Nru. 346
APRIL 2003
Id-dinja kattolika qegħda tistenna bil-ħerqa l-enċiklika l-ġdida dwar l-Ewkaristija, li kif ġie imħabbar, il-Papa Ġwanni Pawlu II għandu jippublika fl-okkażjoni ta’ Ħamis ix-Xirka.
Aħna s-saċerdoti, bħal l-insara l-oħra u iżjed minnhom wkoll nistennew din l-enċiklika b’interess kbir u f’dawn il-ftit ġranet li fadal qabel il-publikazzjoni tagħha, nħejju ruħna għaliha. Naħseb li minn issa għandna naraw x’nistgħu nagħmlu aħna biex din l-enċiklika tkun ta’għajnuna mhux biss għalina personalment biex nikbru fid-devozzjoni tagħna lejn l-Ewkaristija, iżda wkoll biex tiggwidana fil-ħidma pastorali tagħna.
Ta’ min josserva qabel xejn li fis-seklu XX il-Papiet kellhom xi enċiklika jew dokument importanti dwar il-misteru ewkaristiku. Biżżejjed insemmu bħala eżempju l-Mirae Charitates ta’ Ljun XIII u l-Mysterium Fidei ta’ Pawlu VI, ninnotaw ukoll li fil-waqt li fis-sostanza, dawn id-dokumenti jtennu l-istess prinċipji, imma f’kull wieħed ftit jew wisq hemm il-marka jew il-libsa tal-epoka, li fiha inkitbu.
L-istess ħaġa nistħajjel li tiġri fl-enċiklika li qegħdin nistennew; jiġi mtenni fiha it-tagħlim tal-Knisja Kattolika, dwar l-Ewkaristija, dak li t-teologu Hans Urs Von Balthasar jsejħilhom “punti fermi”, imma jkun fiha wkoll xi novità u xi tagħlim ieħor li huwa wisq meħtieġ għall-kattoliċi tat-tielet millenju u ta’ l-era post-konċiljari.
Fiha x’fiha l-enċiklika żgur li jekk naqrawha u nimmeditawha kif imiss għandha tagħmilna iktar konxji mir-responsabiltà tagħna bħala saċerdoti tal-liġi l-Ġdida u mill-kobor tas-Sagrifiċċju li noffru ta’ kuljum lil Alla.
Dawn is-sentimenti huma espressi b’mod hekk sabiħ fil-ktieb ta’ l-Imitazzjoni ta’ Kristu, IV ktieb kapitlu V “Kemm hu kbir l-misteru ta’ l-Ewkaristija, u kemm hu għoli l-ġieh ta’ Saċerdot, li jista’ jagħmel dak li anqas l-Anġli ma jistgħu jagħmlu!”
L-enċiklika l-ġdida bla dubbju għandha tfakkarna fil-ġid spiritwali immens li joħroġ bħala frott tal-Quddiesa biex inkunu iktar rikonoxxenti lejn Alla u nroddulu ħajr, anki f’isem l-insara l-oħra li forsi jinsew dan id-dejn ta’ gratitudni.
Ikompli jgħidilna l-Kempis fi tmiem tal-kapitlu “Waqt il-quddiesa tiegħu, s-Saċerdot ikun qiegħed jagħti ġieh ’l Alla, l-Anġli jifirħu bil-hena, l-Knisja titgħaxxaq bih, iwettaq il-mistrieħ lill-mejtin u jaqla’ għalih innifsu sehem ta’ kull ġid għar-ruħ.”
Nixtieq ninqeda b’din l-okkażjoni biex nissuġerixxi lil ħuti fis-saċerdozju sabiex naqbdu f’idejna l-enċiklika dwar l-ewkaristija, nieħduha biċċa biċċa u għal xi ġranet nagħmlu meditazzjoni fuqha kif ukoll l-eżami tal-kuxjenza biex naraw jekk ahiex nonqsu f’xi ħaġa rigward id-dmirijiet tagħna lejn l-Ewkaristija.
Hemm ċerti punti mbagħad li nixtieq insemmihom u nfakkarhom għaliex fl-opinjoni tiegħi utli ħafna għal qawmien spiritwali tal-insara ta’ pajjiżna. Ninsistu iktar fuqhom, fil-priedki, konferenzi, fil-Qrar u fid-Direzzjoni SpiritwaliĠ
1. Il-parteċipazzjoni devota u attiva fil-Quddiesa tal-Ħadd u possibilment anki fil-ġranet tax-xogħol.
2. It-tqarbina iktar frekwenti speċjalment fost l-irġiel.
3. Il-ħtieġa ta’ kuxjenza bla pis tad-dnub mejjet f’dawk li jqersqu jitqarbnu.
4. Il-preparazzjoni xierqa tat-tfal għall-Ewwel Qrara u l-Ewwel Tqarbina.
5. Il-vista lil Ġesù Sagramentat, anki iktar minn darba kuljum.
6. Il-ġenuflessjoni u l-adorazzjoni b’devozzjoni u b’qima kbira lejn l-Ewkaristija
+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex