Archive for the '2009' Category

L-EWKARISTIJA U L-PASTORALI TAL-“ĦSIEB”
Diskors tal-ET Mons Isqof Mario Grech
fl-okkażjni tal-Festa ta’ Kristu Re u fl-Għeluq tal-Kungress Ewkaristiku Djoċesan

Iktar ritratti minn hawn

L-EWKARISTIJA U L-PASTORALI TAL-“ĦSIEB”

Tkun irresponsabilità gravi tal-poplu t’Alla f’dawn il-gżejjer jekk ma joffrix sehemu fl-iżvilupp uman u sħiħ tas-soċjetà. Għalkemm għandna ħafna tajjeb madwarna, huwa fatt li qed naraw ukoll ċerti esperjenzi li qed jirrendu l-ħajja ta’ xi wħud tqila. Jekk mhux fil-familji tagħna stess, żgur li qrib tagħna hemm sitwazzjonijiet li jitolbu azzjoni biex il-bniedem jerġa’ jibda jgħix! Ċerti tragedji umani fil-poplu tagħna ma jistgħux ma jqanqlux fina l-istess sentiment li ġarrab Alla meta ra l-poplu tiegħu fl-eżilju: “Ħarist u rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi fl-Eġittu. Smajt il-karba tagħhom minħabba fl-argużini tagħhom u għaraft l-uġiegħ tagħhom. Issa nżilt biex neħlishom minn idejn l-Eġizzjani u biex intellagħhom minn din l-art (tal-eżilju) u neħodhom f’art tajba u wiesgħa, f’art li tnixxi ħalib u għasel” (Eż 3,7-8). Bħalma dakinhar Alla bagħat lil Mosè biex itaffi l-uġiegħ, illum Alla qed jafda dan l-impenn lilna!

Continue reading >>

IN-NISRANI FIL-POLITIKA
Lekċer pubbliku tal-isqof Mons. Mario Grech fl-“Iskola Fortunato Mizzi”
31 ta’ Ottubru 2009

In-nies tagħna qed jitilfu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi.  Għalkemm għandna parti mill-poplu li għandha alleanza ma’ xi partit politiku jew ieħor minħabba dak kollu li din l-alleanza tista’ ssarraf għall-gwadann personali, ma jidhirx li għandna daqstant nies li huma interessati fil-politika.  Hemm dawk li huma partiġġjani imma m’humiex politiċi!  Hu probabbli li wieħed mill-motivi għaliex dan qed iseħħ huwa għax id-demokrazija rappreżentattiva tinsab fi kriżi, liema kriżi tikxef problema aktar wiesgħa u serja: il-kriżi tal-kultura u taċ-ċiviltà f’din il-fażi ta’ tranżizzjoni minn epoka moderna għal epoka post-moderna.  Meta l-valuri li fuqhom iserraħ l-ekwilibriju istituzzjonali jinbidlu jew jevaporaw, l-istituzzjonijiet (il-familja, l-iskejjel, ix-xogħol, is-sistema politika, eċċ) jibdew juru konsenturi.  Il-kriżi strutturali tindika li qed nitilfu s-sens etiku tal-ħajja.

Dan josservah il-Papa Benedittu XVI meta jikteb li “minħabba l-influwenza ta’ fatturi ta’ ordni kulturali u ideoloġiku, is-soċjetà ċivili u sekulari llum hija mitlufa – tinsab f’sitwazzjoni ta’ fixla u konfużjoni.  Intilfet l-evidenza oriġinarja tal-fundament tal-essri uman u tal-imġieba etika tiegħu.  Id-duttrina fuq il-liġi morali naturali qed tiskontra ruħha ma’ fehmiet li huma ċ-ċaħda diretta tagħha.  Dan kollu għandu konsegwenzi gravi fuq l-ordni ċivili u soċjali”

Niżżel il-verżjoni sħiħa minn hawn