Archive for the 'Letters' Category

“We need to dialogue with the Muslim world” - Bishop Grech

bunson-fatima.jpgOPEN LETTER TO CHRISTIANS AND MUSLIMS ON THE OCCASION OF THE MARIAN YEAR

As time goes by we are progressively seeing an ever increasing number of foreigners living and working among us. It would be really silly of us to think of them as a threat or as a purely economic resource. It is a real pity that there are those among us who are tempted to regard them as some kind of inferior class of people and so they despise them even with violent acts or they take advantage of their vulnerability. This is the case when they are exploited by being made to work for a pittance without the benefit of social security as required by law, or when they are offered shelter at rental rates far higher than is normally the case.

Their presence among us does not constitute simply a social and cultural challenge, but it has also a religious dimension. Indeed among these foreigners there is a sizeable presence of Muslims, both those coming from African countries and those from Eastern Europe…

Read the Letter in English:  open-letter-to-christians-and-muslims.pdf

Aqra l-Ittra bil-Malti: ittra-miftuha-lill-insara-u-l-musulmani.pdf

Photo: Virgin Mary and Jesus, old Persian miniature. In Islam, they are called Maryam and Isa.

L-Isqof Mario Grech iniedi Sena Marjana fid-Djoċesi ta’ Għawdex

Read Bishop Grech’s Pastoral Letter on the Marian Year in the Diocese of Gozo: 64-2018-pastoral-letter-marian-year.pdf

64/2018

Ittra Pastorali

tal-E.T. Mons. Mario Grech

 

 

il-madonna-ta-pinu-dettall-amadeo-perugino-1619.jpgSENA MARJANA FID-DJOĊESI

Wasalt fi tmiem iż-żjara pastorali tiegħi fost il-missjunarji tagħna fil-Perù. Kienu ġranet sbieħ li mlewni b’ħafna ferħ u tama. Hemmhekk xammejt ir-riħa tqila tal-miżerja soċjali, imma fl-istess waqt iltqajt ma’ Knisja mimlija ħajja, żagħżugħa u kollha entużjażmu. Il-parroċċi tagħhom ma għandhomx il-ġid li għandna aħna, fis-sens li huma nieqsa ħafna mhux biss mill-mezzi materjali imma fuq kollox mis-saċerdoti u r-reliġjużi; imma mbagħad huma mogħnija b’ħafna għana spiritwali. In-nies għandhom fidi sempliċi imma awtentika. Għandhom programmi interessanti ta’ katekeżi, kemm għat-tfal u kemm għall-kbar. Ilmaħt għadd ġmielu ta’ lajċi li għandhom diversi ministeri. Il-liturġija tagħhom ma għandha xejn minn tat-teatru, imma tara l-komunità kollha tipparteċipa bil-ferħ u l-passjoni. Fuq kollox, rajt Knisja li għandha għal qalbha l-foqra: hija Knisja li tagħmel differenza fil-ħajja ta’ ħafna, speċjalment ma’ dawk li jkunu tilfu kull tama.

Hemmhekk kelli esperjenza ta’ Knisja li rċeviet u għadha tirċievi ħafna mill-Knisja f’Għawdex. Farraġni qatigħ il-fatt li, waqt li kont fuq art tal-missjoni, kien hemm ħafna x’jikkonfermali li jien ragħaj ta’ Knisja missjunarja, fis-sens li l-Knisja f’Għawdex għandha ħafna għal qalbha l-missjoni! Biżżejjed insemmi lil Dun Raymond Portelli mill-Parroċċa tan-Nadur u lil Patri Giovanni Cefai u Patri Victor Zammit, it-tnejn mill-Parroċċa taż-Żebbuġ, u lil Patri Marċell Portelli mill-Parroċċa tal-Fontana – it-tlieta membri tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl. Dawn is-saċerdoti, li tassew jagħmlulna ġieħ, jgħiduli li l-missjoni tagħhom isserraħ fuq l-appoġġ spiritwali u materjali ta’ bosta Għawdxin u Maltin! Dan napprezzah ħafna. Continue reading >>

Id-devozzjoni lejn l-Erwieħ - Ittra tal-Isqof Mario Grech

63/2018

Ittra lill-Poplu ta’ Alla
tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Read Bishop Grech’s Letter: Devotion to the Holy Souls: 63-2018-devotion-to-the-holy-souls.pdf

all-souls.jpgDan l-aħħar, persuna rrakkontatli kif qalgħet grazzja bl-interċessjoni tal-erwieħ. Fissritli li wara li talbet bil-qalb lil xi familjari u ħbieb mejtin biex iressqu l-karba tagħha quddiem Ġesù, hija kellha konferma li hu wieġeb għat-talba tal-erwieħ! L-argument ta’ din il-persuna huwa sempliċi ħafna: meta dawk li jħobbuha jagħlqu għajnejhom għal din id-dinja, wara li jkunu għaddew mit-tisfija huma jaraw lil Alla wiċċ imb wiċċ; misjuqin minn din l-istess imħabba u għożża, dawn l-erwieħ li qegħdin fil-preżenza ta’ Alla, jidħlu għalina quddiemu.

Spiss jiġri li, meta nkunu nixtiequ nħabbtu l-bieb tas-Sema, aħna nfittxu l-appoġġ tal-qaddisin. Nagħmlu sew, għax kif tgħallem il-Knisja, il-qaddisin fis-Sema jgħixu quddiem il-Mulej u ma jieqfu qatt jitolbu għalina quddiem il-Missier. Il-ħerqa tagħhom ta’ aħwa tgħin ħafna d-dgħufija tagħna (ara Lumen Gentium, 49). Continue reading >>

L-Isqof Grech jiftaħ ‘Bieb Qaddis’ fost il-ħabsin fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

ccf-1.jpgIlbieraħ l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech żar il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fejn fetaħ l-ewwel ‘Bieb tal-Ħniena’.
Sib mehmuża r-riflessjoni li hu qasam mal-ħabsin: 2015-12-09-ittra-lil-huti-fil-facilita-korrettiva.pdf

Ritratti: MHAS Continue reading >>

L-Isqof Grech jikteb lit-Tfal dwar l-imħabba lejn il-ħolqien

MARIO GRECH
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Ittra lit-Tfal
fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ta’ Talb għall-Ħarsien tal-Ħolqien
(1 ta’ Settembru 2015)

img_8271.jpg
Għeżież tfal,

Il-vaganzi tas-sajf waslu biex jintemmu u dalwaqt terġgħu tiltaqgħu ma’ sħabkom u mal-għalliema fl-iskejjel tagħna.

Mela dan l-aħħar kont qiegħed inżur familja u l-kliem waqa’ fuq l-iskola. F’din il-familja hemm żewġ ulied: tifel u tifla. Jiena se nsemmihom Matthew u Francesca biex ma nikxifx min huma tassew. Matthew kien qed jgħid lill-mamà u l-papà tiegħu li din is-sena jrid basket tal-iskola li jkun l-isbaħ wieħed tal-klassi. Qabżet Francesca u qalet lill-mamà li hi ma riditx basket ġdid għall-iskola. Ommha stagħġbet! Ta’ kull sena, bħal dan iż-żmien, Francesca kienet titlobha basket ġdid tal-iktar karattru famuż ta’ Disney fil-mument. Francesca weġbitha hekk lil ommha: “Matul dan is-sajf kont qiegħda l-Museum. Il-katekista qaltilna li l-Papa Franġisku għadu kemm bagħat ittra lin-nies tad-dinja kollha li fiha kellimna fuq il-ħtieġa li nibżgħu għall-ambjent. Il-katekista għallmitna li skont il-Papa d-dinja hija d-dar ta’ kull min jgħix fiha. Imma aħna l-bnedmin l-iktar li nagħmlulha ħsara u hemm bżonn li ma nibqgħux sejrin hekk”. Matthew ddeffes u qal: “Mela jien il-Gvern biex noqgħod responsabbli tal-ambjent?”. Francesca weġbitu bil-kalma kollha: “Matthew, kieku kulħadd jagħti s-sehem żgħir tiegħu, kieku l-ambjent ikun ħafna aħjar! Fost l-oħrajn il-katekista qaltilna li għandna nużaw l-affarijiet sakemm ikunu għadhom tajbin biex ma narmux oġġetti li għadna nistgħu nużaw”. Francesca kompliet tirrakkonta kif hi kienet diġà tefgħet għajnejha fuq basket ġdid tal-iskola. Imma meta filgħaxija, wara l-Museum, kienet qed titlob, ħasset lil Ġesù jgħidilha f’qalbha li l-basket li għandha għadu tajjeb u m’għandhiex għalfejn tixtri ieħor. Continue reading >>

Solidarjetà mal-Isqfijiet Maltin fil-Kenja

garissa-bishops.jpgIl-W.R. Patri Martin Micallef OFMCAP
Provinċjal tal-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini Maltin

9 ta’ April 2015

Għażiż Provinċjal,

Illejla sirt naf li waslu f’pajjiżna l-Isqof Paul Darmanin u l-Isqof Joe Alessandro.  Meta dan l-aħħar segwejna l-inċidenti vjolenti li ferew gravament il-komunità ekkleżjali tagħhom, aħna ħassejna rwieħna viċin ħafna tagħhom.  Jekk jogħġbok, nitolbok twasslilhom it-tislijiet fraterni tiegħi personali u tal-Knisja f’Għawdex.  Kif jista’ jikkonferma l-Isqof Darmanin, ir-rabtiet bejn il-komunità Nisranija f’Għawdex u dik ta’ Garissa jmorru lura fis-snin.  Fi spirtu ta’ solidarjetà magħhom u mal-Knisja fdata fil-kura pastorali tagħhom, aħna nwegħduhom li nitolbu magħhom għall-paċi f’pajjiżhom.  Inħoss li għandi nirringrazzjahom għax-xhieda tagħhom.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Ritratt: Ħajr www.tvm.com.mt

JUM IL-MISSJONI: L-Isqof Mario Grech jikteb lill-Missjunarji Għawdxin

mission-sunday.jpg

ITTRA MIFTUĦA LILL-MISSJUNARJI GĦAWDXIN

Għeżież Saċerdoti, Reliġjużi u Lajċi Għawdxin li qegħdin fil-Missjoni,

Għal ħafna dalgħodu sebaħ jum bħas-soltu; imma għalija huwa jum speċjali, għax waqt li niftakar li llum il-Knisja qiegħda tiċċelebra Jum il-Missjoni, f’qalbi bdew għaddejjin l-ismijiet tagħkom li tinsabu f’diversi pajjiżi tal-“Missjoni”. Għalhekk qed nikteb dawn l-erba’ kelmiet biex insellmilkom!

Jekk f’ċertu sens intom tidhru assenti mill-ħajja ta’ kuljum tagħna għax tinsabu ’l bogħod u rari tkunu fl-aħbarijiet, nassigurakom li l-preżenza tagħkom tinħass sewwa fostna u fina.

