MARIJA SINJAL TA’ FIDI, TAMA U MĦABBA
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Festa tat-Twelid tal-Verġni Marija
Parroċċa Xagħra – L-Erbgħa 8 ta’ Settembru 2010

MARIJA SINJAL TA’ FIDI, TAMA U MĦABBA

Il-ġrajjiet riċenti

Fis-sema ċar u kaħlani li jħabbar il-Festa tal-Vittorja u jistieden lill-bniedem jiftaħ għajnejh biex iserraħhom fuq il-ġmiel ta’ Marija Bambina, dalgħodu ma nistax ma nilmaħx fdal mid-daħna li għaddiet minn fuq gżiritna nhar il-Ħadd li għadda meta tieret il-kamra tan-nar – traġedja umana li ħasditna lkoll!

Forsi qatt daqs f’dawn il-jiem, meta l-poplu Għawdxi jinsab f’dieqa għall-qerda ta’ sitt persuni, ma stajna nduqu d-dieqa ta’ ħutna Maltin u Għawdxin li fiż-żewġ assedji raw il-mewt taħsad il-ħajjiet umani.

Huwa f’dan il-kuntest li nħossni fid-dmir li nagħmel ir-riflessjoni tiegħi f’din l-Ewkaristija li qegħdin niċċelebraw fil-festa ta’ Marija Bambina. Għalkemm fiċ-ċirkustanzi hemm min jista’ jħossu mifxul jekk mhux ukoll mitluf, xejn daqs dan il-kuntest liturġiku ma jista’ jimliena bit-tama u bil-qawwa biex inħarsu ’l quddiem filwaqt li nieħdu dawk il-passi biex kemm jista’ jkun intaffu t-tbatija.

Marija sinjal ta’ fidi

Huwa normali li quddiem ġrajja bħal din, jista’ jkun hemm min jibda jiddubita dwar Alla. Ikun hemm min jistaqsi għaliex Alla jippermetti din it-tbatija kiefra. Quddiem il-misteru tat-tbatija, mhux faċli għall-bniedem li jsib tweġiba. Imma huwa fatt li t-tbatija u s-sens ta’ disperazzjoni jkunu akbar meta l-bniedem jitlef il-fidi f’Alla. Kull ma jmur l-ateiżmu prattiku qed jinfirex anke fostna, tant li hemm min ħaddan stil ta’ hajja miftuma minn Alla!

Jekk illum qed nagħmlu festa lil Marija Bambina, dan nagħmluh għax Marija hija Omm Alla! Għalhekk, id-devozzjoni vera lejn Marija Bambina trid twassalna biex nikbru fil-fidi f’Alla u nissaħħu fil-mixja tagħna wara Kristu. Jekk Alla jeklissa mill-ħajja personali u soċjali tagħna, joktru l-kawżi tat-tbatija.

Il-kobor u l-fraġilità tal-ħajja

It-telfa traġika ta’ sitt ħajjiet umani f’inċident wieħed żgur li qanqlu riflessjoni dwar il-valur tal-ħajja! Hemm min bir-raġun staqsa dwar kemm aħna konxji kemm il-ħajja hija fraġli.

Il-festa ta’ Marija Bambina hija ċelebrazzjoni tal-ħajja! Meta qed infakkru t-twelid ta’ din it-“tarbija tas-sema”, qegħdin nistqarru li aħna nemmnu li l-ħajja umana hija sagra u għaldaqstant il-ħajja mhux biss hija valur li ma nistgħux ninnegozjawh, imma aħna fid-dmir li nħarsu l-ħajja umana mit-tnissil sal-mewt naturali.

L-esperjenza tixhdilna li l-ħajja tista’ tintemm f’tebqa t’għajn! Il-mewt kapaċi tkun wara l-bieb bla ma aħna nindunaw. Għalhekk, tajjeb li napprezzaw kull mument ta’ ħajjitna u ma nitilfux il-ħin biex nagħmlu l-ġid u nħobbu tassew. Meta wieħed iqis kemm it-tmiem jista’ jkun imprevedibbli, m’għandux iħalli għal għada biex jirranġa ma’ ġuh, biex isewwi xi inġustizzja…; fuq kollox biex jagħmel ħbieb ma’ Alla.

