Iċċelebrat Jum Malta Kattolika

Sintesi tal-Omelija fis-Solennità tan-Nawfraġju ta’ San Pawl Missierna
Knisja parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu, il-Munxar
Il-Ġimgħa 10 ta’ Frar 2017
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

san-pawl-statue.jpgĦADD MA GĦAMILNA ĠUSTIZZIERA TA’ ĦADD

Fil-qawl “jekk il-ġemel jara ħotobtu, jaqa’ u jmut sobtu”, l-antenati tagħna rnexxielhom jiddeskrivu aspett fid-DNA tagħna: li ħafna drabi aħna naraw it-tibna f’għajn il-proxxmu u ninsew it-travu li hemm f’għajnejna! Għalhekk nissindikaw lill-proxxmu, nerfgħulu salibu, u niġġudikawh. Donnu hawn min għamel lilu nnifsu ġustizzier u l-pjaċir tiegħu huwa li jiddikjara l-kundanna tal-mewt u jaqta’ l-irjus.

Hekk ġara dakinhar tan-nawfraġju ta’ San Pawl. Meta Pawlu qabad zkuk niexfa u tefagħhom fin-nar u kien hemm lifgħa li qabdet ma’ id Pawlu, in-nies tal-gżira bdew jgħidu li “żgur kien xi qattiel għax għad li ħelisha mill-baħar, il-Ġustizzja ma ħallitux jgħix” (Atti 27:4). In-nies iġġudikaw lil Pawlu fuq dak li kien jidher. Billi kien flimkien mal-ħabsin, mill-ewwel iġġudikawh qattiel u kkundannawh għall-mewt. Dan l-istess żball tan-nies ta’ dak iż-żmien, nagħmlu aħna llum meta ngħaddu ġudizzji fuq il-proxxmu tagħna fuq dak li nosservaw minn barra.

Kien għalhekk li fil-Linji-Gwida li tajna lis-saċerdoti dwar il-ħidma pastorali ma’ dawk il-miżżewġin li jinsabu fit-tieni relazzjoni, aħna għidna: “Ma nistgħux ngħidu aktar li dawk kollha li jinsabu f’qagħda hekk imsejħa irregolari qed jgħixu fl-istat tad-dnub il-mejjet, imċaħħda mill-grazzja li tqaddes”. Għalhekk hu possibbli li wieħed ikun f’qagħda oġġettiva ta’ dnub, imma ma jkollux fuq spallejh ir-responsabbiltà morali. Kif jikteb San Ġwann: “Tagħmlux ħaqq skont dak li jaraw l-għajnejn, imma għamluh skont is-sewwa” (7:14). Imma min jaf x’inhu s-sewwa fil-każ tal-persuna l-oħra? Huwa għalhekk li l-Papa Franġisku jgħid: “Jien min jien biex niġġudika lil dak li jkun?”. F’kull każ partikulari, huma l-individwu u Alla biss li jafu x’inhi s-sewwa.

Imbagħad jidher li meta Pawlu wasal fuq xtutna l-Maltin kellhom kunċett dejjaq ta’ ġustizzja divina. Għalihom il-ġustizzja ta’ Alla kellha tifsira distributtiva u vendikattiva – fis-sens li ladarba Pawlu kien (skont huma) qattiel, kien ħaqqu l-mewt. Kif uriet ċerta reazzjoni negattiva għal-Linji-Gwida li tajna dan l-aħħar aħna l-Isqfijiet, għaddew tant snin u ħafna llum għadhom b’dan l-istess ħsieb dwar il-ġustizzja – hemm min qed jirraġuna li jekk Alla huwa ġust, allura ma hemmx maħfra għal min għamel żball irriversibbli fil-ħajja taż-żwieġ.

Imma kif Pawlu jikteb fl-Ittra lir-Rumani, il-ġustizzja ta’ Alla dehret fi Kristu. Kristu wriena li l-ġustizzja ta’ Alla għandha isem ġdid – miżerikordja. Din hija l-akbar rivelazzjoni. Alla huwa ġust miegħu nnifsu meta bl-imħabba tiegħu jerġa’ jħabbeb lill-bniedem miegħu. Il-bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-glorja ta’ Alla, imma issa huma ġġustifikati bil-grazzja tiegħu li jagħtina minn rajh permezz tal-fidwa li hemm fi Kristu (Rum 3). Ma kienx biżżejjed għal Alla li jaħfer id-dnubiet, imma refa’ fuq spallejh id-dnubiet tagħna. Fil-fatt, Pawlu jikteb frażi dwar Kristu li għal xi wħud tista’ tinstema’ skandaluża: “Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina!”.

Għalhekk ma għandniex għalfejn la nitkażaw u lanqas nieħdu skandlu meta l-Knisja Omm qed tgħidilna li Alla qed joffri l-ħniena u l-maħfra anki lil dawk li għamlu xi nuqqas irreparabbli fil-ħajja affettiva tagħhom. Kif jgħallem Missierna Pawlu, huwa Alla li salvana bil-grazzja – aħna salvati mhux bis-saħħa jew il-merti tagħna, imma b’don minn Alla.

Il-Papa Franġisku għażel bħala motto l-kliem “Miserando atque eligendo – Alla kien ħanin miegħi u għalhekk għażilni”. Dan nistgħu napplikawh ukoll għal Pawlu ta’ Tarsu li wara l-esperjenza li kellu fit-triq ta’ Damasku, seta’ jgħid: “Alla wera ħniena miegħi u għamilni appostlu”. Imma dan l-istess kliem jista’ joqgħod fuq xofftejna: hija l-ħniena ta’ Alla li meta naqgħu terġa’ twaqqafna fuq riġlejna! Ħa tkun il-ġrajja tan-Nawfraġju ta’ Missierna opportunità biex aħna lkoll ngħassu fuqna nfusna ħalli ma niġġudikaw lil ħadd skont l-apparenza – jekk huwa veru li mhux kulma jleqq huwa deheb, daqstant ieħor mhux kulma jleqq huwa landa. Niftakru li meta nagħmlu ħaqq minn ħaddieħor, inkunu qegħdin nikkundannaw lilna nfusna – ħallina mill-ħotba tal-proxxmu tagħna, għax jekk il-ġemel jara ħotobtu jaqa’ u jmut sobtu!

Fl-istess waqt nixtarru aktar it-tifsira rivoluzzjonarja tal-ġustizzja ta’ Alla kif jgħallimhielna San Pawl – proprju għaliex huwa ġust, Alla lest li jgħinna nagħtu bidu ġdid.