Waqt l-omelija, fl-okkażjoni tal-festa ta’ Sant’Ursula li saret illum [il-Ħamis 21 ta’ Ottubru 2010] fil-Katidral t’Għawdex, l-Isqof Mario Grech wassal dan il-messaġġ:
Wieħed japprezza li hawn bnedmin li tant iħobbu l-ħajja li jixtiequ jgħinu biex tintrebaħ l-infertilità. Ikun jagħmel dmiru meta l-bniedem jgħożż u jġib ’il quddiem il-ħajja; imma għax mhux sid il-ħajja, il-bniedem jista’ biss jilqa’ l-ħajja bħala don minn Alla. Il-ġenituri għandhom dritt għall-att li jista’ jwassal għat-tnissil tal-ulied, iżda l-ulied ma huma dritt ta’ ħadd. Meta l-ulied isiru oġġett ta’ gratifikazzjoni personali, dan imur kontra d-dinjità umana tagħhom. Huwa għalhekk li l-att prokreattiv ma jistax jinfired mill-att unittiv tar-raġel u l-mara li, għax jinħabbu, ingħaqdu fiż-żwieg.
Il-familja mibnija fuq żwieġ hija l-ambjent naturali fejn jitnisslu u jitwieldu l-ulied. Min inissel l-ulied għandu jkun responsabbli biżżejjed li lil uliedu jiggarantilhom ambjent ta’ familja fejn l-ulied isibu min iħobbhom u fejn huma jistgħu jħobbu. Iċ-ċivilità tkun tonqos serjament jekk toftom minn xulxin it-tnissil tal-ulied mill-kuntest tal-familja.
Meta titnissel il-ħajja umana din għandha d-dritt li tkun rispettata u megħjuna. Tkun offiża lid-dinjità tal-persuna, anke jekk tkun għadha kif tnisslet, jekk tiġi “ipparkjata” fil-freezer għal meta jkun hemm bżonnha. Jekk ma tinħoloqx l-okkażjoni biex dik il-“persuna” tiġi impjantata fil-ġuf, x’garanzija hemm li din ma tintremiex?
Wieħed jawgura li x-xjenza u l-medicina, b’rispett lejn in-normi etici, iħarsu l-ħajja umana mill-mument tat-tnissil naturali sal-mewt naturali. Ikun ħafna xieraq li soċjetà jkollha liġijiet li verament jirrispettaw id-drittijiet taċ-ċittadini, partikularment ta’ dawk l-aktar dgħajfa għax ikunu għadhom kemm tnisslu.