Ngħożżu l-familja

Nhar il-Ħadd li għadda ħames familji sebħu sewwa, imma fi tmiem il-ġurnata sabu ruħhom imkissrin – waħda minnhom inqerdet għal kollox! F’ħabta, taru mar-riħ it-tamiet u l-proġetti tagħhom. Qlub minfuda. Anke kieku kienu biss dawn il-ħames familji li huma mgħattna u midruba, il-komunità Nisranija hemm bżonn tkun solidali magħhom! Imma l-għadd tal-familji “mgħattna u midruba” qiegħed jikber!

Il-festa ta’ Marija Bambina tagħmel eku tat-trobbija u l-għożża li rċeviet fid-dar mingħand Sant’Anna u San Ġwakkin. Għalhekk, meta qed nagħtu ġieħ lil Marija Bambina, qegħdin ukoll nistqarru li nemmnu fil-valur tal-familja! Il-kliem sabiħ dwar din l-esperjenza ta’ mħabba jrid ikun imsieħeb minn azzjoni ġeneruza b’risq il-familji “mgħattna u midruba”. Investiment akbar għandu jsir f’ħidma li tħejji lill-għarajjes għaż-żwieġ u għall-ħajja miżżewġa.

In-nar fil-festi

Kulturalment il-ħruq ta-nar huwa assoċjat mal-festi reliġjużi! Inċidenti serji konnessi man-nar faċilment joħolqu tebgħa fuq iċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi. Għalhekk, ser nahtar Kummissjoni biex tgħinni nipprovdi lid-djoċesi direttivi dwar l-isparar fil-festi.

L-atteġġjament tal-komunità Nisranija quddiem it-traġedji u t-tbatija

Qabel ma ntemm din ir-riflessjoni, intenni l-appell li diġà sar biex nitolbu għall-vittmi u l-familji tagħhom. Filwaqt li nsellem lill-familji milquta u lill-komunitajiet parrokkjali rispettivi tagħhom, nesprimi l-apprezzament tiegħi għad-dedikazzjoni kollha mħabba li fil-jiem li għaddew wrew il-Kappillan Dun Joseph Bajada tal-Fontana u l-Arċipriet Mons Carmelo Mercieca tax-Xewkija.

Insellem ukoll lilkom, komunità parrokkjali tax-Xagħra, li bit-tmexxija tal-Arċipriet tagħkom Mons Carmelo Refalo fittixtu u għamiltu ġesti sinifikattivi li juru s-sensibiltà tagħkom lejn dak li ġara, partikularment billi ħloqtu u qegħdin tikkontribwixxu għal fond ta’ solidarjetà li tixtiequ turu kemm mal-familji tal-vittmi kif ukoll ma’ dawk kollha li ġarrbu xi ħsarat.

Konxju kemm ħafna drabi huwa ta’ wġigħ ir-ras u l-qalb għall-kappillani meta jiġu biex jorganizzaw il-festi, jien konvint li f’dawn iċ-ċirkustanzi għal kollox straordinarji, l-Arċipriet tagħkom, attent biex għemilu jkun kemm jista’ jkun evanġeliku u saċerdotali, dawn il-ġranet bata ħafna fid-deċiżjonijiet li kellu jieħu flimkiem mas-saċerdoti u mal-Kumitati biex kif is-soltu jiġri din il-komunità parrokkjali tagħkom tkun ta’ xhieda.

Reġina tal-Vittorji

Indur lejk, Marija Bambina: insejħulek Reġina tal-Vittorji mhux biss għax kien bl-għajnuna tiegħek li fl-istorja ta’ ġensna ksibna rebħiet kbar, imma wkoll għaliex inti rbaħt fuq id-dnub – tant li int imnissla mingħajr tebgħa –, u fuq il-mewt, tant li inti ġejt imtellgħa s-Sema bir-ruħ u l-ġisem. F’isem dan il-poplu maħsud bit-traġedja ta’ ftit jiem ilu, nitolbok tieqaf magħna biex nirbħu d-dwejjaq u l-qtigħ il-qalb li qed jaħkmu lil qlubna billi tnissel fina dik it-tama li tiġi mil-laqgħa personali tagħna ma’ Kristu Rxoxt – dak Kristu li l-Knisja tlaqqagħna miegħu fl-Ewkaristija li qegħdin niċċelebraw. Hekk ir-rebha tiegħek tkun il-vittorja tagħna. Ammen.