Mons. Isqof Mario Grech jiltaqa’ mal-Azzjoni Kattolika ta’ Għawdex

azzjoni-kattolika-ghawdex-2013.jpg

Antoine Vassallo
President Djoċesan
Azzjoni Kattolika
Għawdex

 26 ta’ Settembru 2013

 

Għażiż Antoine,

Kien pjaċir tiegħi li nhar il-Erbgħa li għaddiet kont preżenti għal-laqgħa tad-Direttorju djoċesan. Apprezzajt l-impenn ta’ dawk preżenti. Innutajt li għalkemm bħala Azzjoni Kattolika għandkom id-diffikultajiet u l-isfidi, il-ħeġġa appostolika mhix nieqsa fikom.

Ninqeda b’din in-nota biex infakkar fit-tliet suġġerimenti li qsamt magħkom waqt il-laqgħa: (a) li fir-rigward ta’ azzjoni pastorali mal-irġiel, tistudjaw jekk huwiex possibli li f’kooperazzjoni mal-kappillani toffru katekezi lill-membri tal-fratellanzi; (b) li tikkunsidraw jekk tistgħux torganizzaw “missjoni parrokkjali” li tiffoka fuq xi żona periferika tal-parroċċa; (ċ) li filwaqt li tikkonsolidaw il-ħidmiet li qed isiru, tipproponu lill-membri “Azzjoni Kattolika” b’dimensjoni soċjali. F’dan il-qasam, żgur li l-kamp tal-assistenza soċjali joffri opportunità. (d) Fuq kollox huwa importanti li l-Azzjoni Kattolika tkun skola ta’ talb.

Riflessjoni fuq uħud mid-dokumenti tal-Konċilju Vatikan II għandha tgħin lill-membri japprofondixxu l-għarfien tal-identità tagħhom bħala lajċi u tal-missjoni tagħhom fil-Knisja u fid-dinja tal-lum. Jekk dan l-għarfien jibqa’ nieqes, jibqa’ difettuż is-sehem tal-lajkat Kattoliku.

Filwaqt li ntennilkom l-appoġġ tiegħi, minn qalbi nirringrazzjakom tal-imħabba li għandkom lejn Kristu u l-Knisja tiegħu.

 

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex