Nru. 352 AD CLERUM OTTUBRU 2003
Hemm kategorija ta’ nies, li jgħixu fi gżiritna u forsi aħna wkoll midħla tagħhom u nsejħulhom ħbiebna; il-għadd ta’ dawn in-nies qiegħed jikber għada iktar mil-lum; huma kategorija li teħtieġ ukoll il-ħidma pastorali tagħna, iżda forsi ma tantx tajna kaz tagħhom; huma l-kategorija ta’ dawk li għal raġuni jew oħra, ma jiffrekwentawx il-knejjes tagħna u ma jagħmlu ebda profitt mill-priedki li nagħmlu u mis-sagramenti li namministraw lill-insara li huma qrib lejjna. Bit-taljan isejħulhom “I lontani”.
Għad li dawn il-persuni, li ma humiex “church goers” qegħdnihom f’kategorija waħda, fil-fatt din hija kategorija li għandha diversi suddiviżjonijiet jew klassijiet differenti u t-tattika meħtieġa biex nagħmlu kuntatt magħhom u nevanġelizzawhom tvarja minn klassi għall-oħra. Insemmu xi ftit minnhom:
a. Dawk li ma humiex kattoliċi, għax ma ġewx mgħammda fil-Knisja tagħna u forsi l-anqas biss ħadu l-magħmudija.
b. L-oħrajn huma kattoliċi li ħallew il-pratika reliġjuża għaliex ma jaċċettawx ċertu tagħlim tal-Knisja bħal ma hija l-kundanna tal-kontraċettivi jew għaliex urtaw ruħhom minn ċerti deċisjonijiet meħudin mill-Awtorità Ekkleżjastika jew minn xi saċerdoti.
c. Tat-tielet kategorija, huma kattioliċi wkoll, jew għall-inqas insara, li huma opposti għall-Knisja għaliex għandhom ideja żbaljata ta’ dak li hija fir-realtà.
Ta’ min josserva qabel xejn, li r-rimedji kommuni biex ngħinu spiritwalment lin-nies tat-tliet kategoriji huma t-talb ta’ interċessjoni, l-eżempju tajjeb tagħna u l-kuntatt personali, li fuqu tkellimna kemm il-darba u li dwaru hemm direttivi sbieħ fil-Manwal tal-Leġjun ta’ Marija.
Iżda barra minn hekk, nosservaw li ħafna mis-sacerdoti tagħna ghandhom xi ħabib jew iktar, li jaqgħu taħt xi waħda mill-kategoriji msemmija. Din il-ħbiberija, li hija leċita u lodevoli, tkun biex ngħid hekk fuq pjan umanitarju u xi drabi wkoll fuq pjan professjonali, meta aħna navviċinawhom għal xi parir mediku, legali jew ta’ natura oħra. Din il-ħbiberija fina s-saċerdoti toħloq ċerta responsabiltà li ngħinu lil dawn l-individwi biex jersqu iktar lejn Alla, fi Kristu. Irridu noqgħodu attenti ħafna x’eżempju nagħtuhom u kif nitkellmu quddiemhom. Meta jkun il-waqt propizju u bil-għaqal u l-karità kollha, nkellmuhom b’mod pożitiv dwar ir-Reliġjon tagħna, speċjalment jekk ikunu huma li jibdew id-diskors fuq hekk jew jagħmlu xi domandi. Xi drabi forsi jkun meħtieġ li nissuġerulhom imorru għand xi persuna jew persuni li huma iktar kompetenti minna, Iżda nibqgħu nuru dejjem interess fihom u fil-qagħda spiritwali tagħhom.
F’din il-għamla ta’ apostolat, li xi wħud sejħulu “Apotolate of Good Will” għandna nsieħbu magħna wkoll il-lajċi. B’mod partikolari l-membri adulti tal-Għaqdiet kattoliċi għandna nkellmuhom dwar il-problemi tar-residenti barranin f’pajjiżna u ta’ dawk li huma “lontani” u nħeġġuhom biex jagħtu s-sehem tagħhom, għaliex huma wkoll jista’ jkunu qrib lejn xi individwi minnhom.
Issa xi ħaġa fil-qosor dwar dak li jista jsir favur xi kull waħda mill-kategoriji tal-“lontani.”
L-Ewwel kategorija
a. Rigward dawk li ma humiex kattoliċi, tkun ħaġa sabieħa li jiġu mistiedna għal xi attivitajiet tagħna, li jsiru fiċ-ċentru parrokkjali bħal kunċerti jew rappreżentazzjonijiet teatrali. Xi wħud minnhom japprezzaw li jingħatalhom programm tal-festa u li jsiru għalihom xi ħarġiet biex jaraw il-presepji fi żmien il-Milied u s-sepulkru (l-artal tar-Repozizzjoni) fil-Ġimgħa Mqaddsa, jew il-Proċessjoni tal-Passjoni. Hawn ukoll uħud li lesti jagħmlu xogħol ta’ volontarjat ma’ persuni b’xi diżabilità jew ta’ xi għamla oħra. B’dawn l-inizjativi żgħar, inkunu qegħdin bil-mod, il-mod, inqassru d-distanzi bejna u bejnhom.
It-Tieni kategorija
b. Dawk li huma urtati minħabba ċerti prinċipji ta’ tagħlim li tiddefendi l-Knisja jew minħabba deċiżjonijiet tal-Awtorità Ekkleżjastika. Forsi dawn huma każijiet l-iktar diffiċli. Iżda jeħtieġ li ma nkomplux inkabbru u nħarxu l-pjaga li diġa teżisti f’qalbhom. Inkunu lesti biex nagħtu l-għajnuna tagħna kbira jew żgħira jekk huma jkunu jeħtieġuha jew b’xi mod juru li jixtiequha. Forsi f’din il-kwalità ta’ għajnuna, anki sempliċi bħal p.eż. nagħmlulhom appuntament biex jiltaqgħu jew ikellmu xi ħadd, lil dawn in-nies, għandha nippreferuhom u nieqfu magħhom iktar milli nagħmlu ma’ dawk li qegħdin dejjem ma djulna.
It-Tielet kategorija
c. Dawk tat-tielet kategorija huma fi ħtieġa kbira li jkollhom mhux biss tagħlim eżatt dwar il-Knisja, iżda wkoll li jkollhom informazzjoni oġgettiva dwar il-ħidmiet u l-azzjoni tal-Knisja f’pajjiżna u barra minn pajjiżna.
J’alla, kollha kemm aħna, nikkoltivaw fina, l-imħabba lejn Kristu, li għandna narawh fil-persuna tal-proxxmu tagħna, flimkien ma’ l-għarfien tat-tagħlim tiegħu u xewqa ħerqana li nwasslu l-veritajiet salvifiċi tal-Knisja ta’ Kristu, lil ħutna l-bnedmin.
+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex