Nru. 353
NOVEMBRU 2003
M’ilhux ħafna li għaddiet il-“Ġurnata Missjunarja” li fiha bħas soltu sar talb għall-Missjonijiet u l-ġabra għall-ħtiġijiet tagħhom. Iżda l-Komunità Kattolika jeħtieġ li tgħin l-Opri Missjunarji mhux biss darba fis-sena, iżda ta’ kuljum għaliex il-ħtieġa tal-għajnuna tinħass kontinwament u ma nistgħux ninjorawha. Difatti l-ispirtu missjunarju li għandu janima il-membri kollha tal-komunità, Kleru u Lajċi jeħtieġ li ma jintefhiex jew inin, iżda li jibqa’ mkebbes u jidher b’mod ċar. Meħtieġ li kull membru tal-Poplu t’Alla jagħraf u jwettaq id-dmir missjunarju tiegħu.
Din l-osservazzjoni nsibuha wkoll fid-Digriet Konċiljari Ad Gentes fin-numru 36 li jgħid: “Il-fidili kollha, bħala membri ta’ Kristu ħaj, li saru, bil-Magħmudija, bl-Ewkaristija u bil-Griżma, sehem mill-Ġisem tiegħu u jixbhuh, għandhom id-dmir li ġej mill-uffiċċju tagħhom ta’ nsara li jikkooperaw biex il-Ġisem tiegħu jikber u jinfirex biex mill-aktar fis iwassluh għall-milja tiegħu. Ghalhekk l-ulied kollha tal-Knisja għandu jkollhom kuxjenza ħajja tar-responsabiltà tagħhom lejn id-dinja, irawwmu fihom infushom spirtu tassew kattoliku, u jagħtu l-enerġija tagħhom fix-xogħol ta’ l-evanġelizzazzjoni. Iżda jeħtieġ li l-insara kollha jagħrfu illi l-ewwel u l-aqwa dmir tagħhom għat-tixrid tal-Vanġelu huwa li jgħixu profondament il-fidi nisranija. Għaliex il-ħerqa tagħhom fis-servizz ta’ Alla u l-karità tagħhom lejn l-oħrajn iġibu żiffa spiritwali ġdida għall-Knisja kollha li tkun tidher bħala sinjal mgħolli fuq il-ġnus, “dawl tad-dinja”(Mt 5,14) u “ melħ ta’ l-art”(Mt 5,13).”
Il-Papa Ġwanni Pawlu II li iktar minn darba ta’ prova kemm hu qawwi fih l-ispirtu missjunarju, jitkellem b’mod ċar ħafna fuq l-erba’ Opri Missjunarji Pontifiċji, fl-enċiklika Redemptoris Missio fin-numru 84 fejn jgħid “L-erba’ Opri – l-Opra għall-Propagazzjoni tal-Fidi, l-Opra ta’ San Pietru Appostlu, l-Opra tas-Santa Infanzja, u l-Unjoni Missjunarja – għandhom għan wieħed li jqanqlu spirtu missjunarju universali fil-Poplu kollu ta’ Alla. L-għan propju u speċifiku ta’ l-Unjoni Missjunarja hu dak li tnissel spirtu missjunarju fis-saċerdoti u r-reliġjużi, irgiel u nisa, u tagħtihom formazzjoni missjunarja xierqa biex imbagħad jagħmlu l-istess ħaġa fil-komunitajiet insara; tfittex imbagħad iġġib ’il quddiem l-Opri l-oħra, li tagħhom hi qisha r-ruħ. “Il-motto tagħha għandu jkun ‘Il-knisja kollha għall-konverżjoni tad-dinja kollha’.”
Jidher li l-Papa jagħmel enfasi speċjali fuq l-Unjoni Missjunarja tal-Kleru u jispjegalna tajjeb ħafna għal fejn isservi din l-organizzazzjoni u x’ġid tista tagħmel.
Din l-Unjoni xi snin ilu kienet teżisti fil-gżira tagħna u deversi saċerdoti u seminaristi kienu miktubin fiha, iżda wara ċertu żmien kienet ġiet fix-xejn. F’dawn l-aħħar xhur l-Unjoni Missjunarja tal-Kleru, reġgħet bdiet tagħmel il-laqgħat tagħha u tixtieq li minn dawn il-laqgħat joħroġ xi ġid kemm għall-membri nfushom kif ukoll għall-bnedmin l-oħra li għalihom isir it-talb u li tinghatalhom xi għajnuna.
Ninqeda b’din il-ħarġa ta’ l-Ad Clerum biex nistieden lis-saċerdoti jinkitbu f’din l-Opra Pontifiċja tant imfaħħra mill-Papiet. Min jitħajjar isir membru, jista jikkuntattja lid-Direttur Djoċesan Mons Anton Saliba jew lil xi wieħed mill-Vigarji Foranji.
+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex