- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

IL-FAMILJA BENNIENA TAL-VOKAZZJONI

Posted By admin On July 5, 2010 @ 9:06 pm In 2010 | Comments Disabled

Sintesi tal-omelija li għamel l-Isqof Mario Grech ilbieraħ il-Ħadd, 4 ta’ Lulju 2010 waqt pontifikal li qaddes fil-parroċċa tal-Għarb fl-okkażjoni tal-festa tal-Viżitazzjoni tal-Madonna lil Eliżabetta.

Waħda mill-isfidi li għandu l-bniedem illum hija li jipprova jagħraf u jimxi t-triq ta’ ħajtu  ma jaqbadx triq li ma tkunx triqtu. Miskin hu dak li jsib ruħu qed jagħmel xogħol li ma jkunx għal qalbu jew ma jkunx konvint mill-istat li jkun ħa! Biex ikun f’paċi miegħu nnifsu u jkun jista’ jipproduċi, il-bniedem ma jistax jiżbalja l-vokazzjoni tiegħu.

F’termini psikoloġiċi, wieħed ma jistax ma jkunx jaf lilu nnifsu. Huwa għandu janalizza x’inhuma l-inklinazzjonijiet naturali, ix-xewqat profondi u l-abilitajiet tiegħu biex imbagħad f’ħajtu jkun jista’ jagħmel għażliet ħalli jħossu mwettaq u realizzat. Hekk bl-għażliet partikulari li jagħmel huwa jkun qed iwieġeb għall-vokazzjoni tiegħu biex hu jkun hu u mhux dak li ħaddieħor jew iċ-ċirkustanzi jriduh li jkun. F’termini teoloġiċi, il-bniedem tal-fidi jemmen li Alla, għax ihobb lill-bniedem, għandu pjan individwali għal kull persuna. Alla jagħmel sejha lill-bniedem u dan jibqa’ fil-libertà jekk iweġibx jew le għal din il-vokazzjoni.

Fost il-kawżi li jistgħu jwasslu lil bniedem biex jiżbalja fl-għarfien tas-sejħa tiegħu, hemm in-nuqqas ta’ kunċetti ċari ta’ dak li l-bniedem irid f’ħajtu. Per eżempju, il-bniedem ihossu miġbud għaż-żwieġ, imma mbagħad huwa konfuż dwar x’inhi n-natura taż-żwieġ! Raġuni oħra li tista’ twassal biex bniedem jagħti determinazzjoni żbaljata lil ħajtu hija n-nuqqas ta’ libertà. L-influwenzi u l-kundizzjonamenti ta’ żminijietna faċli jnaqqru l-ħelsien li suppost igawdi l-bniedem meta jiġi biex jagħmel għażliet fundamentali.

Il-familja hija l-“ġuf” li fih titwieled u tikber il-vokazzjoni (fis-sens wiesgħa tal-kelma) tal-individwu. Il-familja hija l-benniena fejn titrabba u hija kkurata l-vokazzjoni. Il-familja hija l-mixtla fejn iż-żerriegħa tal-vokazzjoni tinżera’, tnibbet u tarma! Il-kapaċità tat-tfal li jagħrfu l-valur tal-ħajja u r-responsabiltà tagħhom li jimmiraw għal ideali għolja, tiddependi ħafna mix-xhieda tal-ġenituri li huma kuntenti bil-vokazzjoni tagħhom. Din il-kapaċità tal-familja li tinċidi b’mod diskret imma effikaċi fit-tfittxija tal-vokazzjoni tal-membri tagħha, tinsab fil-kapaċità edukattiva tagħha.

Il-familja li teduka hija dik li tgħin lill-membri tagħha jagħrfu lilhom infushom, l-aktar billi jsiru konxji tal-potenzjal interjuri ta’ kull wieħed. Flimkien mal-kodiċi ġenetiku, kull persuna għandha “kodiċi vokazzjonali” jew “programm ta’ hajja unika”. Jekk dan il-programm ikun irrispettat, il-persuna tgħix ħajjitha! Biex il-membri fi ħdanha jiftħu u jwettqu dan il-programm vokazzjonali, il-familja teduka għall-valuri umani: onestà, sinċerità, ġustizzja, mħabba, għaqal, eċċ. Imbagħad il-familja li trid tkabbar il-“vokazzjoni Nisranija”, trid ukoll teduka fil-fidi billi tgħin lill-membri jfasslu ħajjithom taħt il-ħarsien t’Alla.

Il-Knisja, permezz tal-Konċilju Vatikan II, ma thediex tisħaq fuq il-missjoni edukattiva tal-familja. Infatti l-ġenituri għandhom id-dmir gravi li jedukaw għaliex huma l-ewwel edukaturi prinċipali. Id-dritt tagħhom bħala edukaturi huwa dritt oriġinali u primarju, insostitwibbli u inaljenabbli, li la għandhom iċeduh u anqas iħallu lil min jeħodulhom. Bil-prudenza kollha huma jgħinu lil uliedhom fl-għażla tal-vokazzjoni tagħhom.

L-ikona tal-Viżitazzjoni tal-Madonna lil Santa Eliżabetta tippreżentalna żewġ nisa li huma tqal – waħda ġġorr fi ħdanha lil Ġesù u l-oħra lil Ġwanni l-Battista. Il-ġuf ma jiġġenerax biss ħajja bioloġika, imma ħajja umana li, jekk tirċievi l-għajnuna biex timmatura, twassal għal ġenerazzjoni ġdida. Kif Marija u Eliżabetta welldu lil uliedhom u għinuhom biex jikbru “fiż-żmien, fl-għerf u fil-grazzja”, hekk kull ġenitur fil-kuntest tal-familja jista’ jgħin ħafna biex l-ulied jagħrfu l-vokazzjoni tagħhom u jsegwuha. Dan huwa s-sigriet ta’ hajja kuntenta u produċenti.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2010/07/05/il-familja-benniena-tal-vokazzjoni/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.