Archive for October, 2013

Stqarrija tal-Isqfijiet Maltin dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jirregola l-Unjonijiet Ċivili

Niżżel l-istqarrija minn hawn: 113-stqarrija-tal-isqfijiet-mlt.pdf

Bishops’ statement: 113-bishops-statement-eng.pdf

Traġedja oħra fil-Mediterran: Stqarrija tal-Isqfijiet Maltin

Quddiem traġedja oħra li seħħet ilbieraħ qrib Lampedusa, meta dgħajsa mgħobbija b’immigranti nqalbet fil-baħar u numru ta’ persuni tilfu ħajjithom fl-ibħra tal-Mediterran, ġimgħa wara traġedja simili li ħalliet ‘il fuq minn 300 persuna mejta, l-Isqfijiet Maltin illum ħarġu stqarrija li fiha talbu li jittieħdu azzjonijiet konkreti biex jiġu prevenuti ġrajjiet simili.

Niżżel l-istqarrija minn hawn: 112_stqarrija_isqfijiet_mlt.pdf

Intervent tal-Isqof Mario Grech waqt l-Assemblea Ġenerali tal-Kunsill tal-Konferenzi Episkopali Ewropej

Assemblea Ġenerali tal-Kunsill tal-Konferenzi Episkopali Ewropej
“ALLA U L-ISTAT: EWROPA BEJN LAJĊITÀ U LAJĊIŻMU”
3- 6  ta’ Ottubru 2013 

Intervent tal-Isqof Mario Grech

LAJĊI LI JIBNU L-EWROPA
Għalkemm mhuwiex nisrani, il-filosofu Jürgen Habermas isostni li d-demokraziji Ewropej ma jistax ikollhom fundament etiku jekk ma jkollhomx l-esperjenza reliġjuża! Sentenza oħra li timbuttana biex nirriflettu hija dik li jgħid wieħed espert fil-liġi kostituzzjonali, Ernst-Wolfgang Böckenförde, li l-Istat liberali sekularizzat ma jistax jassigura li l-istess prinċipji li jmexxuh ser jiġu rispettati! L-istess jista’ jingħad dwar il-kunċett ta’ lajċità posittiva: ir-realtajiet temporali għalkemm ma jaqgħux taħt l-umbrella tal-Knisja, xorta mhumiex miftuma mill-prinċipji etiċi.

Spiss jiġri li d-diskors dwar il-lajċità nillimitawh għar-relazzjoni bejn Stat u Knisja jew xi istituzzjoni reliġjuża oħra.  Imma nemmen li hemm dimensjoni oħra li ma għandniex nitraskuraw: il-preżenza tal-lajkat Kattoliku fis-soċjetà. Sfortunatament, wara li ġiet fit-tmiem il-Kristjanità, il-Kattoliċi Ewropej baqgħu ma għarfux x’inhi s-sejħa tagħhom fil-qasam soċjali u politiku u dan minkejja li l-Konċilju Vatikan II tana viżjoni u direzzjoni dwar dan.  Ħafna drabi dan seħħ għaliex ma rnexxilniex nrawmu fidi adulta!  Tlifna l-appuntament mal-istorja: il-Knisja fl-Ewropa ma ħadmitx daqskemm kellha taħdem biex tifforma lajkat matur. Għadna ma fhimniex biżżejjed lill-istess Konċilju.

Biex ikunu jistgħu jgħinu lis-soċjetà lajka tikkonforma ruħha mas-sewwa, il-lajċi Nsara qabel xejn għandhom bżonn jiffurmaw sewwa l-kuxjenza tagħhom.  L-esperjenza turina li lajkat sajjem mill-Vanġelu mhux biss huwa preżenza bierda imma xi drabi ukoll kawża ta’ ħafna ħsara għall-istess lajċità. Wara li jirċievu formazzjoni adegwata, solida u qawwija, il-lajċi Nsara jistgħu jagħtu sehemhom biex ikollna lajċità awtentika. Għalhekk jekk aħna l-Insara rridu nkunu ċittadini tajba u nikkontribwixxu ħalli tinbena soċjetà lajka li tkun taqbel mal-pjan ta’ Alla, huwa meħtieġ li nieħdu b’aktar impenn il-katakeżi tal-adulti.

Ittra Pastorali tal-Isqof Mario Grech dwar il-Viżta Pastorali

Mons. Isqof Mario ħareġ ittra pastorali li biha ħabbar il-ftuħ tal-Viżta Pastorali fid-djoċesi ta’ Għawdex.

