Nru. 354
DIĊEMBRU 2003
Fil-ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli (8,26-40) nsibu l-istorja ta’ l-ewwel pagan li kkonverta u ħaddan ir-reliġjon nisranija, uffiċjal għoli tar-Reġina Candace tal-Etjopja. Dan kien qiegħed jivvjaġġja fuq il-karru tiegħu meta laħqu Filippu, wieħed mid-djakni, u sabu jaqra b’leħen għoli silta mill-ktieb ta’ Iżaija kapitlu 53 li jitkellem dwar Kristu, “Il-Qaddej tal-Mulej” u jħabbar minn qabel li kellu jsofri u jkun miċħud mill-poplu ta’ Izrael. Filippu staqsieħ jekk kienx jifhem dak li kien qed jaqra. Difatti il-ministru tal-Etjopja ma kienx qiegħed jifhem il-kliem ta’ Iżaija għaliex staqsa lil Filippu, jekk l-profeta kienx qiegħed jitħadded dwaru nnifsu jew dwar xi ħadd ieħor. Imbagħad stieden lil Filippu biex jirkeb ħdejh fuq il-karru u dan spjegalu li dik kienet profezija dwar Kristu u min irid isir dixxiplu ta’ Kristu jeħtieġlu jirċievi l-Magħmudija. Billi kienu għaddejjin minn ħdejn wied bl-ilma l-ministru qallu “Ara hawn l-ilma, x’inhu jżomni li ma nitgħammidx?” L-istorja spiċċat billi niżlu fl-ilma u Filippu għammed l-uffiċjal għoli ta’ l-Etjopja.
L-istess mistoqsija li għamel Filippu lill-uffiċjal ta’ l-Etjopja nistgħu nagħmluha aħna lilna nfusna: “Qiegħed tifhem dak li qed taqra?”, għax jista’ jiġri li nkunu naqraw bla ma nifhmu sewwa dak li nkunu nlissnu, mhux għaliex nieqsa l-intelliġenza fina, iżda ġħaliex forsi nkunu aljenati jew għajjenin, jew ma ngħamlux ħilitna biex indawwlu moħħna bit-tagħlim li nirċievu. Inġib xi eżempiĠ
(a) Waqt il-Quddiesa, meta naqraw il-Messal jew il-lezzjonarju, qegħdin nifhmu dak li naqraw? Ma ninsewx li l-Iskrittura Mqaddsa hija l-kelma ta’ Alla, u għalhekk għandha tinqara bid-devozzjoni, mingħajr għaġġla.
(b) Fir-reċita tal-Brevjar qegħdin nifhmu dak li naqraw? Qegħdin nosservaw dawk it-tliet avverbi “digne, attente, et devote. ” Il-post u l-ħin li fih ngħidu l-Brevjar huma adattati għalih?
(c) Il-meditazzjoni u l-qari spiritwali, nifhmu dak li naqraw u nirriflettu fuqu hekk li nitħeġġu f’qalbna bl-imħabba lejn Alla u nagħmlu proponimenti sodi li bihom nimxu ’l quddiem fil-qdusija?
Il-ministru ta’ l-Etjopja kien skolar tajjeb li jisma’ u jitgħallem u aħna sal-mewt dejjem baqgħalna x’nitgħallmu, għalhekk għad li aħna saċerdoti jeħtieġilna nkunu aħna wkoll skolari doċili u diliġenti.
Nixtieq nieħu din l-okkażjoni biex nixtieq lil kull wieħed minnkom “il-Milied it-Tajjeb” u “Sena tajba”mimlija b’risq u barka mill-Mulej.
+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex