Nru. 349
LULJU 2003
Wieħed awtur darba qal li “Fis-seklu dsatax il-Knisja tilfet il-ħaddiema, fis-seklu għoxrin tilfet l-intellettwali.” Dan il-ġudizzju żgur li mhux imbiegħed ħafna mill-verità oġġettiva, għad li f’pajjiżna din l-apostasija tal-klassi tal-ħaddiema u ta’ l-intelligentia, ma nħassitx hekk bil-qawwi kif inħasset f’pajjiżi oħra kattoliċi ta’ l-Ewropa. Madanakollu, kemm fost il-ħaddiema, kif ukoll fost l-intelletwali hemm min għandu ċerti preġudizzi kontra l-Kleru; hemm ukoll min ma jħoss li għandu ebda rabta mal-Knisja, ħlief forsi f’ċerti aspetti li huma marġinali ħafna.
Huma x’inhuma l-fatti, anke jekk mhux kollox ward u żahar, kemm l-ħaddiema u kemm l-intelletwali għandhom ikunu fil-mira tal-ħidma pastorali tagħha u ta’ l-impenn saċerdotali li janimana.
Aħna s-servizzi tagħna noffruhom lil kulħadd, mingħajr preferenzi u mingħajr ma neskludu lil ħadd. Hekk per eżempju, fil-Liturġija tas-Siegħat nitolbu għal kulħadd, inqaddsu għal dawk kollha li għadhom jiġu jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, namministraw is-Sagramenti, mingħajr ma nħarsu lejn distinzjoni ta’ klassi jew ta’ kundizzjoni soċjali. Madanakollu naħseb li taqblu miegħi li kemm il-ħaddiema, kif ukoll l-intellettwali għandhom ikollhom post speċjali fil-karità pastorali tagħna, għandna nħossuna onorati meta tiġina l-okkażjoni li nagħmlu kuntatt magħhom u li noffrulhom is-servizzi tagħna. Ma ninsewx li fis-soċjetà huma l-elementi l-iktar attivi, kemm il-ħaddiema għax minnhom tiddependi fuq kollox l-ekonomija tal-pajjiż, kif ukoll l-intellettwali għaliex huma li jidderiġu s-soċjetà u jfasslu l-ġejjieni ta’ pajjiżna.
In konnessjoni mal-ħaddiema, kemm manwali kif ukoll klerikali, kemm fl-industrija kif ukoll fil-biedja, kont ktibt fit-tul fil-pastorali tiegħi Il-Knisja u n-nies tax-Xogħol tas-17 ta’ Frar 1980 u fost l-oħrajn għamilt dawn ir-rimarki: “Id-dmir li l-Knisja tkun preżenti fost il-ħaddiema, li tagħraf u tifhem il-problemi tagħhom, il-Knisja tħossu bħala dmir l-iktar importanti u urġenti. L-ewwelnett għaliex hija rċeviet minn għand Kristu l-ordni li twassal il-messaġġ Tiegħu lill-bnedmin ta’ kull kundizzjoni fil-ħajja, inklużi l-ħaddiema: “Morru fid-dinja kolha xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu”(Mk.16,15). Issa biex isalva l-umanità, Kristu nkarna, jiġifieri ħa l-ġisem u sar wieħed minna l-bnedmin, “kollox bħalna minbarra d-dnub”(Lhud 4,15). Hekk ukoll il-Knisja li tkompli l-missjoni Tiegħu jeħtieġ li bħalu tgħaddi minn dan il-proċess ta’ inkarnazzjoni billi titħallat mal-bnedmin ta’ kull żmien u ta’ kull art li tkun qegħda tevanġelizza, tkellimhom bil-lingwaġġ tagħhom, taċċetta fehmiethom, drawwiethom u
l-elementi l-oħra tal-kultura tagħhom, sakemm dawn ma jmorrux kontra l-qdusija, li tagħha l-Knisja għandha tagħti xhieda fid-dinja. Il-ħidma tal-evanġelizzazzjoni fost il-ħaddiema, għalhekk titlob mhux biss li ma jkunx hemm firda bejniethom u l-Knisja, iżda wkoll li l-Knisja taqsam man-nies tax-xogħol, il-ferħ u n-niket, it-tama u l-biża ta’ ħajjithom. Barra minn hekk, il-Knisja tħoss il-ħtieġa li tkun preżenti fost il-ħaddiema għax hija tqishom bħala wliedha; xi wħud qrib ħafna lejha, oħrajn forsi xi ftit imbegħdin minnha; iżda kollha wliedha u bħala tali għandhom il-jedd għall-attenzjoni, għall-imħabba u għas-solidarjetà tagħha”(ara Il-Kelma tar-Ragħaj, vol. III, paġ. 87-88).
Rigward l-intellettwali, naħseb li rridu noqogħdu iktar attenti biex niskopru x’qegħdin jistennew minn għandna. Il-formazzjoni saċerdotali kif issir fiż-żminijietna, anki bl-istudji li jagħmlu s-saċerdoti l-ġodda f’universitajiet barra mill-pajjiż, il-Kleru tagħna għandu livell ta’ kultura suffiċjenti biex jista’ jiddjaloga anki ma’ professjonisti u nies ta’ kultura profana. Madanakollu ma tantx inħallu impressjoni tajba bi priedki ta’ nofs kedda, għalhekk qatt ma huwa żejjed li l-omeliji, it-taħdidiet tagħna u l-interventi fuq il-“mass-media”, inħejjuhom mill-aħjar li nistgħu.
Ma ninsewx fl-aħħarnett li għadd sabiħ ta’ żgħażagħ tagħna jiffrekwentaw l-università u jagħmlu korsijiet ta’ edukazzjoni terzjarja. Da parti tagħna, jeħtieġ li jkollna mpenn speċjali rigward iż-żgħażagħ universitarji tagħna. Xi ftit minnhom huma membri tal-Għaqdiet Kattoliċi, iżda kemm dawn kif ukoll dawk li m’humiex membri tal-Għaqdiet Kattoliċi jeħtieġ li nieħdu ħsiebhom u noffrulhomk is-servizzi tagħna.
+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex