Fl-okkażjoni tal-festa tal-Madonna ta’ Loreto, li ġiet iċċelebrata lbieraħ il-Ħadd 29 ta’ Awwissu 2010, fil-parroċċa ta’ Għajnsielem, Għawdex, Mons Isqof Mario Grech mexxa quddiesa pontifikali u fl-omelija li għamel wassal dan il-messaġġ:
Il-futur jiddependi minn kemm il-bniedem ikun kapaċi jew inkapaċi li jagħżel bejn dak li hu tajjeb jew ħażin, bejn dak li hu veru jew falz. Miskina dik is-soċjetà li ssejjaħ tajjeb dak li hu ħażin!
Il-progress materjali u xjentifiku huwa akkwist utli ħafna; imma jekk il-bniedem isir moralment illitterat, il-progress jista’ jinbidel f’forza qerrieda tal-umanità.
Bil-kisbiet ta’ tant drittijiet ċivili li seħħew mal-medda tas-snin, il-bniedem sar aktar ħieles; imma jekk il-libertà tkun miftuma mill-verità, il-libertà ssir biss liċenzja biex wieħed jagħmel li jrid, u hekk jirfes id-drittijiet tal-oħrajn.
Dan kollu l-bniedem jista’ jilqa’ għalih jekk jikkura l-kuxjenza morali tiegħu. Għalkemm huwa impenn diffiċkli u delikat biex wieħed ikollu kuxjenza vera, retta u ċerta, dan huwa proċess neċessarju. Billi l-kuxjenza hija t-tmun li tagħti d-direzzjoni tal-ħajja, tkun ħasra kbira għaċ-ċittadin u għas-soċjetà jekk il-kuxjenza timrad, togħdos fl-iżball jew saħansitra titlef is-sensibiltà tagħha.
Biex wieħed iserraħ fuq il-kuxjenza tiegħu u jimxi magħha, il-kuxjenza trid tkun iffurmata u mdawla bil-verità. Din il-verità teżisti qabel il-kuxjenza: ix-xogħol tal-kuxjenza huwa li ssib u tapplika din il-verità.
Għall-Kattoliċi l-Maġisteru (duttrina) tal-Knisja huwa don provvidenzjali għax jgħallem dawk il-prinċipji tal-morali li, fid-dawl tagħhom, il-ġudizzju tal-kuxjenza jista’ jkun veru, rett u ċert. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħid li l-Maġisteru tal-Knisja jgħin fil-formazzjoni tal-kuxjenza (n.1785). Il-Maġisteru tal-Knisja mhux ostaklu, imma għajnuna mogħtija minn Kristu lill-bnedmin ta’ rieda tajba biex ifittxu, isibu u jilqgħu l-verità: huwa qiegħed hemm biex il-kuxjenza morali tasal b’mod ċert għall-verità. Il-Maġisteru tal-Knisja mhux opinjoni fost il-ħafna opinjonijiet oħra. Il-Maġisteru mhux realtà li jnaqqas, jhedded jew ineħħi l-libertà tal-kuxjenza personali, imma għajnuna li ddawwal il-kuxjenza.
Fi kliem il-Papa Pawlu VI, il-Kattoliċi għandhom juru ubbidjenza u rispett profond u leali, intern u estern, lejn il-Maġisteru tal-Knisja. Dan id-dmir ġej mill-fatt li aħna nemmnu li r-rgħajja spiritwali għandhom id-dawl tal-Ispirtu biex ifissru l-verità (Humanae Vitae, 28). Il-Konċilju Vatikan II jghallem li “meta l-isqfijiet jgħallmu f’għaqda mal-Isqof ta’ Ruma huma għandhom ikunu mismugħa minn kulħadd b’venerazzjoni bħala xhieda tal-verità divina u kattolika; il-fidili għandhom jaċċettaw il-ġudizzju tal-isqof tagħhom, mogħti f’isem Kristu, fi ħwejjeġ ta’ fidi u morali u joqogħdu għalih b’qima reliġjuża. Iżda din il-qima reliġjuża tar-rieda u tal-intellett għandha tingħata b’mod partikulari lill-maġisteru awtentiku tal-isqof ta’ Ruma, ukoll meta ma jkunx qiegħed jitkellem ex-cathedra, b’mod illi l-maġisteru l-iżjed għoli tiegħu jkun magħruf b’rispett u l-ġudizzju tiegħu jkunu obduti bis-sinċerita’ skont il-ħsieb u r-rieda li huwa juri. (Lumen Gentium n.25)