Intervent tal-Isqof Mario Grech waqt l-Assemblea Ġenerali tal-Kunsill tal-Konferenzi Episkopali Ewropej

Assemblea Ġenerali tal-Kunsill tal-Konferenzi Episkopali Ewropej
“ALLA U L-ISTAT: EWROPA BEJN LAJĊITÀ U LAJĊIŻMU”
3- 6  ta’ Ottubru 2013 

Intervent tal-Isqof Mario Grech

LAJĊI LI JIBNU L-EWROPA
Għalkemm mhuwiex nisrani, il-filosofu Jürgen Habermas isostni li d-demokraziji Ewropej ma jistax ikollhom fundament etiku jekk ma jkollhomx l-esperjenza reliġjuża! Sentenza oħra li timbuttana biex nirriflettu hija dik li jgħid wieħed espert fil-liġi kostituzzjonali, Ernst-Wolfgang Böckenförde, li l-Istat liberali sekularizzat ma jistax jassigura li l-istess prinċipji li jmexxuh ser jiġu rispettati! L-istess jista’ jingħad dwar il-kunċett ta’ lajċità posittiva: ir-realtajiet temporali għalkemm ma jaqgħux taħt l-umbrella tal-Knisja, xorta mhumiex miftuma mill-prinċipji etiċi.

Spiss jiġri li d-diskors dwar il-lajċità nillimitawh għar-relazzjoni bejn Stat u Knisja jew xi istituzzjoni reliġjuża oħra.  Imma nemmen li hemm dimensjoni oħra li ma għandniex nitraskuraw: il-preżenza tal-lajkat Kattoliku fis-soċjetà. Sfortunatament, wara li ġiet fit-tmiem il-Kristjanità, il-Kattoliċi Ewropej baqgħu ma għarfux x’inhi s-sejħa tagħhom fil-qasam soċjali u politiku u dan minkejja li l-Konċilju Vatikan II tana viżjoni u direzzjoni dwar dan.  Ħafna drabi dan seħħ għaliex ma rnexxilniex nrawmu fidi adulta!  Tlifna l-appuntament mal-istorja: il-Knisja fl-Ewropa ma ħadmitx daqskemm kellha taħdem biex tifforma lajkat matur. Għadna ma fhimniex biżżejjed lill-istess Konċilju.

Biex ikunu jistgħu jgħinu lis-soċjetà lajka tikkonforma ruħha mas-sewwa, il-lajċi Nsara qabel xejn għandhom bżonn jiffurmaw sewwa l-kuxjenza tagħhom.  L-esperjenza turina li lajkat sajjem mill-Vanġelu mhux biss huwa preżenza bierda imma xi drabi ukoll kawża ta’ ħafna ħsara għall-istess lajċità. Wara li jirċievu formazzjoni adegwata, solida u qawwija, il-lajċi Nsara jistgħu jagħtu sehemhom biex ikollna lajċità awtentika. Għalhekk jekk aħna l-Insara rridu nkunu ċittadini tajba u nikkontribwixxu ħalli tinbena soċjetà lajka li tkun taqbel mal-pjan ta’ Alla, huwa meħtieġ li nieħdu b’aktar impenn il-katakeżi tal-adulti.