-membri kollha tal-komunità, Kleru u Lajċi jeħtieġ li ma jintefhiex jew inin, iżda li jibqa’ mkebbes u jidher b’mod ċar. Meħtieġ li kull membru tal-Poplu t’Alla jagħraf u jwettaq id-dmir missjunarju tiegħu.

Din l-osservazzjoni nsibuha wkoll fid-Digriet Konċiljari Ad Gentes fin-numru 36 li jgħid: “Il-fidili kollha, bħala membri ta’ Kristu ħaj, li saru, bil-Magħmudija, bl-Ewkaristija u bil-Griżma, sehem mill-Ġisem tiegħu u jixbhuh, għandhom id-dmir li ġej mill-uffiċċju tagħhom ta’ nsara li jikkooperaw biex il-Ġisem tiegħu jikber u jinfirex biex mill-aktar fis iwassluh għall-milja tiegħu. Ghalhekk l-ulied kollha tal-Knisja għandu jkollhom kuxjenza ħajja tar-responsabiltà tagħhom lejn id-dinja, irawwmu fihom infushom spirtu tassew kattoliku, u jagħtu l-enerġija tagħhom fix-xogħol ta’ l-evanġelizzazzjoni. Iżda jeħtieġ li l-insara kollha jagħrfu illi l-ewwel u l-aqwa dmir tagħhom għat-tixrid tal-Vanġelu huwa li jgħixu profondament il-fidi nisranija. Għaliex il-ħerqa tagħhom fis-servizz ta’ Alla u l-karità tagħhom lejn l-oħrajn iġibu żiffa spiritwali ġdida għall-Knisja kollha li tkun tidher bħala sinjal mgħolli fuq il-ġnus, “dawl tad-dinja”(Mt 5,14) u “ melħ ta’ l-art”(Mt 5,13).”

Il-Papa Ġwanni Pawlu II li iktar minn darba ta’ prova kemm hu qawwi fih l-ispirtu missjunarju, jitkellem b’mod ċar ħafna fuq l-erba’ Opri Missjunarji Pontifiċji, fl-enċiklika Redemptoris Missio fin-numru 84 fejn jgħid “L-erba’ Opri – l-Opra għall-Propagazzjoni tal-Fidi, l-Opra ta’ San Pietru Appostlu, l-Opra tas-Santa Infanzja, u l-Unjoni Missjunarja – għandhom għan wieħed li jqanqlu spirtu missjunarju universali fil-Poplu kollu ta’ Alla. L-għan propju u speċifiku ta’ l-Unjoni Missjunarja hu dak li tnissel spirtu missjunarju fis-saċerdoti u r-reliġjużi, irgiel u nisa, u tagħtihom formazzjoni missjunarja xierqa biex imbagħad jagħmlu l-istess ħaġa fil-komunitajiet insara; tfittex imbagħad iġġib ’il quddiem l-Opri l-oħra, li tagħhom hi qisha r-ruħ. “Il-motto tagħha għandu jkun ‘Il-knisja kollha għall-konverżjoni tad-dinja kollha’.”

Jidher li l-Papa jagħmel enfasi speċjali fuq l-Unjoni Missjunarja tal-Kleru u jispjegalna tajjeb ħafna għal fejn isservi din l-organizzazzjoni u x’ġid tista tagħmel.

Din l-Unjoni xi snin ilu kienet teżisti fil-gżira tagħna u deversi saċerdoti u seminaristi kienu miktubin fiha, iżda wara ċertu żmien kienet ġiet fix-xejn. F’dawn l-aħħar xhur l-Unjoni Missjunarja tal-Kleru, reġgħet bdiet tagħmel il-laqgħat tagħha u tixtieq li minn dawn il-laqgħat joħroġ xi ġid kemm għall-membri nfushom kif ukoll għall-bnedmin l-oħra li għalihom isir it-talb u li tinghatalhom xi għajnuna.

Ninqeda b’din il-ħarġa ta’ l-Ad Clerum biex nistieden lis-saċerdoti jinkitbu f’din l-Opra Pontifiċja tant imfaħħra mill-Papiet. Min jitħajjar isir membru, jista jikkuntattja lid-Direttur Djoċesan Mons Anton Saliba jew lil xi wieħed mill-Vigarji Foranji.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ad Clerum Nru 352 - Ottubru 2003

Nru. 352    AD CLERUM    OTTUBRU 2003

Hemm kategorija ta’ nies, li jgħixu fi gżiritna u forsi aħna wkoll midħla tagħhom u nsejħulhom ħbiebna; il-għadd ta’ dawn in-nies qiegħed jikber għada iktar mil-lum; huma kategorija li teħtieġ ukoll il-ħidma pastorali tagħna, iżda forsi ma tantx tajna kaz tagħhom; huma l-kategorija ta’ dawk li għal raġuni jew oħra, ma jiffrekwentawx il-knejjes tagħna u ma jagħmlu ebda profitt mill-priedki li nagħmlu u mis-sagramenti li namministraw lill-insara li huma qrib lejjna. Bit-taljan isejħulhom “I lontani”.

Għad li dawn il-persuni, li ma humiex “church goers” qegħdnihom f’kategorija waħda, fil-fatt din hija kategorija li għandha diversi suddiviżjonijiet jew klassijiet differenti u t-tattika meħtieġa biex nagħmlu kuntatt magħhom u nevanġelizzawhom tvarja minn klassi għall-oħra. Insemmu xi ftit minnhom:
a.    Dawk li ma humiex kattoliċi, għax ma ġewx mgħammda fil-Knisja tagħna u forsi l-anqas biss ħadu l-magħmudija.
b.    L-oħrajn huma kattoliċi li ħallew il-pratika reliġjuża għaliex ma jaċċettawx ċertu tagħlim tal-Knisja bħal ma hija l-kundanna tal-kontraċettivi jew għaliex urtaw ruħhom minn ċerti deċisjonijiet meħudin mill-Awtorità Ekkleżjastika jew minn xi saċerdoti.
c.    Tat-tielet kategorija, huma kattioliċi wkoll, jew għall-inqas insara, li huma opposti għall-Knisja għaliex għandhom ideja żbaljata ta’ dak li hija fir-realtà.

Ta’ min josserva qabel xejn, li r-rimedji kommuni biex ngħinu spiritwalment lin-nies tat-tliet kategoriji huma t-talb ta’ interċessjoni, l-eżempju tajjeb tagħna u l-kuntatt personali, li fuqu tkellimna kemm il-darba u li dwaru hemm direttivi sbieħ fil-Manwal tal-Leġjun ta’ Marija.

Iżda barra minn hekk, nosservaw li ħafna mis-sacerdoti tagħna ghandhom xi ħabib jew iktar, li jaqgħu taħt xi waħda mill-kategoriji msemmija. Din il-ħbiberija, li hija leċita u lodevoli, tkun biex ngħid hekk fuq pjan umanitarju u xi drabi wkoll fuq pjan professjonali, meta aħna navviċinawhom għal xi parir mediku, legali jew ta’ natura oħra. Din il-ħbiberija fina s-saċerdoti toħloq ċerta responsabiltà li ngħinu lil dawn l-individwi biex jersqu iktar lejn Alla, fi Kristu. Irridu noqgħodu attenti ħafna x’eżempju nagħtuhom u kif nitkellmu quddiemhom. Meta jkun il-waqt propizju u bil-għaqal u l-karità kollha, nkellmuhom b’mod pożitiv dwar ir-Reliġjon tagħna, speċjalment jekk ikunu huma li jibdew id-diskors fuq hekk jew jagħmlu xi domandi. Xi drabi forsi jkun meħtieġ li nissuġerulhom imorru għand xi persuna jew persuni li huma iktar kompetenti minna, Iżda nibqgħu nuru dejjem interess fihom u fil-qagħda spiritwali tagħhom.

F’din il-għamla ta’ apostolat, li xi wħud sejħulu “Apotolate of Good Will” għandna nsieħbu magħna wkoll il-lajċi. B’mod partikolari l-membri adulti tal-Għaqdiet kattoliċi għandna nkellmuhom dwar il-problemi tar-residenti barranin f’pajjiżna u ta’ dawk li huma “lontani” u nħeġġuhom biex jagħtu s-sehem tagħhom, għaliex huma wkoll jista’ jkunu qrib lejn xi individwi minnhom.

Issa xi ħaġa fil-qosor dwar dak li jista jsir favur xi kull waħda mill-kategoriji tal-“lontani.”

L-Ewwel kategorija
a.    Rigward dawk li ma humiex kattoliċi, tkun ħaġa sabieħa li jiġu mistiedna għal xi attivitajiet tagħna, li jsiru fiċ-ċentru parrokkjali bħal kunċerti jew rappreżentazzjonijiet teatrali. Xi wħud minnhom japprezzaw li jingħatalhom programm tal-festa u li jsiru għalihom xi ħarġiet biex jaraw il-presepji fi żmien il-Milied u s-sepulkru (l-artal tar-Repozizzjoni) fil-Ġimgħa Mqaddsa, jew il-Proċessjoni tal-Passjoni. Hawn ukoll uħud li lesti jagħmlu xogħol ta’ volontarjat ma’ persuni b’xi diżabilità jew ta’ xi għamla oħra. B’dawn l-inizjativi żgħar, inkunu qegħdin bil-mod, il-mod, inqassru d-distanzi bejna u bejnhom.

It-Tieni kategorija
b.    Dawk li huma urtati minħabba ċerti prinċipji ta’ tagħlim li tiddefendi l-Knisja jew minħabba deċiżjonijiet tal-Awtorità Ekkleżjastika. Forsi dawn huma każijiet l-iktar diffiċli. Iżda jeħtieġ li ma nkomplux inkabbru u nħarxu l-pjaga li diġa teżisti f’qalbhom. Inkunu lesti biex nagħtu l-għajnuna tagħna kbira jew żgħira jekk huma jkunu jeħtieġuha jew b’xi mod juru li jixtiequha. Forsi f’din il-kwalità ta’ għajnuna, anki sempliċi bħal p.eż. nagħmlulhom appuntament biex jiltaqgħu jew ikellmu xi ħadd, lil dawn in-nies, għandha nippreferuhom u nieqfu magħhom iktar milli nagħmlu ma’ dawk li qegħdin dejjem ma djulna.

It-Tielet kategorija
c.    Dawk tat-tielet kategorija huma fi ħtieġa kbira li jkollhom mhux biss tagħlim eżatt dwar il-Knisja, iżda wkoll li jkollhom informazzjoni oġgettiva dwar il-ħidmiet u l-azzjoni tal-Knisja f’pajjiżna u barra minn pajjiżna.

J’alla, kollha kemm aħna, nikkoltivaw fina, l-imħabba lejn Kristu, li għandna narawh fil-persuna tal-proxxmu tagħna, flimkien ma’ l-għarfien tat-tagħlim tiegħu u xewqa ħerqana li nwasslu l-veritajiet salvifiċi tal-Knisja ta’ Kristu, lil ħutna l-bnedmin.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ad Clerum Nru 351 - Settembru 2003

Nru. 351

SETTEMBRU 2003

Kristu ta lill-Knisja l-missjoni li tkompli sa l-aħħar taż-żminijiet it-tifħir u t-talb li Hu kien jagħmel lill-Missier Etern tiegħu, meta kien għadu jgħix fuq il-wiċċ ta’ din l-art. Din hija l-attività liturġika, li tiġbor fiha teżor mill-aqwa ta’ innijiet u talbiet mill-isbaħ. Il-Liturġija, ġiet definita mill-Konċilju Vatikan II bħala “l-ħidma ta’ l-uffiċċju saċerdotali ta’ Ġesù Kristu; fiha jitfisser u jseħħ permezz ta’ sinjali, sensibbli, it-tqaddis tal-bniedem skond il-mod proprju tiegħu: f’din il-ħidma l-Ġisem mistiku ta’ Ġesù Kristu, jiġifieri r-Ras u l-membri tiegħu, jagħtu qima pubblika sħiħa”(Socrosanctum Concilium, 7).

Ma jista qatt li s-saċerdot jittraskura l-ħajja liturġika, li tokkupa parti hekk importanti mill-ministeru tiegħu. Dan il-ministeru jinkludi wkoll l-evanġelizzazzjoni u d-djakonija, iżda ma tistgħax tħalli barra l-Liturġija li hija “l-quċċata li lejha timxi l-ħidma tal-Knisja u fl-istess waqt l-għajn li minnha ġejja kull qawwa tagħha” (Sac. Con., 10) u ebda azzjoni oħra tal-Knisja ma “għandha daqshekk qawwa u ġieh” għaliex “kull ċelebrazzjoni liturġika, bħala egħmil ta’ Kristu saċerdot u tal-Ġisem tiegħu, li hu l-Knisja, hija egħmil imqaddes” (Sac.Con., 7).

Is-saċerdot li għandu għall-qalbu l-ispiritwalità personali tiegħu u t-taqdis ta’ l-erwieħ mhux kuntent biss li josserva r-rubriki u li jippronunzja sewwa l-kliem, għad li dan hu obbligu tiegħu. Jeħtieġ li s-saċerdot, kemm għall-moħħu kif ukoll għall-qalbu japprofitta ruħu mir-rikezzi moħbija fil-Liturġija u b’hekk iħossu iktar magħqud mal-Knisja u jikseb unjoni iktar mill-qrib ma’ Kristu. Fil-Liturġija s-saċerdot isib ukoll għajnuniet kbar sabiex tiżviluppa u tissaħħah fih il-ħajja interjuri.

Ir-riti sagri kollha li hemm fil-Liturġija, nistgħu nxebbħuhom ma’ ġawhar prezzjus. Dan jgħodd kemm għall-Quddiesa, kif ukoll għas-sagramenti u s-sagramentali u għat-talb liturġiku. Iżda l-Quddiesa u l-Liturġija tas-Siegħat joffrulna l-aqwa valur meta aħna nagħrfu ninkwadrawhom fil-kuntest tas-Sena Liturġika. Waqt li niċċelebraw il-misteri ta’ Kristu, li aħna nfakkru matul iċ-?iklu tas-Sena Liturġika, fil-Messall kif ukoll fil-Brevjar aħna nilmħu raġġi dejjem jiddu ta’ l-imħabba divina ta’ Kristu, r-ragħaj il-Kbir u s-Saċerdot Etern tagħna. B’hekk il-Liturġija twassal għall-iżvilupp sħiħ tal-ħajja Ewkaristika, li għandha tkun fl-aqwa tagħha fil-ministru ta’ Kristu.

Issa li għandna f’idejna l-Enċiklika Ecclesia de Eucharistia jixraq li nerġgħu nagħmlu eżami tal-kuxjenza dwar id-dmirijiet tagħna lejn is-Sagrifiċċju Ewkaristiku u s-Sagrament ta’ l-imħabba divina. Qatt ma hu żejjed li wieħed jinsisti li l-Quddiesa għandna niċċelebrawha bil-fidi, bid-devozzjoni, mingħajr għaġġla u mingħajr telqa. Għandna nagħtu “chance” wkoll lin-nies biex jieħdu sehem kif jixraq fiċ-ċelebrazzjoni tagħha. Għandna nuru reverenza u rispett lejn l-Ostja Mqaddsa li jkollna f’idejna. Forsi ta’ min jerġgħa jfakkar, li s-saċerdot li jqarben, għandu jieħu ħsieb li min jitqarben fl-idejn, għandu jikkonsma l-ostja quddiemu u cioè qabel ma jerġgħa jmur lura f’postu. Barra minn hekk, jeħtieġ li ma jinqagħtax l-użu tal-plattin għal waqt it-tqarbin u li frak ta’ l-ostji ma jitħalliex jaqa’ fl-art, iżda jinġabar, kif jippreskrivu r-rubriki tal-Quddiesa. Meta l-Ewkaristija titwassal lill-morda fi djarhom, jeħtieġ li tinġarr f’teka li tkun merfugħa f’borża li tixraq, u li fuq kollox l-Ewkaristija tinġarr u tinżamm bil-qima kollha li jistħoqqilha.

Fl-aħħarnett, ma nixba qatt nirrikmanda anke lis-saċerdoti, t-tqarbina tax-xewqa, l-adorazzjoni Ewkaristika u l-viżti lil Ġesù Sagramentat, li dwarhom titkellem hekk tajjeb l-enċiklika Ecclesia de Eicharistia. Dawn huma kollha mezzi effikaċi biex nikbru fl-imħabba lejn Kristu u lejn il-proxxmu, speċjalment lejn l-erwieħ afdati f’idejjna.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ad Clerum Nru 350 - Awissu 2003

Nru. 350

AWISSU 2003

Ftit ilu l-Kummissjoni Djoċesana Zgħażagħ - Għawdex ħarġet publikazzjoni bit-titlu: Il-Ġenerazzjoni Żgħażugħa Għawdxija fil-Bidu tat-Tielet Millenju li tikkonsisti fir-rapport fuq il-kwestjunarju li kien sar fost l-istudenti taċ-Ċentru għall-Istudji Avanzasti Sir M. Anġ. Refalo (Rabat Għawdex – Marzu 2000).

Fiħ ħames (5) taqsimiet:

a.    Il-ħajja taż-żgħażagħ f’kunessjoni ma’ l-iskola u l-istudju,
b.    Il-Weekend u d-divertiment,
c.    Il-ħajja affettiva ta’ l-istudenti,
d.    Ir-Reliġjon u r-reliġjożità tagħhom,
e.    Prijoritajiet u valuri tagħhom.

Dan huwa dokument li għandu jinteressa ħafna lill-membri tal-Kleru u lil dawk kollha li jixtiequ jwettqu xi ħidma spiritwali jew temporali favur iż-żgħażagħ f’Għawdex. Iżda b’mod partikolari għandha tiġi studjata u miflija sewwa mill-Kleru, r-raba taqsima li hija dwar ir-Reliġjon u r-reliġjożità taż-żgħażagħ.

Fil-2.4.1, d-dokument jgħid “Min jaħdem fost iż-żgħażagħ jaf kemm hi diffiċli l-ħidma pastorali maż-żgħażagħ. Kull min jorganizza l-attivitajiet pastorali għaż-żgħażagħ, dejjem ikollu jħabbat wiċċu man-nuqqas ta’ parteċipazzjoni u ta’ interess minn naħa taż-żgħażagħ. Dan isir aktar evidenti f’dawk l-inizjativi pastorali li jitolbu parteċipazzjoni assidwa u frekwenti, bħalma hi, l-formazzjoni kateketika kontinwata. Sinjal ta’ dan hu l-fatt li ftit huma ż-żgħażagħ li jattendu l-Għaqdiet Reliġjużi.”

L-istudju janalizza r-reliġjożità ta’ l-istudenti minn erba aspetti, iżda hemm qisu mistoqsija introduttorja, dwar kif l-istudenti jqisu r-reliġjożità tagħhom: par. 1 jitkellem mill-attendenza tal-Quddiesa tal-Ħadd; par. 2 mit-talb personali u komunitarju; par. 3 mill-għaqdiet Reliġjużi; u par. 4 mill-voluntarjat (aktarx f’rabta ma’ l-inizjativa tal-Knisja).

Ta’ min jinnota fuq kollox ċerti aspetti, xi wħud pożitivi u oħrajn negativi li jirriżultaw mit-tweġibiet ta’ l-istudenti.

95% tal-intervestitati jattendu regolarment għall-Quddiesa tal-Ħadd; iżda ħafna minnhom , xi 60% jilmentaw li huma jiddejqu meta jattendu għall-Quddiesa. Iktar minn nofshom (50.9%) jistqarru li dak li l-iktar idejjaqhom hija l-omelija.

In konnessjoni mal-Quddies tal-Ħadd, 83% qalu li jattendu għaliha għaliex iħossu il-ħtieġa tagħha, 4.4% qal li jmorru għax imġiegħla u 8.2% għaliex jemnu li jagħmlu dnub jekk ma jmorrux.

Ħafna miż-żgħażagħ jitolbu: skond dak is-survey 59% jitolbu ta’ kuljum jew ta’ spiss, 60% jitolbu mal-familji tagħhom, u 5.6% qalu li ma jitolbu qatt.

Rigward l-interess taż-żgħażagħ fl-Għaqdiet kattoliċi: 75% qalu li ma jieħdux sehem fl-attivitajiet ta’ l-għaqdiet, għad li 60% minnhom qalu li kienu fl-għaqdiet meta kienu iżgħar fl-etÀ.

Fejn tidħol il-moralità sesswali, ħafna miż-żgħażagħ jaħsbu li ma għandhiex tkun regulata minn ebda kodiċi etiku u l-anqas li tkun ikkundizzjonata minn xi awtorità.

Konklużjoni importanti ħafna li għaliha waslu dawk li ħejjew ir-rapport hija li “Min dan l-istudju, jidher li ż-żgħażagħ ma għadhomx jiffrekwentaw il-gruppi (l-għaqdiet) reliġjużi… jew josservaw ċerti kodiċi morali…partikolarment mill-Quddies tal-Ħadd. Minn dawn l-osservazzjoni toħrog ċara r-responsabiltà tagħna, li nieħdu l-pastorali fost iż-żgħażagħ b’iktar serjetà, u fis-servizzi pastorali li nagħtuhom bħalma hija l-omelija; konferenzi; qrar eċċ., inkunu iktar preparati u animati minn zelu apostoliku.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ad Clerum Nru 349 - Lulju 2003

Nru. 349

LULJU 2003

Wieħed awtur darba qal li “Fis-seklu dsatax il-Knisja tilfet il-ħaddiema, fis-seklu għoxrin tilfet l-intellettwali.” Dan il-ġudizzju żgur li mhux imbiegħed ħafna mill-verità oġġettiva, għad li f’pajjiżna din l-apostasija tal-klassi tal-ħaddiema u ta’ l-intelligentia, ma nħassitx hekk bil-qawwi kif inħasset f’pajjiżi oħra kattoliċi ta’ l-Ewropa. Madanakollu, kemm fost il-ħaddiema, kif ukoll fost l-intelletwali hemm min għandu ċerti preġudizzi kontra l-Kleru; hemm ukoll min ma jħoss li għandu ebda rabta mal-Knisja, ħlief forsi f’ċerti aspetti li huma marġinali ħafna.

Huma x’inhuma l-fatti, anke jekk mhux kollox ward u żahar, kemm l-ħaddiema u kemm l-intelletwali għandhom ikunu fil-mira tal-ħidma pastorali tagħha u ta’ l-impenn saċerdotali li janimana.

Aħna s-servizzi tagħna noffruhom lil kulħadd, mingħajr preferenzi u mingħajr ma neskludu lil ħadd. Hekk per eżempju, fil-Liturġija tas-Siegħat nitolbu għal kulħadd, inqaddsu għal dawk kollha li għadhom jiġu jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, namministraw is-Sagramenti, mingħajr ma nħarsu lejn distinzjoni ta’ klassi jew ta’ kundizzjoni soċjali. Madanakollu naħseb li taqblu miegħi li kemm il-ħaddiema, kif ukoll l-intellettwali għandhom ikollhom post speċjali fil-karità pastorali tagħna, għandna nħossuna onorati meta tiġina l-okkażjoni li nagħmlu kuntatt magħhom u li noffrulhom is-servizzi tagħna. Ma ninsewx li fis-soċjetà huma l-elementi l-iktar attivi, kemm il-ħaddiema għax minnhom tiddependi fuq kollox l-ekonomija tal-pajjiż, kif ukoll l-intellettwali għaliex huma li jidderiġu s-soċjetà u jfasslu l-ġejjieni ta’ pajjiżna.

In konnessjoni mal-ħaddiema, kemm manwali kif ukoll klerikali, kemm fl-industrija kif ukoll fil-biedja, kont ktibt fit-tul fil-pastorali tiegħi Il-Knisja u n-nies tax-Xogħol tas-17 ta’ Frar 1980 u fost l-oħrajn għamilt dawn ir-rimarki: “Id-dmir li l-Knisja tkun preżenti fost il-ħaddiema, li tagħraf u tifhem il-problemi tagħhom, il-Knisja tħossu bħala dmir l-iktar importanti u urġenti. L-ewwelnett għaliex hija rċeviet minn għand Kristu l-ordni li twassal il-messaġġ Tiegħu lill-bnedmin ta’ kull kundizzjoni fil-ħajja, inklużi l-ħaddiema: “Morru fid-dinja kolha xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu”(Mk.16,15). Issa biex isalva l-umanità, Kristu nkarna, jiġifieri ħa l-ġisem u sar wieħed minna l-bnedmin, “kollox bħalna minbarra d-dnub”(Lhud 4,15). Hekk ukoll il-Knisja li tkompli l-missjoni Tiegħu jeħtieġ li bħalu tgħaddi minn dan il-proċess ta’ inkarnazzjoni billi titħallat mal-bnedmin ta’ kull żmien u ta’ kull art li tkun qegħda tevanġelizza, tkellimhom bil-lingwaġġ tagħhom, taċċetta fehmiethom, drawwiethom u

l-elementi l-oħra tal-kultura tagħhom, sakemm dawn ma jmorrux kontra l-qdusija, li tagħha l-Knisja għandha tagħti xhieda fid-dinja. Il-ħidma tal-evanġelizzazzjoni fost il-ħaddiema, għalhekk titlob mhux biss li ma jkunx hemm firda bejniethom u l-Knisja, iżda wkoll li l-Knisja taqsam man-nies tax-xogħol, il-ferħ u n-niket, it-tama u l-biża ta’ ħajjithom. Barra minn hekk, il-Knisja tħoss il-ħtieġa li tkun preżenti fost il-ħaddiema għax hija tqishom bħala wliedha; xi wħud qrib ħafna lejha, oħrajn forsi xi ftit imbegħdin minnha; iżda kollha wliedha u bħala tali għandhom il-jedd għall-attenzjoni, għall-imħabba u għas-solidarjetà tagħha”(ara Il-Kelma tar-Ragħaj, vol. III, paġ. 87-88).

Rigward l-intellettwali, naħseb li rridu noqogħdu iktar attenti biex niskopru x’qegħdin jistennew minn għandna. Il-formazzjoni saċerdotali kif issir fiż-żminijietna, anki bl-istudji li jagħmlu s-saċerdoti l-ġodda f’universitajiet barra mill-pajjiż, il-Kleru tagħna għandu livell ta’ kultura suffiċjenti biex jista’ jiddjaloga anki ma’ professjonisti u nies ta’ kultura profana. Madanakollu ma tantx inħallu impressjoni tajba bi priedki ta’ nofs kedda, għalhekk qatt ma huwa żejjed li l-omeliji, it-taħdidiet tagħna u l-interventi fuq il-“mass-media”, inħejjuhom mill-aħjar li nistgħu.

Ma ninsewx fl-aħħarnett li għadd sabiħ ta’ żgħażagħ tagħna jiffrekwentaw l-università u jagħmlu korsijiet ta’ edukazzjoni terzjarja. Da parti tagħna, jeħtieġ li jkollna mpenn speċjali rigward iż-żgħażagħ universitarji tagħna. Xi ftit minnhom huma membri tal-Għaqdiet Kattoliċi, iżda kemm dawn kif ukoll dawk li m’humiex membri tal-Għaqdiet Kattoliċi jeħtieġ li nieħdu ħsiebhom u noffrulhomk is-servizzi tagħna.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ad Clerum Nru 348 - Ġunju 2003

Nru. 348

ĠUNJU 2003

Nibda biex infakkar li fid-djoċesi tagħna, għall-grazzja t’Alla barra mis-Sinodu Djoċesan li ntemm fl-1993, kellna wkoll sitt Kungressi Pastorali li kellhom bħala suġġetti kif ser insemmu:
1. Il-Ħajja nisranija fid-Djoċesi toktor u tissaħħaħ (1975)
2. Il-Familja(1980)
3. Iż-żgħożija tal-Knisja: 20 sena wara l-Konċilju.(1985)
4. Il-Mass media u l-ħajja nisranija.(1990)
5. Liema progress?Liema żvilupp?(1995)
6. Is-Solidarjetà nisranija (2000)

Kien hawn min qal li għad li ħarġu minnhom bosta suġgerimenti u regolarmenti iżda ħafna minnhom ma twettqux u baqgħu fuq il-karti. Fl-opinjoni tiegħi – u dan ngħidu anki b’ġieħ tal-Kleru u tal-poplu tagħna – l-kotra l-kbira tal-konklużjonijiet tas-Sinodu u tal-Kungressi, kienu meħudin f’konsiderazzjoni u ġew osservati kif imiss.

Iżda nixtieq li f’dan il-kuntest nagħmel xi osservazzjonijiet. Is-Sinodu Djoċesan tagħna, fih mhux biss id-Dokumenti Pastorali Iżda hemm sezzjoni għad-Digrieti, u sezzjoni oħra għar-regolamenti. Is-Sinodu jiġbor fih in-normi u r-regolamenti kważi kollha li ħarġu qabel 1993. Difatti fl-artiklu 3 jingħad “Malli dan is-Sinodu jkun promulgat, in-normi djoċesani li kienu jgħoddu qabel u li mhumiex kompatibbli mad-digrieti tiegħu huma abrogati.” Dawk li ħarġu wara d-9 ta’ Marzu 1993 huma relativament ftit u dehru kollha fl-Atti tal-Kurja.

Id-Digrieti tas-Sinodu, m’għandhomx kollha l-istess importanza u għalhekk l-osservanza tagħhom u l-ubbidjenza lejhom ma humiex mitlubin bl-istess insistenza u attenzjoni.

Parti milli fih is-Sinodu huma prinċipji li jafhom kullħadd hekk per eżempju numru 16 dwar il-Kariżmi. Hekk ukoll xi sezzjonijiet speċjalment fid-Dokumenti Pastorali li huma konstatazzjoni ta’ fatt u mhux ordnijiet jew projbizzjoni per eżempju n.821-832 dwar il-festi u l-qima lill-Qaddisin.

Persentaġġ għoli ħafna ta’ dawn id-Digrieti, ma humiex għajr normi tal-Liġi Universali, u ġew inkorporati fis-Sinodu, sabiex il-Kleru u l-insara jkun mfakkra dwarhom. Dan ifisser li min ma jassorvax dawn in-normi, ma jkunx jonqos mill-ubbidjenza lejn l-Awtorità Ekklesjastika Lokali biss, iżda jkun jagħmel att ta’ diżubbidjenza lejn l-ogħla Awtorità tal-Knisja li b’mandat tagħha ġie mogħti l-Kodiċi tal-Liġi Kanonika. Biżżejjed daqqa t’għajn bil-għaġġla, biex wieħed jintebaħ kemm huma numerużi dawn id-digrieti li fihom huma riflessi n-normi tal-Liġi Universali tal-Kodiċi; hekk per eżempju d-digrieti n.4,15,17-20 eċċ.

Ta’ min jinnota wkoll li kif jidher ċar mid-diċitura tad-Digrieti mhux kollha huma mogħtija taħt forma ta’ liġi jew huma obbligatorji, iżda ħafna minnhom huma biss suġġerimenti, u għalhekk hemm ċerta lib ertà fit-twettiq tagħhom u ħafna huwa mħolli fid-deskrezzjoni tal-individwu biex jiġġudika dwar iż-żmien u l-mod tat-twettieq tagħhom. Per eżempju art. 16 dwar id-devozzjoni lil-Madonna.

Mill-bqija nista ngħid li ma humiex inutli la s-Sinodu u l-anqas il-kungressi. Xejn, xejn wieħed ikollu ċar quddiem għajnejh x’għandu jagħmel, imbagħad kulħadd fuq il-kuxjenza tiegħu.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ad Clerum Nru 347 - Mejju 2003

Nru. 347

MEJJU 2003

Qiegħed nirreferi għall-artiklu li deher fl-Atti tal-Kurja fil-ħarġa Nru 238 ta’ April 2003, paġni 10-12 taħt il-‘heading’ “Outlines of Catholic Moral Teaching “ “Conscience: The meaning of an informed Conscience”, dan ser ikun segwit f’ħarġiet oħra b’titoli oħrajn bħal per eżempji “Human life, health and Death”; “Sexual Ethics and the Christian Family”; “Fundamentals of Church Law” etc.,

L-ideja oriġinali kienet li jsir kors ta’ 10 lezzjonijiet jew inqas fuq ċerti punti tal-liġi kanonika, li huma meħtieġin għall-prattika pastorali, li jeħtieġ li jkunu familjari magħhom il-membri tal-Kleru, speċjalment il-kappillan, l-adetti fl-uffiċċji u oħrajn, forsi anki ċerti lajċi.

Iktar tard issemmiet il-ħtieġa li dawn il-lezzjonijiet jinkludu wkoll materja ta’ Teoloġija Morali, li dwarhom jeħtieġ li jkollhom idejat ċari s-saċerdoti. Huwa ovvju, u l-Papa, iktar minn darba għamel enfasi fuq din il-ħaġa, li s-saċerdoti, fil-priedki, fix-xandiriet u wisq u wisq iktar fl-amministrazzjoni tal-Qrar, ma jistgħux kull wieħed jesprimi l-opinjoni personali tiegħu, bil-periklu li jkun hemm teoriji u opinjonijiet diverġenti, min jgħid ħaġa u min jgħid xi ħaġa oħra bil-maqlub; hemm bżonn imma li kull wieħed minna jgħallem u jxandar id-duttrina uffiċjali tal-Knisja, anke b’sagrifiċċju tal-preferenzi u tal-fehmiet personali tiegħu, biex ikun hemm messaġġ uniku u univoku u jiġi evitat il-periklu li tinħoloq konfużjoni u inċertezza fl-imħuħ tal-insara afdati f’idejh.

Iżda l-proposta jew proġet ta’ lezzjonijiet orali kellha tiġi abbandunata, għax kien diffiċli li jinstab jum u ħin adattat għal kulħadd, u diversi qalu minn qabel, li ma jistgħux jattendu għal dawn il-lezzjonijiet kollha jew għal ħafna minnhom.

Ġiet imressqa u aċċettata għalhekk proposta oħra li dan it-tagħlim prattiku u utli, jiġi stampat f’puntati fl-Atti tal-Kurja, biex jiġi f’idejn is-saċerdoti kollha u kull wieħed minnhom ikun jista’ jaqrah u jikkwotah kull x’ħin ikollu bżonn. Dan it-tagħlim huwa meħud minn kotba li għandhom l-approvazzjoni ta’ l-Awtorità Ekkleżjastika kompetenti u li fihom duttrina sana u ċerta. Bħalissa qegħdin jiġu stampati, b’ mod proviżorju fl-Atti tal-Kurja, jekk ikun jaqbel, il-quddiem forsi jerġgħu jiġu ppublikati fi ktejjeb. Min fost il-membri tal-Kleru jkun irid jagħmel xi kumment għandu l-libertà li jagħmilhom .

Ninqeda b’din il-ħarġa tal-Ad Clerum biex infakkarkom f’ċerti okkorrenzi li s-saċerdoti għandhom ikunu jafu bihom u jagħmlu li jistgħu għas-suċċess tagħhom: Dak (1) Pentecoste: Novena lill-Ispirtu s-Santu li tibda fit-30 ta’ Mejju 2003 ; (2) L-40 Jum il-Vokazzjonijiet bis-suġġett: “Is-sejħa għas-servizz” li ssir fil-11 ta’ Mejju 2003) u (3) Is-37 Jum tal-Mass Media fl-1 ta’ Ġunju 2003, bit-tema: “Il-Mezzi tal-komunikazzjoni socjali bħala servizz awtentiku għall-Paċi fid-dawl tal-‘Pacem in Terris’”.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex