Archive for the '2010' Category

Il-Familja u l-ħajja umana

Waqt l-omelija, fl-okkażjoni tal-festa ta’ Sant’Ursula li saret illum [il-Ħamis 21 ta’ Ottubru 2010] fil-Katidral t’Għawdex, l-Isqof Mario Grech wassal dan il-messaġġ:

Wieħed japprezza li hawn bnedmin li tant iħobbu l-ħajja li jixtiequ jgħinu biex tintrebaħ l-infertilità. Ikun jagħmel dmiru meta l-bniedem jgħożż u jġib ’il quddiem il-ħajja; imma għax mhux sid il-ħajja, il-bniedem jista’ biss jilqa’ l-ħajja bħala don minn Alla. Il-ġenituri għandhom dritt għall-att li jista’ jwassal għat-tnissil tal-ulied, iżda l-ulied ma huma dritt ta’ ħadd.  Meta l-ulied isiru oġġett ta’ gratifikazzjoni personali, dan imur kontra d-dinjità umana tagħhom. Huwa għalhekk li l-att prokreattiv ma jistax jinfired mill-att unittiv tar-raġel u l-mara li, għax jinħabbu, ingħaqdu fiż-żwieg.

Continue reading >>

KNISJA APPOSTOLIKA
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Pontifikal ta’ Missierna San Pawl
Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu, il-Belt Valletta – It-Tnejn 18 ta’ Ottubru 2010

Il-Knisja “dawl tal-ġnus”

Ir-rakkont tan-nawfraġju ta’ Missierna Pawlu fuq ix-xtut tagħna, li jagħtina Luqa fl-Atti tal-Appostli, f’ċertu sens huwa r-rakkont tal-ġrajja tal-lum!  Għaliex fostna għaddejja tempesta.  Il-ħalel kbar tal-baħar kulma jmur qegħdin jipperikolaw il-ħajja ta’ ħafna individwi, tal-familji tagħna, tal-komunitajiet Insara, u anki l-ħajja tas-soċjetà tagħna.

Imma r-rakkont tan-nawfraġju fih nota pożittiva, li mhux biss għamlet kuraġġ lil dawk li kienu ma’ Pawlu fuq il-ġifen, imma tagħmel kuraġġ lilna lkoll illum.  Għax lin-nies ta’ madwaru, mhedda b’diversi modi minn dik it-tempesta, Pawlu jiżgurahom li ħadd minnhom ma kien ser jintilef.  Pawlu jagħtihom kelma assiguranti, għax Alla kien magħhom biex jirbħu l-elementi tan-natura.

U f’din iċ-ċirkustanza nixtieq naqsam magħkom aħbar tajba, għaliex anki aħna għandna x’jagħmlilna kuraġġ, x’jimlina bit-tama quddiem in-nawfraġji li qegħdin nassistu għalihom.  Fostna għandna l-preżenza ta’ Pawlu: preżenza pperpetwata permezz tal-Knisja Appostolika.

Dalwaqt niċċelebraw il-ħamsin sena minn meta beda l-Konċilju Vatikan II.  Dan il- Konċilju jagħtina kostituzzjoni dommatika sabiħa dwar il-Knisja u jirrikonoxxi l-Knisja ta’ Kristu bħala “Lumen gentium” – dawl tal-ġnus.  Il-Knisja hija msejħa biex taqbad l-istess triq ta’ Kristu ħalli twassal lill-bnedmin il-frott tal-fidwa (nru 8).  Bil-mandat li taha Kristu, il-Knisja xxandar il-Bxara t-Tajba u tfejjaq lill-bniedem minn kull xorta ta’ mard, mhux biss dak fiżiku imma wkoll dak spiritwali u morali.  Ma naqtgħux qalbna, għaliex fostna hija preżenti l-Knisja ta’ Kristu, dik il-Knisja illi taf it-tnissil tagħha fil-gżejjer tagħna permezz ta’ Missierna San Pawl.

Eżami tal-kuxjenza

Fl-istorja sabiħa ta’ ġensna hemm diversi episodji illi jikkonfermaw li matul dawn l-elf disa’ mija u ħamsin sena l-Knisja kienet dawl għall-poplu tagħna u strument biex il-bnedmin jiksbu l-ħelsien veru.  Allura llum nistaqsi: X’inhi r-raġuni li f’pajjiżna l-Knisja qed tiġi tant miġġielda?  Għaliex fostna għandna tant qilla kontra l-Knisja?  Għaliex illum il-Knisja mhix preżenza li ddawwal, tfejjaq, twassal il-Bxara t-Tajba u l-verità fuq ħafna aspetti tal-ħajja tagħna?  Jistax ikun illi bħala Knisja bdejna nitilfu mill-identità u l-awtentiċità tagħna?
Continue reading >>

MARIJA SINJAL TA’ FIDI, TAMA U MĦABBA
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Festa tat-Twelid tal-Verġni Marija
Parroċċa Xagħra – L-Erbgħa 8 ta’ Settembru 2010

MARIJA SINJAL TA’ FIDI, TAMA U MĦABBA

Il-ġrajjiet riċenti

Fis-sema ċar u kaħlani li jħabbar il-Festa tal-Vittorja u jistieden lill-bniedem jiftaħ għajnejh biex iserraħhom fuq il-ġmiel ta’ Marija Bambina, dalgħodu ma nistax ma nilmaħx fdal mid-daħna li għaddiet minn fuq gżiritna nhar il-Ħadd li għadda meta tieret il-kamra tan-nar – traġedja umana li ħasditna lkoll!

Forsi qatt daqs f’dawn il-jiem, meta l-poplu Għawdxi jinsab f’dieqa għall-qerda ta’ sitt persuni, ma stajna nduqu d-dieqa ta’ ħutna Maltin u Għawdxin li fiż-żewġ assedji raw il-mewt taħsad il-ħajjiet umani.
Continue reading >>

Il-Maġisteru u l-kuxjenza

Fl-okkażjoni tal-festa tal-Madonna ta’ Loreto, li ġiet iċċelebrata lbieraħ il-Ħadd 29 ta’ Awwissu 2010, fil-parroċċa ta’ Għajnsielem, Għawdex, Mons Isqof Mario Grech mexxa quddiesa pontifikali u fl-omelija li għamel wassal dan il-messaġġ:

Il-futur jiddependi minn kemm il-bniedem ikun kapaċi jew inkapaċi li jagħżel bejn dak li hu tajjeb jew ħażin, bejn dak li hu veru jew falz. Miskina dik is-soċjetà li ssejjaħ tajjeb dak li hu ħażin!

Il-progress materjali u xjentifiku huwa akkwist utli ħafna; imma jekk il-bniedem isir moralment illitterat, il-progress jista’ jinbidel f’forza qerrieda tal-umanità.

Bil-kisbiet ta’ tant drittijiet ċivili li seħħew mal-medda tas-snin, il-bniedem sar aktar ħieles; imma jekk il-libertà tkun miftuma mill-verità, il-libertà ssir biss liċenzja biex wieħed jagħmel li jrid, u hekk jirfes id-drittijiet tal-oħrajn.

Dan kollu l-bniedem jista’ jilqa’ għalih jekk jikkura l-kuxjenza morali tiegħu. Għalkemm huwa impenn diffiċkli u delikat biex wieħed ikollu kuxjenza vera, retta u ċerta, dan huwa proċess neċessarju. Billi l-kuxjenza hija t-tmun li tagħti d-direzzjoni tal-ħajja, tkun ħasra kbira għaċ-ċittadin u għas-soċjetà jekk il-kuxjenza timrad, togħdos fl-iżball jew saħansitra titlef is-sensibiltà tagħha.

Biex wieħed iserraħ fuq il-kuxjenza tiegħu u jimxi magħha, il-kuxjenza trid tkun iffurmata u mdawla bil-verità. Din il-verità teżisti qabel il-kuxjenza: ix-xogħol tal-kuxjenza huwa li ssib u tapplika din il-verità.

Għall-Kattoliċi l-Maġisteru (duttrina) tal-Knisja huwa don provvidenzjali għax jgħallem dawk il-prinċipji tal-morali li, fid-dawl tagħhom, il-ġudizzju tal-kuxjenza jista’ jkun veru, rett u ċert. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħid li l-Maġisteru tal-Knisja jgħin fil-formazzjoni tal-kuxjenza (n.1785). Il-Maġisteru tal-Knisja mhux ostaklu, imma għajnuna mogħtija minn Kristu lill-bnedmin ta’ rieda tajba biex ifittxu, isibu u jilqgħu l-verità: huwa qiegħed hemm biex il-kuxjenza morali tasal b’mod ċert għall-verità. Il-Maġisteru tal-Knisja mhux opinjoni fost il-ħafna opinjonijiet oħra. Il-Maġisteru mhux realtà li jnaqqas, jhedded jew ineħħi l-libertà tal-kuxjenza personali, imma għajnuna li ddawwal il-kuxjenza.

Fi kliem il-Papa Pawlu VI, il-Kattoliċi għandhom juru ubbidjenza u rispett profond u leali, intern u estern, lejn il-Maġisteru tal-Knisja. Dan id-dmir ġej mill-fatt li aħna nemmnu li r-rgħajja spiritwali għandhom id-dawl tal-Ispirtu biex ifissru l-verità (Humanae Vitae, 28). Il-Konċilju Vatikan II jghallem li “meta l-isqfijiet jgħallmu f’għaqda mal-Isqof ta’ Ruma huma għandhom ikunu mismugħa minn kulħadd b’venerazzjoni bħala xhieda tal-verità divina u kattolika; il-fidili għandhom jaċċettaw il-ġudizzju tal-isqof tagħhom, mogħti f’isem Kristu, fi ħwejjeġ ta’ fidi u morali u joqogħdu għalih b’qima reliġjuża. Iżda din il-qima reliġjuża tar-rieda u tal-intellett għandha tingħata b’mod partikulari lill-maġisteru awtentiku tal-isqof ta’ Ruma, ukoll meta ma jkunx qiegħed jitkellem ex-cathedra, b’mod illi l-maġisteru l-iżjed għoli tiegħu jkun magħruf b’rispett u l-ġudizzju tiegħu jkunu obduti bis-sinċerita’ skont il-ħsieb u r-rieda li huwa juri. (Lumen Gentium n.25)

IL-FAMILJA BENNIENA TAL-VOKAZZJONI

Sintesi tal-omelija li għamel l-Isqof Mario Grech ilbieraħ il-Ħadd, 4 ta’ Lulju 2010 waqt pontifikal li qaddes fil-parroċċa tal-Għarb fl-okkażjoni tal-festa tal-Viżitazzjoni tal-Madonna lil Eliżabetta.

Waħda mill-isfidi li għandu l-bniedem illum hija li jipprova jagħraf u jimxi t-triq ta’ ħajtu  ma jaqbadx triq li ma tkunx triqtu. Miskin hu dak li jsib ruħu qed jagħmel xogħol li ma jkunx għal qalbu jew ma jkunx konvint mill-istat li jkun ħa! Biex ikun f’paċi miegħu nnifsu u jkun jista’ jipproduċi, il-bniedem ma jistax jiżbalja l-vokazzjoni tiegħu.

F’termini psikoloġiċi, wieħed ma jistax ma jkunx jaf lilu nnifsu. Huwa għandu janalizza x’inhuma l-inklinazzjonijiet naturali, ix-xewqat profondi u l-abilitajiet tiegħu biex imbagħad f’ħajtu jkun jista’ jagħmel għażliet ħalli jħossu mwettaq u realizzat. Hekk bl-għażliet partikulari li jagħmel huwa jkun qed iwieġeb għall-vokazzjoni tiegħu biex hu jkun hu u mhux dak li ħaddieħor jew iċ-ċirkustanzi jriduh li jkun. F’termini teoloġiċi, il-bniedem tal-fidi jemmen li Alla, għax ihobb lill-bniedem, għandu pjan individwali għal kull persuna. Alla jagħmel sejha lill-bniedem u dan jibqa’ fil-libertà jekk iweġibx jew le għal din il-vokazzjoni.

Continue reading >>

ILĦNA LI JAGĦTU DIREZZJONI

Sintesi tal-omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech waqt il-pontifikal tal-festa ta’ San Ġwann Battista, parroċċa tax-Xewkija, li saret nhar il-Ħadd, 27 ta’ Ġunju 2010.

Qed ngħixu fi żmien tal-immaġni u tal-kliem! Imma ħafna drabi la l-immaġni u anqas il-kliem ma jirriflettu r-realtà! Huma biss immaġni u kliem qarrieqa!

Inħoss li llum neqsin minn ilħna li jagħtu direzzjoni żgura, direzzjoni li tfittex u tħares il-ġid komuni. Billi hemm interessi personali qawwija u nibżgħu li jekk ngħidu s-sewwa nidhru koroh u hemm x’nitilfu, ħafna drabi nagħżlu li nibqgħu b’fommna mitbuq. L-omertà kull tant qed issir attitudni komda kemm għall-individwi kif ukoll għall-istituzzjonijiet. Qegħdin inbatu minn ċertu “mutiżmu” – għandna soċjetà li kultant tidher mbikkma.

Continue reading >>

ĠARAR VOJTA

Sintesi tal-omelija tal-Isqof Mario Grech fl-okkażjoni tal-festa tal-Madonna Ta’ Pinu li saret nhar it-Tlieta, 22 ta’ Jannar 2010. Mons Isqof irrifletta fuq il-ġrajja evanġelika tat-tieġ ta’ Kana.

“Għandu jħassibna l-fatt li madwarna jinħass vojt eżistenzjali: tnaqqir ta’ valuri, nixfa ta’ ideali għolja, defiċit etiku, rifjut spiritwali, nuqqas ta’ viżjoni. Din l-iskarsezza għandha rifless fil-ħajja personali, familjari u soċjali. Effett ta’ dan il-vojt eżistenzjali huma għamliet ta’ evażjoni trasgressivi, il-pessimiżmu, id-dieqa u l-frustrazzjoni.

Aktar ma l-bniedem għandu responsabiltà lejn l-oħrajn, aktar għandu jgħasses fuqu nnifsu biex ma jsibx ruħu f’dan il-baħħ eżistenzjali; altrimenti flok il-ġid jiżra’ d-deni.

Continue reading >>

IL-MEJDA EWKARISTIKA HI LAQGĦA TA’ MĦABBA INTIMA MA’ KRISTU
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Ordinazzjoni Presbiterali ta’ Dun Noel Debono u Dun Maximillian Grech
Knisja Katidrali – Il-Ħadd 13 ta’ Ġunju 2010

Kulħadd hu mistieden madwar il-mejda tal-Mulej

Jingħad illi biex tidħol f’intimità ma’ persuna oħra, mur sibha madwar mejda. Il-Mulej Ġesù, illi ried jidħol f’intimità magħna, għażel ukoll illi jlaqqagħna madwar il-medja, kif smajna fil-Vanġelu li għadu kif tħabbrilna (Lq 7,36-50). Ġesù jintasab mal-mejda tal-Fariżew. Għal Ġesù din il-mejda hija miftuħa għal kulħadd. Ħadd m’hu eskluż. M’hemm l-ebda kategorija tal-bnedmin illi għandha tħossha mhix milqugħha jew mhix aċċetatta mal-mejda tal-Mulej, kemm dawk li jieħdu sehem sħiħ mill-mejda kif ukoll dawk li, għal xi raġuni jew oħra, ma jieħdux sehem sħiħ. Imma forsi hemm dawk li jidħlu fid-dar bħal ma daħlet il-mara midinba fid-dar tal-Fariżew: għall-kurzità. Iva, il-bieb huwa miftuħ anke għal dawn biex huma wkoll jinġabru madwar il-mejda tal-Mulej.

L-Ewkaristija hi skola ta’ empatija

Nifirħu llum għaliex il-Mulej qed jipprovdi lill-Knisja tiegħu żewġt’irġiel illi huma msejħin biex joqogħdu propju mal-mejda. Hawn il-presbiteri ġodda huma mqabbda mill-Imgħallem biex il-mejda ma tibqax vojta, imma jipprovdulna dak il-ħobż li niżel mis-sema. Għeżież ordinandi, bħal Ġesù jeħtieġ ikollhom din l-apertura għal kulħadd mingħajr ma teskludu lil ħadd. Għaliex l-Ewkaristija hija skola ta’ empatija. Skola fejn il-bniedem iħossu mifhum u aċċettat. Forsi wieħed ma jkunx mifhum minn ħutu l-bnedmin; imma almenu jaf li huwa mifhum minn Alla. Li nifhmu lil ħaddieħor ma jfissirx li nkunu parteċipi f’għemilu jew li nkunu nikkonfermaw l-għażliet u l-imġieba tiegħu; imma almenu huwa jaf illi hawn xi ħadd iħobbu, u minkejja li hu kif inhu, huwa milqugħ.

Continue reading >>