Niżżel id-document pdf minn hawn:

35-2013-niltaqghu-mal-imhabba-ta-alla-ittra-pastorali-vizta-pastorali.pdf

Mons. Isqof Mario Grech jiltaqa’ mal-Azzjoni Kattolika ta’ Għawdex

azzjoni-kattolika-ghawdex-2013.jpg

Antoine Vassallo
President Djoċesan
Azzjoni Kattolika
Għawdex

 26 ta’ Settembru 2013

 

Għażiż Antoine,

Kien pjaċir tiegħi li nhar il-Erbgħa li għaddiet kont preżenti għal-laqgħa tad-Direttorju djoċesan. Apprezzajt l-impenn ta’ dawk preżenti. Innutajt li għalkemm bħala Azzjoni Kattolika għandkom id-diffikultajiet u l-isfidi, il-ħeġġa appostolika mhix nieqsa fikom.

Ninqeda b’din in-nota biex infakkar fit-tliet suġġerimenti li qsamt magħkom waqt il-laqgħa: (a) li fir-rigward ta’ azzjoni pastorali mal-irġiel, tistudjaw jekk huwiex possibli li f’kooperazzjoni mal-kappillani toffru katekezi lill-membri tal-fratellanzi; (b) li tikkunsidraw jekk tistgħux torganizzaw “missjoni parrokkjali” li tiffoka fuq xi żona periferika tal-parroċċa; (ċ) li filwaqt li tikkonsolidaw il-ħidmiet li qed isiru, tipproponu lill-membri “Azzjoni Kattolika” b’dimensjoni soċjali. F’dan il-qasam, żgur li l-kamp tal-assistenza soċjali joffri opportunità. (d) Fuq kollox huwa importanti li l-Azzjoni Kattolika tkun skola ta’ talb.

Riflessjoni fuq uħud mid-dokumenti tal-Konċilju Vatikan II għandha tgħin lill-membri japprofondixxu l-għarfien tal-identità tagħhom bħala lajċi u tal-missjoni tagħhom fil-Knisja u fid-dinja tal-lum. Jekk dan l-għarfien jibqa’ nieqes, jibqa’ difettuż is-sehem tal-lajkat Kattoliku.

Filwaqt li ntennilkom l-appoġġ tiegħi, minn qalbi nirringrazzjakom tal-imħabba li għandkom lejn Kristu u l-Knisja tiegħu.

 

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Tiftaħ il-Viżta Pastorali f’Għawdex

logo-vizta-pastorali-ghawdex-2013.jpg

Il-Viżta Pastorali

«Niltaqgħu mal-Imħabba ta’ Alla»

Nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Ottubru, Festa tad-Dedikazzjoni tal-Katidral ta’ Għawdex, Mons. Isqof Mario Grech se jiftaħ uffiċċjalment il-Viżta Pastorali fid-djoċesi tagħna. Il-Viżta hi mifruxa fuq sentejn, u qed issir fl-okkażjoni tal-150 Sena mit-twaqqif tad-Djoċesi ta’ Għawdex (li tħaddan il-gżejjer ta’ Għawdex u Kemmuna), li se niċċelebraw fis-16 ta’ Settembru 2014.

L-Iskop tal-Viżta hu li flimkien, bħala komunità waħda, nagħmlu esperjenza tal-imħabba ta’ Alla. Permezz tal-Viżta, il-Knisja f’Għawdex, fil-persuna tal-Isqof u tal-komunitajiet Insara, trid twassal il-messaġġ tal-ħniena infinita li Alla għandu lejn kull persuna. Kif qed jgħidilna ta’ spiss Papa Franġisku, l-ewwel aħbar u l-akbar aħbar li trid twassal il-Knisja hi l-imħabba salvifika ta’ Alla.

Il-logo tal-Viżta, maħdum minn Cynthia Saliba, juri s-Salib ta’ Kristu li, b’idejh miftuħa, iħaddan il-poplu Għawdxi, irrappreżentat mit-tliet għoljiet. Is-Salib għandu forma ta’ baklu, li jirrappreżenta l-ministeru tal-Isqof bħala ragħaj. L-Isqof jidher qiegħed jiġbor il-merħla (irrappreżentata wkoll mit-tliet għoljiet) biex isaħħaħha fil-fidi, jgħinha tiġġedded u flimkien magħha jkompli jimxi lejn Kristu l-Mulej.

Il-ftuħ tal-Viżta se jsir permezz ta’ konċelebrazzjon solenni fil-Katidral, nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Ottubru, fis-6.00pm.

L-ewwel żjara tal-Isqof se ssir fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.