LAQGĦA PLENARJA TAL-COMECE

comece_logo_anim_neu.gifIllum (il-Ġimgħa 20 ta’ Novembru 2009) tiġi fi tmiemha l-Laqgħa Plenarja tal-COMECE, il-Kummissjoni tal-Isqfijiet Ewropej li għandha s-sede tagħha fi Brussels. L-Isqof Mario Grech, li huwa membru fi ħdan din il-Kummissjoni, jirrappreżenta lill-Konferenza Episkopali Maltija.

Matul dawn it-tlett ijiem, l-isqfijiet irriflettew dwar temi diversi li jinteressaw ir-relazzjonijiet tal-Knisja mal-istituzzjonijiet Ewropej. Wieħed mill-argumenti ċentrali ta’ din il-laqgħa plenarja kien it-Trattat ta’ Lisbona li għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru li ġej, partikularment dwar artiklu 17 ta’ dan it-trattat li jistabilixxi li għandu jkun hemm djalogu bejn l-Unjoni Ewropeja u l-Knejjes u l-komunitajiet reliġjużi.

L-Isqfijiet analizzaw ukoll sentenza importanti li tat il-Qorti Federali Kostituzzjonali tal-Ġermanja f’Ġunju li għadda dwar kif it-Trattat ta’ Lisbona huwa konformi mal-Liġi tal-pajjiż. Din is-sentenza, li ħolqot ħafna diskussjoni fl-Ewropa, tindika liema huwa dawk is-suġġetti li jiffurmaw parti mill-identità tal-pajjiż u għaldaqstant l-Unjoni Ewropea m’għandux ikollha kompetenza biex tindaħal dwarhom. Huma l-organi kostituzzjonali tal-pajjiżi membri li għandhom id-dmir li jaraw li ma jkunx hemm din l-interferenza mill-Unjoni Ewropeja.

Bl-għajnuna tar-rappreżentant tas-Santa Sede, li huwa Osservatur Permanenti fil-Kunsill tal-Ewropa fi Strasburg, l-isqifijiet għamlu valutazzjoni ta’ Sentenza mogħtija mill-Qorti Ewropeja għad-Drittijiet Umani fil-bidu ta’ dan ix-xahar biex jitneħħa s-salib mill-klassijiet fl-iskejjel Taljani.  Reazzjoni qawwija  kontra din is-sentenza waslet mhux biss minn Knejjes oħra mhux Kattoliċi, imma minn ħafna pajjiżi oħra.

L-Isqfijiet bdew jiddiskutu proposta ta’ proġett għas-sena li ġejja li ser tkun “is-Sena Ewropeja  kontra l-faqar”.