Waqt li jfakkru s-sittin sena tal-preżenza tagħhom fid-Djoċesi ta’ Għawdex, is-Sorijiet Karmelitani ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù qed jiċċelebraw ukoll is-sittin sena mill-inawgurazzjoni tal-Iskola Santa Tereża, immexxija minnhom f’Ta’Kerċem. Continue reading >>
Archive for February, 2017
Omelija f’Jum il-Morda
Kappella tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-Belt Victoria
Il-Ħadd 12 ta’ Frar 2017
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
KELMA TA’ FARAĠ GĦALL-IMWEĠĠGĦIN
Aktar ma naqra l-Vanġelu, aktar nikkonvinċi ruħi li Alla tagħna huwa dejjem qrib il-bniedem ferut u muġugħ! Lil Alla dejjem insibuh fuq in-naħa ta’ min hu vittma u min jaqlagħha fuq rasu. Dan jikkonfermah Ġesù fil-Vanġelu tal-lum (Mt 5:17-37). Min is-soltu jaqra dan il-Vanġelu mil-lenti tal-morali forsi ma jifhimnix; imma l-Kelma ta’ Alla mhix biss “għarbiel tal-morali”, imma hija espressjoni li turina kemm Alla għandu empatija magħna. Għax daqskemm nistgħu nkunu minn dawk li bl-imġiba tagħhom iweġġgħu lill-oħrajn (dan huwa dnub), daqstant ieħor nistgħu nkunu fuq in-naħa tal-imweġġgħin. Continue reading >>
Sintesi tal-Omelija fis-Solennità tan-Nawfraġju ta’ San Pawl Missierna
Knisja parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu, il-Munxar
Il-Ġimgħa 10 ta’ Frar 2017
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
ĦADD MA GĦAMILNA ĠUSTIZZIERA TA’ ĦADD
Fil-qawl “jekk il-ġemel jara ħotobtu, jaqa’ u jmut sobtu”, l-antenati tagħna rnexxielhom jiddeskrivu aspett fid-DNA tagħna: li ħafna drabi aħna naraw it-tibna f’għajn il-proxxmu u ninsew it-travu li hemm f’għajnejna! Għalhekk nissindikaw lill-proxxmu, nerfgħulu salibu, u niġġudikawh. Donnu hawn min għamel lilu nnifsu ġustizzier u l-pjaċir tiegħu huwa li jiddikjara l-kundanna tal-mewt u jaqta’ l-irjus. Continue reading >>
Omelija fil-Funeral tal-Kan. Lino Vella
Knisja parrokkjali tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor il-Kbir, Ta’ Kerċem
Is-Sibt 4 ta’ Frar 2017
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
INTOM IL-MELĦ TAL-ART
Biex jgħix, il-bniedem jeħtieġlu l-ikel, imma l-ikel maż-żmien jitħassar u jispiċċa. Jekk l-ikel ikun skars, l-istess ħajja umana tkun mhedda. Għalhekk, biex ikun jista’ jikkonserva l-ikel fit-tul mingħajr ma jitħassar u hekk jiżgura li jgħix, il-bniedem beda juża l-melħ. Il-melħ tant sar prezzjuż li hemm min isejjaħlu “deheb abjad”. Il-melħ iserrħilna rasna li ser ikollna ikel biex ngħixu.
Imma aħna nafu li mhux biss l-ikel jitħassar, imma anki l-bniedem huwa suġġett għal taħsir. Anzi, ebda esperjenza umana ma hija meħlusa mit-taħsir. Dan narawh fl-esperjenza tagħna fil-familja, fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, fuq ix-xogħol, fid-diversi oqsma tas-soċjetà, u l-bqija. Mhux tant rari li niltaqgħu ma’ realtajiet umani minsusa mit-taħsir. It-taħsir, li jista’ jkun materjali, affettiv, morali, soċjali u spiritwali, huwa parti mill-ħajja tagħna. Din il-qagħda taf taqtgħalna qalbna, għax ladarba l-ħwejjeġ jibdew jitħassru, it-taħsir joktor. Continue reading >>
Omelija fil-Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej,
Jum il-Ħajja Kkonsagrata
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
Il-Ħamis 2 ta’ Frar 2017
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
BIEX INKUNU PAĊI MA’ ALLA
Kif mhux possibbli li wieħed jidħol fl-ilma u ma jixxarrabx, hekk ukoll mhux minnu min jgħid li jkun iltaqa’ ma’ Ġesù u jibqa’ ma jinbidilx. Meta l-Kelma ta’ Alla tasal f’widnejna u f’qalbna, hija tagħtina skoss qawwi u tqabbad fina moviment. Meta dan ma jseħħx, ifisser li l-kelma hija mejta – li mhix il-Kelma ta’ Alla. Imma bħal Xmun fit-Tempju aħna wkoll għandna bżonn tal-għajnuna biex nisimgħu tidwi f’qalbna din il-Kelma u nħalluha ġġib il-konverżjoni tagħna. L-Ispirtu s-Santu li għen lil Xmun, jassisti lilna wkoll. Fil-fatt, fir-rakkont tal-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju, San Luqa jgħidilna li l-Ispirtu s-Santu kien fuq Xmun u li dan kien imnebbaħ u mqanqal mill-Ispirtu s-Santu. Fil-magħmudija aħna rċivejna dan l-istess Spirtu s-Santu u għalhekk ma nibqgħux lura milli nsejħulu biex jgħinna nfasslu ħajjitna fuq il-Kelma. Neħtieġu t-tnebbiħ tal-Ispirtu biex nagħmlu r-rieda ta’ Alla. Għalhekk San Pawl jistedinna biex “nistħarrġu l-Ispirti” (1 Kor 12:10) u San Ġwann jiktbilna li “mhux kull xorta ta’ spirti għandkom temmnu. L-Ispirti stħarrġuhom biex taraw ikunux ġejjin minn Alla” (1 Ġw 4:1). Imma biex nagħmlu dan id-dixxerniment spiritwali, neħtieġu l-akkumpanjament tad-direttur jew direttriċi spiritwali. Continue reading >>
Is-Sala Stampa tal-Vatikan illum tat l-aħbar li l-Papa Franġisku ħatar lill-E.T. Mons. George Bugeja O.F.M. bħala Vigarju Appostoliku ta’ Tripli, wara r-riżenja tal-E.T. Mons. Giovanni Martinelli O.F.M.
Id-Djoċesi ta’ Għawdex tingħaqad mal-Komunità Kattolika fi Tripli fir-radd il-ħajr lil Alla, filwaqt li takkumpanja lil Patri George permezz tat-talb fil-ministeru episkopali tiegħu.
http://press.vatican.va/content/salastampa/it/bollettino/pubblico/2017/02/05/0078/00189.html