ILĦNA LI JAGĦTU DIREZZJONI

Sintesi tal-omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech waqt il-pontifikal tal-festa ta’ San Ġwann Battista, parroċċa tax-Xewkija, li saret nhar il-Ħadd, 27 ta’ Ġunju 2010.

Qed ngħixu fi żmien tal-immaġni u tal-kliem! Imma ħafna drabi la l-immaġni u anqas il-kliem ma jirriflettu r-realtà! Huma biss immaġni u kliem qarrieqa!

Inħoss li llum neqsin minn ilħna li jagħtu direzzjoni żgura, direzzjoni li tfittex u tħares il-ġid komuni. Billi hemm interessi personali qawwija u nibżgħu li jekk ngħidu s-sewwa nidhru koroh u hemm x’nitilfu, ħafna drabi nagħżlu li nibqgħu b’fommna mitbuq. L-omertà kull tant qed issir attitudni komda kemm għall-individwi kif ukoll għall-istituzzjonijiet. Qegħdin inbatu minn ċertu “mutiżmu” – għandna soċjetà li kultant tidher mbikkma.


Ċerti ġenituri waqgħu fil-muta quddiem uliedhom. Fejn hi l-kelma tal-ġenitur li biha jeduka, jinkoraġġixxi, iwissi u jikkoreġi lil uliedu? Għaliex il-ġenituri llum tilfu l-kelma quddiem ċerti stili indiċenti ta’ ħajja li qed jadottaw l-ulied? M’għandux ikun il-każ li xi sens ta’ inferjorità jwaqqa’ l-ġenituri fil-muta!

Għalkemm is-soċjetà qed tipproponi ċerti forom oħra ta’ familja, ħafna huma konvinti li dawn il-proposti mhumiex l-aħjar u mhumiex korretti; imma xorta jibqgħu fil-muta u ma jitkellmux. Min qed jgħid il-verità sħiħa dwar l-effetti negattivi tal-koabitazzjoni?

Fl-ambjenti ekonomiċi internazzjonali bosta jitkellmu minn assigurazzjonijiet ta’ futur. Safrattant, kien hemm soċjetajiet li fl-imgħoddi ma qalux il-verità kollha u llum kellhom jieħdu miżuri iebsa li l-aktar jolqtu liż-żgħir. Ma għandhomx jiġu skartati sforzi biex din l-isfida tkun indirizzata bl-akbar responsabiltà.

F’dan il-kuntest, wieħed ma jistax ma jagħrafx il-kontribut siewi li jistgħu jagħtu ċerti istituzzjonijiet meta jitkellmu biex jiġi assigurat l-użu tajjeb u fl-interess komuni tar-riżorsi pubbliċi.

Is-soċjetà tajjeb tevita sitwazzjonijiet fejn wieħed jagħżel li jibqa’ mutu biex jevita li ħaddieħor jitkellem dwaru!

Irrid nittama li quddiem ċerta kritika distruttiva, il-Knisja ma taqax fil-muta wkoll. Hija missjoni tagħha li twassal il-verità ta’ Kristu – ġdida u antika fl-istess waqt. Bħal Ġwanni l-Battista l-Knisja m’għandhiex tkun qażba tixxejjer mar-riħ imma hija l-leħen tal-Kelma. Mat-twelid ta’ Ġwanni l-Battista, mhux biss Alla kisser is-skiet tiegħu u beda jikkomunika mal-bnedmin permezz ta’ Kristu, imma anke Żakkarija rebaħ il-muta tiegħu u beda jitkellem favur is-sewwa. Żakkarija huwa eżempju għal kull bniedem.