Archive for November, 2009

Sussidju 2009 Avvent 2009

Sussidju: Ħaduh Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej - Avvent 2009 
X’fih dan is-sussidju mħejji mid-Djoċesi ta’ Għawdex:
1.    Is-Saċerdozju tat-Testment il-Qadim
2.    Is-Saċerdozju ta’ Kristu fl-Ittra lil-Lhud    
3.    Lectio Divina fuq Lhud 4:14—5:10
4.    Il-qari tal-Ħdud tal-Avvent – SENA Ċ
5.    Għajnuna għall-Omelija tal-Ħdud tal-Avvent
6.    Novena tal-Milied
7.    Ċelebrazzjoni tal-Kelma ta’ Alla u stqarrija tal-Fidi      
8.    Meditazzjoni quddiem il-Presepju       
9.    Ktieb tan-Novena għat-Tfal

L-EWKARISTIJA U L-PASTORALI TAL-“ĦSIEB”
Diskors tal-ET Mons Isqof Mario Grech
fl-okkażjni tal-Festa ta’ Kristu Re u fl-Għeluq tal-Kungress Ewkaristiku Djoċesan

Iktar ritratti minn hawn

L-EWKARISTIJA U L-PASTORALI TAL-“ĦSIEB”

Tkun irresponsabilità gravi tal-poplu t’Alla f’dawn il-gżejjer jekk ma joffrix sehemu fl-iżvilupp uman u sħiħ tas-soċjetà. Għalkemm għandna ħafna tajjeb madwarna, huwa fatt li qed naraw ukoll ċerti esperjenzi li qed jirrendu l-ħajja ta’ xi wħud tqila. Jekk mhux fil-familji tagħna stess, żgur li qrib tagħna hemm sitwazzjonijiet li jitolbu azzjoni biex il-bniedem jerġa’ jibda jgħix! Ċerti tragedji umani fil-poplu tagħna ma jistgħux ma jqanqlux fina l-istess sentiment li ġarrab Alla meta ra l-poplu tiegħu fl-eżilju: “Ħarist u rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi fl-Eġittu. Smajt il-karba tagħhom minħabba fl-argużini tagħhom u għaraft l-uġiegħ tagħhom. Issa nżilt biex neħlishom minn idejn l-Eġizzjani u biex intellagħhom minn din l-art (tal-eżilju) u neħodhom f’art tajba u wiesgħa, f’art li tnixxi ħalib u għasel” (Eż 3,7-8). Bħalma dakinhar Alla bagħat lil Mosè biex itaffi l-uġiegħ, illum Alla qed jafda dan l-impenn lilna!

Continue reading >>

Patri Joe Bonello OFM - Bijografija

frjosebonello.jpg

Nhar it-Tnejn 22 ta’ Novembru 2010, il-Qdusija tiegħu Papa Benedittu XVI innomina lil Patri Joe Bonello OFM (Provinċja Franġiskana San Pawl Appostlu - Malta) bħala Isqof Koadjutur tad-djoċesi ta’ Juticalpa, Olancho, fil-Ħonduras.

Patri Joe Bonello OFM twieled ix-Xagħra, Għawdex, nhar l-4 t’April 1961, it-tielet minn erbat itfal tal-mibkija Victor u Nazzarena Sultana. Beda n-Novizzjat tiegħu mal-Patrijiet Franġiskani (OFM) fil-Kunvent ta’ Sant’Antnin, Għajnsielem, nhar it-2 t’Ottubru 1977. Għamel il-Professjoni temporanja nhar l-1 t’Ottubru 1978 u dik Solenni nhar it-28 t’Awissu 1983 fil-Knisja ddedikata lil Marija Bambina, ix-Xaghra. Wara li ġie ordnat Djaknu nhar id-29 ta’ Ġunju 1984 huwa kien ordnat saċerdot mill-Eċċ. Tiegħu Mons. Ġużeppi Mercieca nhar is-7 ta’ Lulju 1985 fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann.

Patri Joe għamel l-istudji tiegħu fl-iskola Primarja tax-Xagħra, fl-iskejjel Sekondarji tax-Xagħra, Victoria u l-Ħamrun. Studja l-Filosofija u t-Tejoloġija fl-INSERM (Istitut Nazzjonali Studji Ekkleżjastiċi għar-Reliġjużi Maltin).
Continue reading >>

LAQGĦA PLENARJA TAL-COMECE

comece_logo_anim_neu.gifIllum (il-Ġimgħa 20 ta’ Novembru 2009) tiġi fi tmiemha l-Laqgħa Plenarja tal-COMECE, il-Kummissjoni tal-Isqfijiet Ewropej li għandha s-sede tagħha fi Brussels. L-Isqof Mario Grech, li huwa membru fi ħdan din il-Kummissjoni, jirrappreżenta lill-Konferenza Episkopali Maltija.

Matul dawn it-tlett ijiem, l-isqfijiet irriflettew dwar temi diversi li jinteressaw ir-relazzjonijiet tal-Knisja mal-istituzzjonijiet Ewropej. Wieħed mill-argumenti ċentrali ta’ din il-laqgħa plenarja kien it-Trattat ta’ Lisbona li għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru li ġej, partikularment dwar artiklu 17 ta’ dan it-trattat li jistabilixxi li għandu jkun hemm djalogu bejn l-Unjoni Ewropeja u l-Knejjes u l-komunitajiet reliġjużi.

Continue reading >>

KWIEKEB UMANI LI QED JIĠĠARRFU

Meta kien qed jipprietka waqt quddiesa pontifikali fiż-Żebbuġ, Għawdex, nhar il-Ħadd 15 ta’ Novembru 2009, fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Fortunatu, l-isqof t’Għawdex Mons Mario Grech qasam dan il-messaġġ:

“Familja li titkisser, żagħżugħ li jittaqqab, missier li jisfa’ bla xogħol, mara sfruttata sesswalment, huma bħal kwiekeb sbieħ li qed jaqgħu u jitkissru!

Tkun ħasra jekk naħsbu li ċerti ġrajjiet li jissemmew fl-Evanġelju, bħal meta jingħad li x-xenx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija u l-kwiekeb jaqgħu, huma biss referenza għal x’għad jiġri fl-aħħar tad-dinja. L-istess sinjali ta’ tmermir jidhru fis-soċjetà ta’ żminijietna.

Huwa iblah il-bniedem li ma jammettix li llum ukoll hemm kwiekeb li qed jiġġarrfu – mhux dawk li nsibu f’xi kostellazzjoni stellari, imma huma dawk il-bnedmin li jinsabu għaddejjin minn esperjenzi umani traġiċi.

Continue reading >>

KONFERMA LI L-PAPA BENEDITTU XVI SE JŻUR MALTA

Pope Bendict XVI

Il-Papa Benedittu XVI se jżur Malta s-Sibt 17 u l-Ħadd 18 ta’ April 2010, fl-okkażjoni tal-1950 anniversarju tan-nawfraġju ta’ San Pawl. Il-Papa se jasal Malta s-Sibt wara nofsinhar u jħalli pajjizna l-Ħadd filgħaxija. Mal-wasla tiegħu, wara laqgħat mal-ogħla Awtoritajiet Ċivili, il-Qdusija Tiegħu se jżur il-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat. Il-Ħadd filgħodu, il-Papa se jmexxi ċelebrazzjoni tal-Quddiesa fuq il-Fosos tal-Furjana u wara nofsinhar, laqgħa maż-żgħażagh fil-Valletta Waterfront.
Il-konferma taż-żjara tal-Papa Benedittu XVI qed titħabbar wara li fit-12 ta’ Settembru sar magħruf li kien hemm possibilita’ li l-Papa jżur Malta s-sena d-diehla. Dan kien possibbli wara l-istedina mill-Isqfijiet ta’ Malta u mill-President tar-Repubblika.
Id-dettalji dwar il-programm taż-żjara tal-Papa jitħabbru aktar ‘il quddiem.

 

The Maltese Herald - 10 ta’ Novembru 2009

The Maltese Herald Logo

Fil-paġna Aħbarijiet minn Għawdex ta’ The Maltese Herald, Charles Spiteri jikteb dwar

L-Assemblea tal-Ftuħ tas-Sena Soċjali tal-Azzjoni Kattolika
Mandat ta’ letturi, kanturi, animaturi u ostjarji
Maratona Sportiva fis-Seminarju

IN-NISRANI FIL-POLITIKA
Lekċer pubbliku tal-isqof Mons. Mario Grech fl-“Iskola Fortunato Mizzi”
31 ta’ Ottubru 2009

In-nies tagħna qed jitilfu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi.  Għalkemm għandna parti mill-poplu li għandha alleanza ma’ xi partit politiku jew ieħor minħabba dak kollu li din l-alleanza tista’ ssarraf għall-gwadann personali, ma jidhirx li għandna daqstant nies li huma interessati fil-politika.  Hemm dawk li huma partiġġjani imma m’humiex politiċi!  Hu probabbli li wieħed mill-motivi għaliex dan qed iseħħ huwa għax id-demokrazija rappreżentattiva tinsab fi kriżi, liema kriżi tikxef problema aktar wiesgħa u serja: il-kriżi tal-kultura u taċ-ċiviltà f’din il-fażi ta’ tranżizzjoni minn epoka moderna għal epoka post-moderna.  Meta l-valuri li fuqhom iserraħ l-ekwilibriju istituzzjonali jinbidlu jew jevaporaw, l-istituzzjonijiet (il-familja, l-iskejjel, ix-xogħol, is-sistema politika, eċċ) jibdew juru konsenturi.  Il-kriżi strutturali tindika li qed nitilfu s-sens etiku tal-ħajja.

Dan josservah il-Papa Benedittu XVI meta jikteb li “minħabba l-influwenza ta’ fatturi ta’ ordni kulturali u ideoloġiku, is-soċjetà ċivili u sekulari llum hija mitlufa – tinsab f’sitwazzjoni ta’ fixla u konfużjoni.  Intilfet l-evidenza oriġinarja tal-fundament tal-essri uman u tal-imġieba etika tiegħu.  Id-duttrina fuq il-liġi morali naturali qed tiskontra ruħha ma’ fehmiet li huma ċ-ċaħda diretta tagħha.  Dan kollu għandu konsegwenzi gravi fuq l-ordni ċivili u soċjali”

Niżżel il-verżjoni sħiħa minn hawn