KWIEKEB UMANI LI QED JIĠĠARRFU

Meta kien qed jipprietka waqt quddiesa pontifikali fiż-Żebbuġ, Għawdex, nhar il-Ħadd 15 ta’ Novembru 2009, fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Fortunatu, l-isqof t’Għawdex Mons Mario Grech qasam dan il-messaġġ:

“Familja li titkisser, żagħżugħ li jittaqqab, missier li jisfa’ bla xogħol, mara sfruttata sesswalment, huma bħal kwiekeb sbieħ li qed jaqgħu u jitkissru!

Tkun ħasra jekk naħsbu li ċerti ġrajjiet li jissemmew fl-Evanġelju, bħal meta jingħad li x-xenx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija u l-kwiekeb jaqgħu, huma biss referenza għal x’għad jiġri fl-aħħar tad-dinja. L-istess sinjali ta’ tmermir jidhru fis-soċjetà ta’ żminijietna.

Huwa iblah il-bniedem li ma jammettix li llum ukoll hemm kwiekeb li qed jiġġarrfu – mhux dawk li nsibu f’xi kostellazzjoni stellari, imma huma dawk il-bnedmin li jinsabu għaddejjin minn esperjenzi umani traġiċi.

Għalija familja li titkisser, żagħżugħ li jittaqqab, missier li jisfa’ bla xogħol, mara sfruttata sesswalment, huma bħal kwiekeb sbieħ li qed jaqgħu u jitkissru!

Hija ħaġa tal-iskantament li meta nisimgħu diskors dwar l-aħħar tad-dinja ninkwetaw u nallarmaw ruħna; imbagħad meta għandna tant “kwiekeb umani” li qed jitwaqqgħu, nibqgħu indifferenti u passivi.

Skont l-Iskrittura dan il-proċess ta’ qerda jibda meta l-bnedmin jipprofonaw it-tempju u jaħarbu mit-tempju t’Alla (ara Mk 13,14), bħalma qed jagħmel il-bniedem illum, li wara li ma baqax jirrispetta t-tempju bħala post qaddis, issa qiegħed jitbiegħed minnu. Huwa fatt li f’pajjiżna għandna kważi 50% li “ħarbu” mit-tempju għax għażlu li ma jieħdux sehem fil-quddies tal-Ħadd. Billi ħrabna mit-tempju, qed nassistu għall-qerda ta’ tant “kwiekeb” umani!

Huwa għalhekk li fl-okkażjoni tal-Kungress Ewkaristiku li qed isir fid-djoċesi t’Għawdex, qed isir appell biex l-Insara jerġgħu jibdew japprezzaw il-Jum tal-Ħadd bħala “il-jum tat-tempju” għax il-komunità Nisranija tiltaqa’ għall-Ewkaristija. L-esperjenza tal-quddiesa mhux biss tnaqqas il-proċess ta’ tmermir morali, imma tgħin biex ikun hemm proċess ta’ restawrazzjoni morali.