Hija preżenza ħiemda għax bla ebda ħoss; imma fl-istess waqt preżenza ħajja, kemm għaliex intom il-ġieħ tagħna, kif ukoll għaliex b’mod jew ieħor inħossuna parteċipi mill-avventura tagħkom bħala ħabbara tal-Bxara t-tajba ta’ Ġesù Kristu. Infatti, nista’ ngħid li fostna huma ħafna dawk li “jinqdew” bikom biex huma wkoll jieħdu sehem fil-mandat missjunarju li Ġesù ta lill-Knisja tiegħu – qed nirreferi għal dawk fostna li, billi ma jistgħux ikunu huma personalment fil-Missjoni, jikkollaboraw magħkom u jgħinukom biex twettqu l-proġetti tagħkom b’risq il-bniedem sħiħ. Dan l-aħħar kont għand tabib u qalli li wieħed minnkom ta’ kull sena jibgħatlu ritratt tiegħu fil-Missjoni. Xtaqt rajthom dawn ir-ritratti – u kienu hemm iżejnu l-uffiċċju tal-klinika tiegħu! Jekk tiġu nieqsa intom, inkunu tlifna r-rappreżentanza f’din il-ħidma qaddisa. Kunu afu li d-dedikazzjoni tagħkom fil-Missjoni timla l-pulmun ta’ ħafna bl-ossiġnu tal-ħajja! Il-fatt li aħna niftakru li intom qegħdin f’isem Ġesù takkumpanjaw lill-foqra u tgħinuhom ma jitilfux it-tama, lilna jagħtina l-qawwa biex kull jum jisbaħ jum ġdid u sabiħ.

Ta’ dan kollu f’isem il-Knisja f’Għawdex minn qalbi rroddilkom ħajr.

Imma qabel nagħlaq, nixtieq nagħti tislima speċjali lil Dun Ġamri Cauchi, li fis-7 ta’ Novembru li ġej ser ikun ilu 50 sena li telaq mill-parroċċa tal-Għarb biex ikun missjunarju fil-Brażil. Nitlob lil Alla biex, kif Elija ħalla l-mantar tiegħu lil Eliżew u hekk dan ħa mill-ispirtu tal-profeta, Dun Ġamri jħallilna l-“mantar” tiegħu biex il-Knisja f’Għawdex issaħħaħ id-dakra missjunarja tagħha.

Sliem minn Alla Misiserna.

20 ta’ Ottubru 2013

+ Mario Grech

Mons. Isqof Mario Grech jiltaqa’ mal-Azzjoni Kattolika ta’ Għawdex

azzjoni-kattolika-ghawdex-2013.jpg

Antoine Vassallo
President Djoċesan
Azzjoni Kattolika
Għawdex

 26 ta’ Settembru 2013

 

Għażiż Antoine,

Kien pjaċir tiegħi li nhar il-Erbgħa li għaddiet kont preżenti għal-laqgħa tad-Direttorju djoċesan. Apprezzajt l-impenn ta’ dawk preżenti. Innutajt li għalkemm bħala Azzjoni Kattolika għandkom id-diffikultajiet u l-isfidi, il-ħeġġa appostolika mhix nieqsa fikom.

Ninqeda b’din in-nota biex infakkar fit-tliet suġġerimenti li qsamt magħkom waqt il-laqgħa: (a) li fir-rigward ta’ azzjoni pastorali mal-irġiel, tistudjaw jekk huwiex possibli li f’kooperazzjoni mal-kappillani toffru katekezi lill-membri tal-fratellanzi; (b) li tikkunsidraw jekk tistgħux torganizzaw “missjoni parrokkjali” li tiffoka fuq xi żona periferika tal-parroċċa; (ċ) li filwaqt li tikkonsolidaw il-ħidmiet li qed isiru, tipproponu lill-membri “Azzjoni Kattolika” b’dimensjoni soċjali. F’dan il-qasam, żgur li l-kamp tal-assistenza soċjali joffri opportunità. (d) Fuq kollox huwa importanti li l-Azzjoni Kattolika tkun skola ta’ talb.

Riflessjoni fuq uħud mid-dokumenti tal-Konċilju Vatikan II għandha tgħin lill-membri japprofondixxu l-għarfien tal-identità tagħhom bħala lajċi u tal-missjoni tagħhom fil-Knisja u fid-dinja tal-lum. Jekk dan l-għarfien jibqa’ nieqes, jibqa’ difettuż is-sehem tal-lajkat Kattoliku.

Filwaqt li ntennilkom l-appoġġ tiegħi, minn qalbi nirringrazzjakom tal-imħabba li għandkom lejn Kristu u l-Knisja tiegħu.

 

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex